L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Imqanqla mill-Ispirtu s-Santu, Sidtna Marija, malli tisma’ li l-qariba tagħha Santa Eliżabetta tinsab fis-sitt xahar tat-tqala tagħha, għax hekk qalilha l-Anġlu Gabrijel, “qamet u marret tħaffef lejn l-għoljiet” (Lq 1:39). Il-Knisja llum titlob għall-Poplu ta’ Alla d-don tad-doċilità, lejn l-ispirazzjonijiet tal-Mulej, lejn il-vuċi tal-Ispirtu s-Santu. F’dan ir-rakkont minn San Luqa, l-Ispirtu s-Santu huwa protogonista. “Malli Eliżabetta semgħet lil Marija ssellmilha, it-tarbija qabżet fil-ġuf tagħha u Eliżabetta mtliet bl-Ispirtu s-Santu” (Lq 1:41). Marija, ispirata wkoll mill-Ispirtu tal-Mulej, tgħanni l-għanja li l-Knisja tissellef għat-talba ta’ filgħaxija: “Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej, u l-Ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi” (Lq 1:46-47).

Marija ssejjaħ lilha nnifisha ‘qaddejja’: “xeħet għajnejh fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu” (Lq 1:48). Imma ssejjaħ lilha nnifisha wkoll ‘hienja’: “Minn issa ’l quddiem kull nisel isejjaħli hienja” (Lq 1:48). Eliżabetta tagħtiha wkoll isem sabiħ, ‘dik li emmnet’: “hienja dik li emmnet li jseħħ kull ma bagħat jgħidilha l-Mulej” (Lq 1:45). Tgħidilha wkoll li hija “Omm Sidi” (Lq 1:43).

“Imbierka inti fost in-nisa” (Lq 1:42). Għażiża Lorna, il-Mulej qed jispirak biex tagħmel parti minn din il-familja ta’ nisa li taw ħajjithom, u li qed jagħtu ħajjithom bħala Qaddejja taċ-Ċenaklu. Qed tingħatalek il-grazzja li tkun qrib is-saċerdoti mhux biss f’dan il-wied tad-dmugħ, imma wkoll fil-mumenti fejn is-saċerdot jibda jagħmel il-kontijiet u jipprepara l-bagalja, jew inkella joffri, għal minn għadu iżjed żgħażugħ, dak kollu li l-Mulej jipprovdhielu bħala offerta. Iċ-ċenaklu u dak li sar meta twaqqaf is-saċerdozju, meta twaqqfet l-Ewkaristija, ma setgħax isir mingħajr il-qaddejja li ma jissemmewx, għax qegħdin fl-isfond. Min ipprepara l-ikla? Min newwel il-friskatur għall-ħasil tar-riġlejn? Min ġab il-ħobż u l-inbid u l-ħxejjex? Iċ-ċenaklu minn dejjem kellu l-qaddejja tiegħu.

Aħna nifirħu bl-għotja tiegħek u nitolbu li tkun bieb miftuħ fuq il-qalb ta’ ħafna tfajliet oħra.

Il-Mulej sejjaħlek biex tqum u tmur tħaffef lejn din l-għolja ċkejkna f’Birkirkara. Inti tiltaqa’ mal-Mulej fil-qaddejja tiegħu, f’ħutek fil-komunità u fis-saċerdoti li għalihom qiegħda tagħti ħajtek, mhux biss bil-qadi, imma bl-interċessjoni u bit-talb. Anke dan iċ-ċenaklu għandu ħafna qaddejja ta’ kull livell. Kulħadd bis-sabiħ u bil-ħelu tiegħu, u b’xi qatra morr ’il hemm u ’l hawn. Imma dik hija l-ħajja. Aħna nifirħu bl-għotja tiegħek u nitolbu li tkun bieb miftuħ fuq il-qalb ta’ ħafna tfajliet oħra. L-għotja tiegħek ma naħsibx li ser naraha fil-headlines tas-CNN jew tal-BBC — biex ma nsemmi l-ebda midja lokali — imma qiegħda miktuba fil-ktieb tal-ħajja ta’ Alla, dak il-ktieb li ma jħassru ħadd.

