L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

Id-diskussjoni dwar liema hu l-ewwel fost il-kmandamenti kienet, fi żmien Ġesù, diskussjoni li kienu jagħmlu l-kittieba u l-għorrief tal-Liġi. Għax fil-fatt kien hemm ħafna kmandamenti, regolamenti u liġijiet li kellu l-poplu Lhudi, u kultant kienu jiddiskutu liema jiġi l-ewwel.

Din il-mistoqsija li għamlu lil Ġesù ma ġabitx risposta, min-naħa ta’ Ġesù, ta’ ħafna kliem, imma mar mill-ewwel fil-qalba, dak li hu l-aktar importanti. U Ġesù jsemmi: Ħobb lill-Mulej Alla tiegħek “b’qalbek kollha, b’ruħek kollha, b’moħħok kollu u bil-qawwa tiegħek kollha”. U mbagħad jgħid ukoll liema hu t-tieni kmandament li jgħaqqdu ma’ dan: “Ħobb lil għajrek bħalek innifsek”.

Aħna llum tant smajnieha drabi din, li kważi drajnieha. Imma meta qalha Ġesù, il-mod kif qalha kienet xi ħaġa ġdida għalihom. Għaliex? Għax ħafna kienu jafu li l-ewwel kmandament hu li tħobb lill-Mulej Alla tiegħek b’mod sħiħ. Dak hu li smajna fl-Ewwel Qari, fil-Ktieb tad-Dewteronomju. Imma li miegħu tgħaqqad bħala ħaġa waħda, waħda twassal għall-oħra “Ħobb lil għajrek bħalek innifsek”, dik kienet xi ħaġa ġdida li qed jagħmel Ġesù. Hu għaqqadhom it-tnejn flimkien. It-tnejn kienu jeżistu, imma li tgħaqqadhom flimkien kienet xi ħaġa ġdida. Bis-saħħa ta’ hekk, Ġesù ta tifsira ġdida lil dan l-ewwel kmandament li jridna nsegwu.

X’qed jgħid Ġesù b’dal-kliem tiegħu?

Hu ħabbna l-ewwel

L-ewwel nett, li dik li għandha tmexxina u tispirana fil-ħajja hi proprju din l-imħabba sħiħa lejn Alla. Għaliex? Għax hu ħabbna l-ewwel, u meta ħalaqna qiegħed fina diż-żerriegħa tal-imħabba. Tana l-kapaċità li nħobbu u li nkunu maħbuba u li hemm insibu tassew l-isbaħ u l-aħjar fil-ħajja. Hi l-imħabba li tagħmel id-differenza kbira fil-ħajja: meta nħobbu u nkunu maħbuba. Meta Ġesù enfasizza dan, qed jgħid: dan għandu jmexxina fil-ħajja. Irċevejna din l-imħabba ta’ Alla, u għalhekk lilu għandna nħobbu b’mod sħiħ. U tkun din li tispirana l-ħin kollu fil-ħajja tagħna.

X’differenza tagħmel meta l-għaxar kmandamenti li tgħallimna narawhom bħala espressjoni tal-imħabba lejn Alla, iktar milli narawhom biss bħala obbligu

Ara x’differenza tagħmel meta l-għaxar kmandamenti li tgħallimna narawhom bħala espressjoni tal-imħabba lejn Alla, iktar milli narawhom biss bħala obbligu: trid tagħmel hekk, hekk m’għandekx tagħmel. Meta narawhom bħala obbligu biss, nitilfu t-tifsira vera tagħhom; imma meta narawhom bħala espressjoni tal-imħabba lejn Alla u lejn l-oħrajn, hemmhekk tassew ikollna t-tifsira sħiħa tagħhom.

