Il-Papa Benedittu XVI awtorizza d-digrieti li jirrikonoxxu l-virtujiet eroiċi tal-Papa Ġwanni Pawlu II u ta’ Papa Piju XII, pass li jimbotta liż-żewġ kandidati eqreb lejn il-kanonizzazzjoni. Il-Papa approva fl-aħħar jiem 21 digriet, ħamsa minnhom huma ta’ mirakli attribwiti għal dawk beatifikati u li jikkwalifikaw għall-kanonizzazzjoni. Ħames digrieti jirrigwardaw mirakli attribwiti għal dawk venerabbli u li huma issa kwalifikati għall-beatifikazzjoni. Digriet ieħor jirrikonoxxi martirju u ieħor virtu erojka. Id-disa’ digrieti l-oħra, inklużi taż-żewġ Papiet, jixhdu l-virtujiet eroiċi tas-Servi t’Alla. Id-disgħa issa qed jingħataw it-titlu ta’ Venerabbli. Minn hawn, ikun imiss li jseħħ miraklu bl-interċessjoni tagħhom biex ikunu jistgħu jaslu għall-beatifikazzjoni.
Il-Papa Piju XII, imwieled Eugenio Pacelli f’Ruma fl-1876, serva bħala Kap tal-Knisja Universali mill-1939 sakemm miet fl-1958 f’Castel Gandolfo. Kien mexxa l-Knisja Kattolika tul is-snin mimlija tensjoni ta’ żmien it-tieni gwerra dinjija. Huwa kien ikkritikat li baqa’ sieket quddiem l-Olokawst tal-Lhud, anki meta storiċi jinnutaw li serva f’irwol importanti ħafna biex ġew salvati għadd ta’ ħajjiet Lhud.
Il-Papa Ġwanni Pawlu II, imwieled Carol Wojtyla fl-1920 f’Wadowice fil-Polonja, kien elett Papa f’Ottubru 1978 u serva sakemm miet fit-2 t’April 2005. Mijiet ta’ eluf ta’ pellegrini kienu mlew Pjazza San Pietru fil-Vatikan fl-aħħar jiem ta’ ħajtu u għall-funeral tiegħu, fejn kienet ikkaratterizzata l-għajta tan-nies ‘SANTO SUBITO’. L-istoriċi tas-seklu 20 jattribwixxu l-waqgħa tal-Komuniżmu fil-biċċa l-kbira għall-isforzi tal-Papa Wojtyla, waqt li storiċi tal-Knisja josservaw l-impenn tiegħu biex kien implimentat il-Konċilju Vatikan II.