L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Fit-tentazzjonijiet ta’ Ġesù hemm it-tentażżjonijiet ta’ kull bniedem, ta’ kull wieħed u waħda minna. Għal 40 jum l-ispirtu jieħdu fid-deżert, f’ambjent ostili u l-Mulej jiġġarrab (Lq 4:2).

Tiftakru meta għallimna nitolbu u x’ngħidu fit-talba li għallimna Ġesù? “La ddaħħalniex fit-tiġrib” (Lq 11:4). Għaliex it-tiġrib, li hu parti mill-ħajja u li għadda minnu wkoll Ġesù, mhix xi ħaġa pjaċevoli. Ħafna drabi meta nużaw il-kelma ‘tentazzjoni’ min jaf x’jiġi f’moħħna! Imma t-tiġrib hu parti ta’ kuljum fil-ħajja tagħna. Kuljum inkunu f’taqtigħa bejn l-egoiżmu tagħna u s-sejħat tal-imħabba, bejn dak li jogħġob lili u dak li hemm bżonn isir. Min jaf kemm-il darba nkunu f’dawn is-sitwazzjonijiet u bl-għajnuna t’Alla u għall-grazzja t’Alla, mhux mingħajr sforz, nagħmlu l-għażla t-tajba.

Qed nimmaġina jien raġel tal-familja li filgħodu m’għandux aptit iqum għax-xogħol u jaħseb x’se tgħidlu l-mara jekk fl-aħħar tax-xahar il-paga ma jġibhiex sħiħa. Malajr tgħaddilu t-tentazzjoni li jibqa’ rieqed. Għaliex? Għax fil-qalb tiegħu qiegħda titkellem l-imħabba u d-dover, u malajr jgħaddilu l-mument tad-dgħufija u l-mument tat-tiġrib. Imma l-qawwa ġejja mid-dover li hu espressjoni tal-imħabba. Ħadd ma jirbaħ it-tentazzjoni jekk mhux għal xi mħabba ikbar. Ħafna drabi l-esperjenza tat-tentazzjoni, tat-tiġrib ngħixuha b’mod negattiv, ittaqqalna ħafna għax naħsbu l-ewwel nett, li bil-ħila tagħna diffiċli u t-tieni biex nikbru u biex ngħelbu t-tiġrib irridu nagħżlu l-imħabba.

Jekk inti taħseb fis-sagrifiċċju, fit-tbatija, fiċ-ċaħda allura mhux se jkollok il-kuraġġ tissielet. U x’tentazzjoni għamillu x-xitan lil Ġesù? Hi dik li juża l-qawwa tiegħu biex isolvi l-problemi mhux skont ir-rieda ta’ Missieru, skont ir-rieda ta’ Alla, imma kif ifettilu hu: għandu l-ġuħ? Ibiddel il-ġebel f’ħobż u jiekol. Il-bnedmin ma jagħmlux hekk. Ġesù, l-Iben ta’ Alla li sar bniedem, għażel li jiekol bl-għaraq ta’ ġbinu mhux billi jfaqqa sebgħu u l-ġebel isir ħobż. Hi l-ubbidjenza lejn l-għażla tal-Missier li jibgħat lil Ibnu bħalna f’kollox minħabba d-dnub. L-ebda missier ma jfaqqa’ sebgħu u jkun hemm il-ħobż u l-ikel fuq il-mejda. Irid jaħdem għalihom.

Ħafna drabi l-esperjenza tat-tentazzjoni, tat-tiġrib ngħixuha b’mod negattiv, ittaqqalna ħafna għax naħsbu l-ewwel nett, li bil-ħila tagħna diffiċli u t-tieni biex nikbru u biex ngħelbu t-tiġrib irridu nagħżlu l-imħabba.

Il-Mulej ikun ittentat li s-saltniet ta’ din id-dinja kollha jkunu tiegħu (ara Lq 4:6). Imma mhux hekk ried il-Missier. Il-Missier ried li Ibnu jirbaħ il-qalb tagħna bl-imħabba, bl-għotja, bil-misteru tas-salib imqaddes mhux bil-maġija jew bl-arroganza, jew agħar, bl-armamenti.

Imbagħad fl-aħħar ix-xitan jittentah bil-fiduċja f’Alla tal-maġija. “Inti ma wegħdekx il-Missier li jipproteġik? Mela aqbeż, ħa naraw jekk hux veru”. Ir-risposta ta’ Ġesù hi: lil Alla inti ma tittentahx, inti ma ġġarbux, inti ma tabbużax mill-fatt li hu missierek u jħobbok, biex tagħmel fattik imma inti tobdih (ara Lq 4: 9-12). Għaliex? Għax fit-talba li għallimna, għallimna ngħidu: “ikun li trid int kif fis-sema hekkda fl-art” (Mt 6:10). Ikun li trid int!

Il-qawwa ġejja mid-dover li hu espressjoni tal-imħabba. Ħadd ma jirbaħ it-tentazzjoni jekk mhux għal xi mħabba ikbar

Allura llum nitolbu għal kull wieħed u waħda minna biex f’dan ir-Randan nissaffew minn dak kollu li jfixkilna fit-triq tagħna lejn Ġesù, li aħna nifhmu li s-sejħat tiegħu huma sejħat ta’ mħabba. M’għandekx bżonn sforz biex filgħodu ma jkollokx aptit tqum, u tqum? Dażgur li għandek bżonn sforz u kultant allaħares ma jkunx l-iżveljarin jew lil xi ħadd jgħidlek: isma’ qum. U inti dik il-ftit għajnuna tgħinek tkompli l-vjaġġ tal-imħabba.

Aħna u nilqgħu lil dawn ħutna li jixtiequ jsiru Nsara, nirringrazzjaw lill-Mulej ta’ dan id-don kbir li qed jagħti lill-Knisja f’Malta ta’ grupp ta’ adulti li f’ħajjithom iltaqgħu ma’ Ġesù u għażluh. Illum nilqgħuhom f’dan l-ewwel Ħadd tar-Randan u nitolbu ħafna għalihom. Fil-vġili ta’ Ħadd il-Għid, Sibt il-Għid filgħaxija jsiru Nsara bħalna. Nitolbu ħafna għalihom biex il-Mulej ibierek dan il-vjaġġ tagħhom, jeħlishom minn kull tiġrib u jagħtihom l-għajnuna, ilaqqagħhom ma’ dis-sejħa tal-imħabba li tagħmel kull xkiel u kull tiġrib li niltaqgħu miegħu iżjed faċli biex nirbħuh. Inkunu boloh naħsbu li se nirbħu t-tiġrib mingħajr l-għajnuna ta’ Ġesù. Għandna bżonnha, għandna bżonnha! Għallimna nitolbu biex il-Mulej fil-mument tat-tiġrib jagħtina wkoll il-ħelsien, ma nibqgħux ikkalzrati fix-xkiel, fil-vizzju, fil-ħażen. Il-Mulej li hu  fidil fil-kelma tiegħu, jagħtina l-għajnuna li għandna bżonn.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Dewt 26:4-10
Salm: 90(91):1-2,10-11,12-13,14-15
Qari II: Rum 10:8-13
L-Evanġelju: Lq 4:1-13