L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Il-Kelma ta’ Ġesù, tinstema’ pjuttost ħarxa u anke stramba. Tgħiduli, għaliex? Għax dan il-qari, qegħdin noqorbu lejn tmiem is-Sena Liturġika, is-sena tat-talb tal-Knisja, qabel nerġgħu nibdew sena ġdida, bl-Avvent, bit-tħejjija għall-Milied. Allura, fl-aħħar jiem tas-sena naqraw l-Evanġelji, li fihom Ġesù jitkellem dwar il-ħajja, t-tmiem tal-ħajja, il-ġudizzju, u anke sinifikat profond tal-eżistenza tagħna.

Tgħiduli, aħna qegħdin niċċelebraw il-ħajja, qegħdin niċċelebraw l-entużjażmu ta’ bidu ġdid; qegħdin ukoll nirringrazzjaw lil Alla, ta’ parti mill-ħajja tagħna li ntemmet għall-grazzja ta’ Alla b’suċċess. Jiena nixtieq l-ewwel nett, nifirħilkom, u ninterpreta l-ferħ ta’ kull wieħed u waħda minna, li narawkom hawnhekk f’din il-Bażilika, tirringrazzjaw lil Alla.

Ġesù l-ewwel nett, jirrikonoxxi l-ħajja tal-bniedem, hi nisġa ta’ mħabba u intrapriża: “Jieklu, jixorbu, jiżżewġu u jżewġu” (Lq 17:27); jgħid ukoll li, din hi l-ħajja tal-bniedem li tagħti sens lill-eżistenza tagħna. Imma jixtieqna, b’lingwaġġ forsi naqra iebes, aħna ngħidulu tal-aħħar, apokalittiku; nifhmu li l-veru sens tal-ħajja, meta f’dan kollu, anke fis-snajja’, fil-professjonijiet, l-arti li intom se tħaddnu, ma ningħalqux fina nfusna.

Hemm din il-kelma misterjuża, imma li fiha sinifikat profond. Nixtieq li nissuġġerilkom bħala programm għall-ħajja tagħkom. Nawguralkom li tkun ħajja twila, u li llum, se tibda fażi ġdida: “Min ifittex isalva ħajtu, jitlifha; iżda min jitlifha, isalvaha!” (Lq 17:33). Xi jrid jgħid Ġesù? Xi tfisser titlef ħajtek? Intom ilkoll nimmaġina fil-ħolm tagħkom, hemm, jew fuq ix-xefaq ta’ ħajjitkom relazzjonijiet ta’ ħbiberija u ta’ mħabba. Qegħdin tapprezzaw fiż-żgħożija mqanqla u ħabbrieka tagħkom, xi tfisser tgħix ma’ ħaddieħor, xi tfisser toħlom flimkien; uħud minnkom forsi xi tfisser tgħix flimkien. U tafu li dan ifisser, li ma tistax ikun li dejjem tgħaddi tiegħi. Fil-qligħ kbir li ma nkunx waħdi, imma nkunu flimkien, hemm ħafna telf; imma f’dak it-telf, hemm ħafna gwadann.

Kunu nies li tħarsu l-liġijiet tal-pajjiż, kemm fuq il-lant tax-xogħol, u anke fuq il-ħajja  ta’ divertiment.

Jekk jien nidħol f’relazzjoni ta’ mħabba, ta’ professjoni, u naħseb biss li se niġbed biss għal xawwati, kif ngħidu bil-Malti (se nħares biss lejn l-interessi egoistiċi tiegħi) forsi mingħalija qed insalva ħajti; imma qed nitlef is-sens veru tal-ħajja. Hi sabiħa meta tingħata. L-istedina li nagħmlilkom illum hi, li f’kull professjoni li se tkunu qed teżerċitaw wara din il-gradwazzjoni jew tkomplu teżerċitaw bil-qawwa tar-rikonoxximent li għandkom, ma tibżgħux titilfu ħajjitkom fl-għotja ta’ mħabba u ta’ servizz għal ħaddieħor; għax hekk issib ħajtek. Meta inti mingħalik li se ssalva ħajtek, u taħseb biss fl-interessi egoistiċi tiegħek, ħajtek għadek ma bdejtx tgħixha. Din hi l-kelma li jrid iwasslilna Ġesù.

Fil-fatt, Ġesù jitkellem dwar il-ġisem mejjet, li jattira lil-isqra. Jekk aħna nkunu soċjetà, magħmula min-nies – li jfittxu biss l-interessi tagħhom, li jidħlu fi professjoni, fil-politika, fis-servizz vokazzjonali, biex jagħmlu l-qligħ biss – minn soċjetà ħajja nsiru ġisem mejjet, noqtlu lil xulxin bir-regħba, u nattiraw l-isqra li jinġabru biex iqattawna biċċiet. Imma jiena u nħares lejkom, it-tama tiegħi hi li intom tkunu ġenerazzjoni li ma tibżgħux titilfu x-xefaq dejjaq tal-interessi personali, u f’kulma tagħmlu u tgħidu, taħsbu li tkunu ta’ servizz għal xulxin u għas-soċjetà.

Tibżgħux titilfu ħajjitkom fl-għotja ta’ mħabba u ta’ servizz għal ħaddieħor; għax hekk issib ħajtek. Meta inti mingħalik li se ssalva ħajtek, u taħseb biss fl-interessi egoistiċi tiegħek, ħajtek għadek ma bdejtx tgħixha.

Il-Mulej jipprovdilkom, qatt mhu se jonqoskom il-ħobż imbierek maqlugħ bl-integrità, bl-onestà, bil-bżulija, u bir-rettitudni. Kunu nies li tħarsu l-liġijiet tal-pajjiż, kemm fuq il-lant tax-xogħol, u anke fuq il-ħajja  ta’ divertiment. Wara kollox iż-żogħżija hi l-mument fejn induqu l-entużjażmu tal-ħajja; u t-talba tagħna, meta nħarsu lejkom, li, ma taħarqux iż-żgħożija tagħkom, imma tgawduwha biex tiżviluppa f’maturità għarfa.

Il-Ktieb tal-Għerf jitkellem dwar il-ġmiel tal-ħlejjaq. “Għax fil-kobor u l-ġmiel tal-ħlejjaq jingħaraf, bħal fi xbieha, dak li jagħmilhom. Imma dawn mhuwiex ta’ min ilumhom wisq” (Għerf 13:5-6). Min jaħseb li s-sbuħija tad-dinja hi xi ħaġa li timla l-qalb; imma hi togħma ta’ sbuħija ta’ min ħalaq id-dinja, ta’ min ħalaq lili u lilek, fix-xbieha tiegħu; ta’ min qed isejħilna ta’ destin aħjar li ma jispiċċa qatt.

L-aħħar kelma li nagħtikom illum hi li intom u tikbru fil-maturità tal-professjoni, tas-sengħa, tal-industija li għaliha ppreparajtu ruħkom, u li t-toroq tal-ħajja se twassalkom fiha, inkluż il-politika, dejjem tfittxu t-togħma bnina ta’ min jagħmel is-sewwa, u jaħdem għall-ġustizzja. Qegħdin ngħixu f’dinja ta’ vjolenza inawdita. Ejjew nitolbu, li aħna nkunu dawk, li mhux inqaċċtu s-siġar imma li nħawluhom.      

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Għerf 13:1-9
Salm: 18:2-3,4-5
L-Evanġelju: Lq 17:26-37

Ritratti: MCAST – Miguela Xuereb