Il-Mulej qed jagħtik il-grazzja li ġġorr is-salib fil-ferħ, u li bħal Marija wara li nagħtatilha l-aħbar li kkumplikatilha ħajjitha, mill-ewwel ħasbet f’xi ħadd li għandu bżonn. Taffaxxinani din id-disponibbiltà ta’ Marija, li għalkemm hija omm — u trid tispjega lill-għarus tagħha kif hija omm — qiegħda fil-periklu li jħaġġruha, imma taħseb f’Eliżabbetta. Is-sinjal li ta l-anġlu, “ara, l-qariba tiegħek Eliżabetta … u dan hu sitt xahar dik li għaliha kienu jgħidu li ma jistax ikollha tfal, għax għal Alla ma hemm xejn li ma jistax isir” (Lq 1:36-37). Dak is-sinjal għal Marija ma jkunx biss prova li dak li se jseħħ fil-ġuf tagħha huwa opra tal-Ispirtu s-Santu, ta’ dak Alla li ma hemm xejn li ma jistax ikun, imma hija wkoll stedina għall-għożża u għas-solidarjetà. Hi titlaq kollox u “qamet u marret tħaffef lejn l-għoljiet” (Lq 1:39).

Il-Madonna hekk qalet: “Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien fuq dawk li jibżgħu minnu” (Lq 1:50). Imma kif ser jagħmel Alla biex jifrex il-ħniena tiegħu? Jinqeda bik. Alla jifrex il-ħniena tiegħu f’kull żmien permezz tagħna. Lis-saċerdoti tahom il-qawwa li fil-ministeru tal-Knisja jaħfru d-dnubiet f’ismu u bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu. Hu għażel li permezz tagħhom — dgħajfin u midinbin — jifrex il-ħniena tiegħu partikolari, spiritwali u radikali; Imma hemm l-opri tal-ħniena: “Kont bil-ġuħ u tmajtuni” (Mt 25:35), b’mod speċjali fil-ħin ta’ nofsinhar: “Kont bil-għatx u sqejtuni, kont marid u ġejtu tarawni, kont għeri u libbistuni” (Mt 25:35-36). Dawn ukoll huma opri tal-ħniena li l-Mulej jkompli jifrex matul iż-żminijiet permezz tagħhom. Permezz tiegħek, Lorna, u ta’ sħabek.

Għax biex tgħix f’komunità trid titgħallem tħenn u titbissem bik innifsek.

“Mela b’kull ġid lil min hu bil-ġuħ …. ħa ħsieb Iżrael qaddej tiegħu, għax ftakar fil-ħniena tiegħu” (Lq 1:54-55). Meta jiġu mumenti tad-dlam fuqek, mumenti ta’ qtigħ il-qalb u ta’ frustrazzjoni, ftakar fil-ħniena ta’ Alla, ftakar li hu jħenn għalik u għal kulħadd. Il-ħniena tagħmel il-mirakli. Malli naħfru lil min forsi naqasna, lil min qal kelma iebsa fuqna, aħna niġu meħlusa. Dan huwa d-don ta’ Alla li jiftakar fil-ħniena tiegħu u jgħallimna nagħmlu l-istess. Għax biex tgħix f’komunità trid titgħallem tħenn u titbissem bik innifsek. Mhux biss bis-superjura imma bik innifsek. Is-sens ta’ ironija — li m’għandux jimliena b’ħafna serjetà — għandu jġegħelna nimxu t-triq b’ċertu sliem li ma jeħodulna ħadd.

Itlob ħafna lill-Madonna, mhux biss f’din il-festa, imma biex tħarsek u tagħmlek tassew qaddejja fil-ġirja tagħha. “Hawn jien il-qaddejja tal-Mulej: ħa jsir minni skont kelmtek” (Lq 1:38). Il-Mulej qed jużak f’dan is-servizz tant għażiż mas-saċerdot, anke fil-mumenti diffiċli ta’ mard u ta’ anzjanità, u jsib min jieħu ħsiebu. B’dan is-servizz tant għażiż, mhux biss ikollok futur, imma jagħmel minna, minnek, minn sħabek, u minn kull min jaħdem hawn, familja ta’ qaddisin. 

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Sof 3:14-18
Salm: 12, 2-6
Evanġelju: Lq 1:39-56

Aktar ritratti >>