Il-messaġġ tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Sinjur Alla, jien għandi bżonnok”. Eċċellenza, din it-talba sempliċi u profonda ta’ San Ġorġ Preca, flimkien ma’ “Grazzi Sinjur Alla u aħfirli Sinjur Alla”, hi waħda mill-espressjonijiet l-aktar komuni li smajtek tgħid kemm-il darba f’okkażjoni jew oħra f’dawn l-aħħar għaxar snin, u donnu iktar kemm ilek arċisqof. Nifhmek. Naraha tesprimi ħafna l-konvinzjoni tiegħek, li għandha tkun ukoll tagħna, imma naraha wkoll tiġbor dak li tul dawn l-għaxar snin int fittixt li twassal u twettaq b’tant dedikazzjoni u ġenerożità.
Għażiż Arċisqof tagħna, aħna llum ngħidulek grazzi mill-qalb. Int urejtna x’jiġifieri ragħaj mogħti għall-poplu ta’ Alla. F’dawn l-għaxar snin, ħdimt bis-sħiħ biex twassal il-Kelma ta’ Alla b’mod ċar, b’koerenza mal-motto tiegħek Fidelis et verax. Inti fittixt li twassal il-viżjoni ta’ Knisja li jagħtina l-Papa Franġisku fl-Eżortazzjoni Appostolika li ħarġet bħal-lum disa’ snin ilu, Evangelii gaudium – Knisja li tisma’, li tilqa’, li takkumpanja, u li toħroġ b’missjoni.
Int urejtna kif il-Knisja tagħti kontribut siewi għall-ġid tas-soċjetà Maltija u tkompli taħdem għar-rispett sħiħ għad-dinjità u għall-ħajja tal-bniedem f’kull waqt tagħha – sa mill-bidu nett tal-ħajja, mat-tnissil, meta hemm xi ħadd mhux xi ħaġa. Int fittixt li taqdi lill-poplu bil-ħtiġijiet l-aktar profondi tiegħu b’attitudni ta’ viċinanza, kompassjoni u tenerezza. Aħna llum nixtiequ nuruk il-gratitudni u l-apprezzament tagħna.
Nafu li ċentrali għall-ħajja tiegħek hi ċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija, l-għajn u l-quċċata tal-missjoni tal-Knisja. Bħala sinjal ta’ apprezzament tal-Knisja f’Malta, nixtiequ nagħtuk dan il-kalċi li hu espressjoni tal-imħabba tagħna.
Dan il-kalċi, Eċċellenza, ma jfakkrekx biss fil-kalċi li jkollok tixrob fil-missjoni tiegħek ta’ Arċisqof – bħalma qal Ġesù lil Ġakbu u Ġwanni “il-kalċi tiegħi tixorbuh tassew…” (Mt 20:23) – u għalhekk fl-għotja tiegħek innifsek li trid tagħmel kontinwament, imma jfakkrek ukoll fil-preżenza ħajja tal-Mulej magħna – preżenza li hi tweġiba għat-talba li int tagħmillu ta’ spiss: “Sinjur Alla, jien għandi bżonnok”.
Aħna lkoll għandna bżonn il-Mulej; u għandna bżonn ukoll lilek biex tgħinna nkomplu l-mixja li twassalna għandu bħala Knisja Waħda fi Vjaġġ Wieħed. Għalhekk it-talba tagħna hi biex int tkompli taqdi lill-Mulej b’ħafna mħabba u b’qalb kbira u li fina ssib appoġġ sħiħ f’din il-missjoni tiegħek.
Ad multos annos, Eċċellenza!
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju