Keyne Mascari u Elise Caligari qed iqattgħu ħafna mill-ħin tagħhom ma’ persuni li jinsabu waħedhom, jew jeħtieġu xi forma ta’ għajnuna, fosthom dawk li m’għandhomx saqaf fuq rashom u għaldaqstant jorqdu barra.
Elise qalet li matul is-sajf tas-sena li għaddiet kellha l-opportunità biex tgħin social worker li tagħmel parti mit-tim tad-Djakonija. Djakonija hija inizjattiva tal-Knisja f’Malta li fi kliem Keyne, “tgħin familji fil-bżonn u jkunu komunità.”
Il-mument li rat realtajiet li ħafna ma jarawx, Elise ġiet konxja mill-bżonn ta’ iktar persuni li jiddedikaw il-ħin tagħhom għall-oħrajn. Apparti dan, rat ukoll kif ftit nies qed jagħmlu differenza kbira fil-ħajja ta’ oħrajn mingħajr daqq ta’ trombi. Dan wassalha biex matul is-sajf li għadda, qattgħet tliet xhur f’ħidma mat-tim tad-Djakonija, u llum hija wkoll membru fil-kummissjoni.
Dwar f’xiex tikkonsisti l-ħidma tagħhom fil-prattika, Elise stqarret ma’ Newsbook Malta li kif tintemm l-intervista kienu se jmorru l-Isptar Mater Dei biex jakkumpanjaw familja minħabba li jeħtieġu xi għajnuna bit-tfal.
It-tfajliet qalu li darbtejn fix-xahar jipprovdu wkoll xi affarijiet materjali bħal ikel, ħwejjeġ jew affarijiet oħra li jkunu jeħtieġu. Elise saħansitra qalet li ġieli kien hemm xi ommijiet li talbuhom pushchair.
Keyne kompliet li l-missjoni tagħhom mhijiex biss li jagħtu l-affarijiet li hemm bżonn, iżda li fuq kollox jitkellmu mal-persuna biex jgħinu lill-individwu jħossu aħjar.
F’Awwissu ta’ din is-sena, iż-żewġ żgħażagħ li huma wkoll studenti fil-kors tas-social work, flimkien ma’ Loop bdew l-inizjattiva Supporting New Beginnings (SNB). Din l-inizjattiva ġiet varata bl-għan li tiżdied il-kuxjenza dwar realtajiet iebsin li ħafna ma jafux bihom.
Loop hija intrapriża soċjali li flimkien ma’ Djakonija jfittxu li jagħtu dinjità lil min m’għandux. Sa mit-twaqqif tagħha f’April tal-2023, Loop ħadet ħsieb tiftaħ il-Kċina ta’ Marta li tinsab fis-Seminarju tal-Arċisqof u li minnha joħorġu madwar 1,400 ikla fil-ġimgħa.
Minn din il-kċina jissajjar ukoll ikel li jiġi servut fir-Refettorju tal-Kċina ta’ Marta fi Triq Idmejda, f’Ħal Balzan. Dan ir-refettorju jiftaħ it-Tnejn, it-Tlieta, il-Ħamis u l-Ġimgħa bejn is-6pm u t-8pm.
Keyne u Elise qalu ma’ Newsbook Malta li fit-3 ta’ Settembru, it-tim tal-SNB se jmur f’dan ir-refettorju biex jieklu ma’ dawk li jirrikkorru għandhom hemmhekk. Huma qalu li r-refettorju ma jilqax biss persuni li ma għandhomx x’jieklu, iżda wkoll persuni li ma għandhomx ma’ min jieklu.
Għaldaqstant it-tfajliet se jkunu bilqiegħda ma’ dawk li jmorru r-refettorju biex jitkellmu magħhom. Mhux biss, iżda anke biex jaraw kif jistgħu jgħinu lil dawn l-individwi. Keyne semmiet kif uħud minn dawn il-persuni jispiċċaw jaqbżu l-appuntamenti mediċi minħabba li ma jkun hemm ħadd min jakkumpanjahom. Hija żiedet tgħid li wħud għandhom xi affarijiet neqsin, li LOOP ikun jista’ jgħinhom dwarha.