Biex ħajjitna ma tkunx tistona

Ġesù jgħid ħaġa oħra importanti: jekk verament inħobbu lil Alla, din għandha twassalna biex inħobbu lill-oħrajn. Jekk dawn ikunu mifrudin minn xulxin, jiġifieri ngħidu li nħobbu lil Alla imma l-imġiba tagħna mal-oħrajn ma turix din l-imħabba, hemm xi ħaġa li tistona. Din narawha fil-ħajja tagħna u nindunaw meta tkun tistona. Jekk xi ħadd jgħid “jien inħobb lil Alla” u meta niltaqgħu flimkien, jiġi fil-knisja jfaħħru u jirringrazzjah għax iħobbu, imma mbagħad meta jmur id-dar jittratta ħażin lil tad-dar – u mhux għax jinqalgħu kultant xi diffikultajiet, imma bi stil ta’ ħajja – hemm xi ħaġa li tistona. L-istess jekk xi ħadd jgħid li jħobb lil Alla, imbagħad jittratta ħażin lil sħabu fuq il-post tax-xogħol; jew inkella jitkellem b’malafama fuq dak u fuq l-ieħor u fuq l-oħra, hemm xi ħaġa li tistona sew. Għalhekk il-Mulej jistedinna biex nagħrfu kif l-imħabba lejh nesprimuha tassew bl-imħabba lejn l-oħrajn.

Kultant tisma’ min jgħid: jekk tiġi l-knisja tfaħħar lil Alla, imbagħad fil-ħajja ta’ kuljum tittratta ħażin lin-nies, aħjar ma tiġi xejn! Imma dar-raġunament hu żbaljat. Minn żewġ affarijiet, waħda tajba u l-oħra ħażina, ma tneħħix it-tajba. Tibdel il-ħażina.

Kultant tisma’ min jgħid: jekk tiġi l-knisja tfaħħar lil Alla, imbagħad fil-ħajja ta’ kuljum tittratta ħażin lin-nies, aħjar ma tiġi xejn! Imma dar-raġunament hu żbaljat. Minn żewġ affarijiet, waħda tajba u l-oħra ħażina, ma tneħħix it-tajba. Tibdel il-ħażina. Għandek tiġi l-knisja, imma mbagħad tiftakar li dak li tgħix hawn għandek tgħixu fil-ħajja ta’ kuljum. Ma tneħħix it-tajjeb li qed tagħmel, biex tkompli tgħix ħażin! Imma tara kif l-imħabba lejn Alla hawn tgħixha verament b’espressjoni ta’ mħabba lejn l-oħrajn.

Nixorbu mill-għajn tal-imħabba

U ġieli nisimgħu min jirraġuna l-kontra. Kultant ikun hemm min jgħidlek: jiena nirrispetta lill-oħrajn, u ngħinhom, imma ma hemmx għalfejn niġi l-knisja jew nitlob, ma hemmx għalfejn dawn l-affarijiet. Meta tirraġuna hekk, u tagħmel hekk, tkun qed tinqata’ mill-għajn tal-imħabba, minn Alla li hu l-għajn tal-imħabba. Għalhekk tkun qed titlef dak l-ispirtu li jgħinek fil-ħajja ta’ kuljum.

Meta ngħidu “tħobb lill-oħrajn”, din mhix biss sentiment, għax tħoss xi ħaġa. Jista’ jkun ma tħossx imma b’dak li qed tagħmel tkun tassew qed tħobb lil ħaddieħor. Pereżempju, xi ħadd li naqsek, meta tħobbu ma jfissirx li tħoss ħafna affarijiet tajbin ġo fik, imma li tfittex li tagħmel il-ġid miegħu, anke jekk naqsek, anke jekk tħoss differenti f’qalbek.

Hu meta nixorbu minn din l-għajn tal-imħabba, li hi Alla, li nistgħu nħobbu bħalma għallimna u wriena Ġesù: li nħobbu lil kulħadd, lil dawk qrib tagħna u lil dawk li huma ’l bogħod minna; lil min hu abjad, min hu iswed, min hu ta’ dik ir-razza, u min hu ta’ razza oħra. Inħobbu lil kulħadd, u nħobbu tassew b’fedeltà sal-aħħar.

Hi din li tiddistingwina bħala Nsara: l-imħabba lejn Alla, li mbagħad turi ruħha fl-imħabba lejn l-oħrajn. Nitolbu lill-Mulej biex kull meta niġu hawn, jimliena bl-imħabba tiegħu, ħalli nkunu nistgħu tassew inħobbuh b’qalbna kollha, b’ruħna kollha, b’moħħna kollu u bil-qawwa kollha tagħna; u li nħobbu lill-oħrajn bħala espressjoni ta’ din l-imħabba tagħna lejn Alla.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju