L-amministrazzjoni tad-Djar tal-Knisja għall-anzjani tikkonferma li ħadd ma weġġa’ wara li llejla żviluppa nar żgħir f’kamra f’Dar Saura, ir-Rabat. Filwaqt li ġew imsejħa l-membri tal-protezzjoni ċivili, in-nar kien laħaq intefa minn ħaddiema tal-istess dar. Fuq il-post ġew imsejħa wkoll il-pulizija u team mediku mill-isptar Mater Dei li taw l-għajnuna meħtieġa u ċċertifikaw li ħadd ma weġġa’. Żewġ residenti, nurse u carer kellhom jingħataw l-ossiġnu minħabba d-dħaħen li belgħu.
F’Dar Saura bħalissa jgħixu 61 resident. Kemm ir-residenti kif ukoll il-carers u l-infermiera flimkien mal-amministrazzjoni ta’ Dar Saura jinsabu fuq lockdown bħala parti mill-miżuri introdotti fid-djar tal-anzjani biex jiġu mħarsa mill-pandemija tal-Covid-19.