Iż-żgħażagħ qasmu magħna li l-ħidma li qed jagħmlu mhix biss biex wieħed jagħti lill-oħrajn, iżda biex anke huma jirċievu l-għodod li għandhom bżonn f’dan il-qasam. Għaldaqstant fit-tieni ġimgħa ta’ Settembru, l-SNB se torganizza laqgħa informattiva għall-voluntiera li matulha, żewġ social workers mit-taqsima tal-vjolenza domestika, u mit-taqsima tal-protezzjoni tat-tfal, rispettivament, jippreżentaw ma’ xiex jiltaqgħu fil-ġurnata tax-xogħol tagħhom.
“Ħafna nies ma jafux li f’Malta hawn persuni homeless” – Keyne
Fl-intervista, Keyne qalet li meta jitkellmu ma’ oħrajn dwar persuni homeless, tinduna kemm ħafna nies ma jafux li f’Malta teżisti din ir-realtà kerha.
Għaldaqstant, fit-18 ta’ Settembru, l-SNB se jkun qed jagħmel ukoll homeless run f’lokalitajiet li fihom l-iktar li jinġabru persuni li jgħixu fit-triq. It-tim kollu jieħu ħsieb li f’din l-esperjenza, ma jitqassamx biss ikel li jaf isolvi problema temporanja, iżda b’konverżazzjonijiet mal-persuni li jiltaqgħu magħhom, isiru jafu lil dawn in-nies mill-qrib, u jsibu mod kif jistgħu jgħinuhom fit-tul.
Keyne qalet li f’dawn l-esperjenzi jistaqsu mistoqsija partikolari: “X’ikel tħobb tiekol li ilek ma tieklu?” Din il-mistoqsija jagħmluha bl-għan li meta jirritornaw fuq il-post, jieħdu magħhom dak l-ikel li jkun issemma.
Għal Keyne, li għal ftit minuti setgħet tagħti dinjità u tissodisfa xewqa ta’ persuna oħra, hija xi ħaġa speċjali. “Fuq kollox, tgħinhom jiftakru li xi ħadd ftakar fihom, u vera kien qed jismagħhom u mhux jeħodhom for granted,” qalet it-tfajla.
“Dak li ma jfisser xejn għalina, jista’ jfisser id-dinja għal ħaddieħor”
Keyne qalet ma’ Newsbook Malta li ħafna drabi jsibu ruħhom quddiem tant affarijiet li ma jibqgħux jaraw l-użu tagħhom. Huma semmew li kemm ilhom f’dan il-volontarjat ma’ LOOP, ġew konxji kemm dak li għalihom ma jfisser xejn, jista’ jfisser ħafna għal ħaddieħor.
Dwar kif il-ħidma moħbija tagħhom tista’ tispira żgħażagħ oħra, Elise qalet li “l-iktar ħaġa li togħġobni hija dik li jkollok is-sodisfazzjon li għamilt differenza fil-ħajja ta’ xi ħadd… hija xi ħaġa kbira!”
Fil-bidu tas-sajf tas-sena li għaddiet, Loop fetaħ thrift shop proprju għal dan il-għan. Il-ħanut li jinsab fi Triq Melita, il-Belt Valletta, jinkludi diversi oġġetti partikolarment ħwejjeġ li huma għall-bejgħ bi prezz minimu ħafna.
Għaldaqstant, it-tfajliet ħeġġew biex qabel ma wieħed jarmi xi ħwejjeġ jew oġġetti li huma tajbin, jista’ javviċina lil LOOP minħabba li kwalunkwe ħaġa tajba tista’ tkun ta’ użu siewi għal ħaddieħor.
“Minkejja li ma nafux x’se nagħmlu b’ħajjitna, ma jfissirx li ma nistgħux ngħinu”
Matul l-intervista, huma qalu li fiż-żgħażagħ jaraw ħafna potenzjal moħbi, bħalma huma wkoll qegħdin jagħrfu f’din il-ħidma. Madanakollu, huma stqarrew li ħafna drabi ma jkunx hemm is-sapport meħtieġ biex wieħed joħroġ mill-comfort zone, kif ukoll li ma jkunux jafu minn fejn se jibdew.
Huma qalu li “minkejja li għadna żgħar u ma nafux x’se nagħmlu eżatt b’ħajjitna, ma jfissirx li ma nistgħux ngħinu lill-oħrajn”.
Għaldaqstant, Keyne u Elise qed iħeġġu lill-pubbliku ġenerali partikolarment żgħażagħ sabiex jingħaqdu magħhom fil-proġett tal-SNB biex ikomplu jagħtu sostenn lill-oħrajn.
Jekk tixtieq issir taf iktar, tista’ tirreġistra hawn.
Sors: Newsbook Malta