• It-tfal u l-familji fil-bżonn, ir-refuġjati, il-persuni b’diżabilità u s-saċerdoti morda u anzjani huma fost dawk li bbenefikaw mid-donazzjonijiet tan-nies li nġabru permezz taż-żewġ kampanji ta’ ‘RTK 4 Charity’. Il-ħames benefiċċjarji, li bejniethom ħadu s-somma ta’ 960,000 Ewro, huma:

    Dar tal-Providenza – €936,331

    Uffiċċju Ċentrali Djar tat-Tfal – € 18,302

    Taqsima Refuġjati – € 6,100

    Dar tal-Kleru – € 3,050

    Familji fil-Bżonn Għawdex – € 3,050

    Il-preżentazzjoni ta’ dawn id-donazzjonijiet saret illum fil-Kurja tal-Arċisqof. Fil-messaġġ tiegħu għal din l-okkażjoni l-Arċisqof Charles J. Scicluna rringrazzja lill-RTK u lill-kollaboraturi kollha tal-kampanji. L-Arċisqof awgura wkoll li l-ġenerożità li tintwera mill-poplu Malti tkompli tagħti għajnuna konkreta lil min hu fil-bżonn.

    L-Istation Manager ta’ radju RTK, Karl Wright, irringrazzja lill-impjegati u l-kontributuri tal-istazzjon tal-ħin li jagħtu volontarjament għaliex verament għandhom għal qalbhom il-kampanji b’risq il-Familji fil-Bżonn u d-Dar tal-Providenza. Qal li l-Istazzjon RTK se jkompli jagħti xhieda tar-responsabbiltà soċjali lil persuni fil-bżonn. Permezz tal-istess żewġ kampanji ta’ radju RTK, fl-aħħar għoxrin sena inġabru u tqassmu f’għajnuna mad-disa’ miljun Ewro.

  • Ritratti: Uffiċċju Komunikazzjoni, il-Kurja