Mill‑Ħamis 18 ta’ Jannar 2024, l‑Insara kollha madwar id‑dinja se jiċċelebraw il‑Ġimgħa ta’ Talb għall‑Għaqda fost l‑Insara li se tintemm il-Ħamis 25 ta’ Jannar. Matul din il‑ġimgħa, il‑Knejjes differenti jingħaqdu għal talb ekumeniku biex isseħħ l‑għaqda fost l‑Insara. It‑tema ta’ din is‑sena hi meħuda mill‑Evanġelju ta’ San Luqa: “Għandek tħobb il-Mulej Alla tiegħek … u lil għajrek bħalek innifsek” (10:27). Din is‑sena, it‑tema u l‑materjal ta’ talb tħejja minn grupp ekumeniku fil-Burkina Faso, pajjiż fil-qalba tal-Afrika.

Matul din il‑ġimgħa, se jsir Servizz Ekumeniku Djoċesan nhar il‑Ġimgħa, 19 ta’ Jannar 2024, fis‑6:30pm, f’St Andrew’s Scots Church fil-Belt Valletta. L‑Arċisqof Charles Scicluna u mexxejja ta’ Knejjes oħra f’Malta se jkunu qed jieħdu sehem, filwaqt li r‑riflessjoni biblika se ssir minn Fr Nikos Gongadze mill-Eżarkat Patrijarkali ta’ Melite, li taqa’ taħt il-Patrijarkat Ekumeniku ta’ Kostantinopli. Kulħadd huwa mistieden jattendi.