L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

Hemm ħames kelmiet li jgħid Ġesù llum fl-Evanġelju li jagħtu direzzjoni importanti għall-ħajja tagħna. Ġesù jgħid: Ħennu, tiġġudikawx, tikkundannawx, aħfru, agħtu.

Ġesù jgħid: “Ħennu bħalma hu ħanin Missierkom” (Lq 6:36). Irid minna li aħna jkollna qalb li tagħder, mimlija kompassjoni. Meta ngħidu ħniena ma jfissirx li jien qiegħed fuq pedestall u nħares ’l isfel lejn in-nies, imma li nimxi magħhom, fit-triq tagħhom, u li nkun tassew qrib tagħhom bl-imħabba. Aħna nafu li l-ewwel ħniena ma’ dawk l-aktar qrib tagħna, fil-familja l-ewwel.

Ġesù jgħid “tiġġudikawx” (Lq 6:37). Nafu li kultant moħħna jiġri u niġġudikaw lil ħaddieħor. Ġesù ma jridniex niġġudikaw għax jaf li aħna minn barra naraw l-affarijiet. U ħafna drabi nagħmlu ġudizzju ħażin għax inkunu qed naraw biss minn barra. Aħna ma nistgħux inkunu nafu sew il-qalb u l-moħħ tal-bniedem.  Imma Alla iva, Alla jagħraf il-profondità tal-qalb, Alla jagħraf il-moħħ, u għalhekk hu li jista’ tassew jiġġudika l-persuni, mhux aħna.

Jgħid Ġesù wkoll: “tikkundannawx” (Lq 6:37). Nafu li kultant il-ġudizzju tal-oħrajn iwassalna għall-kundanna tal-oħrajn. Ġesù ma jridniex niġġudikaw u nikkundannaw il-persuni. Imma jista’ jkun jiġina f’moħħna: imma, allura, meta inti tara dak li hu ħażin, il-ħażen, għandek tagħlaq għajnejk biex ma tarax, widnejk biex ma tismax, u ħalqek biex ma titkellimx? Quddiem, per eżempju, il-korruzzjoni, il-frodi, l-inġustizzji, l-użu ħażin tal-flus tan-nies, il-vjolenza domestika, ir-razziżmu, il-mentalità li ħajja umana li bdiet imma għadha ma twelditx tista’ tarmiha, tiddisponi minnha – quddiem dak kollu li hu ħażin, aħna għandna ngħidu “ma niġġudikax”, “ma nikkundannax”, u nħallu l-ħażin għaddej? Le, mhux hekk qed jgħid Ġesù.

Hu stess għallimna kif il-ħażen għandek issejjaħlu b’ismu, u għandek tissielet kontra dak li hu ħażin; imma l-persuni, kif inhuma quddiem Alla, dawk inħalluhom għal Alla, għall-ġudizzju tiegħu.

Ġesù jgħid ukoll “aħfru” (Lq 6:37). Nafu kemm hi iebsa li taħfer, imma kemm tillibera ruħek meta taħfer. Ġesù hekk iridna: ngħixu ħielsa. Nafu li meta ma taħfirx qisek għandek katina qed iżżommok, qed tikkundizzjonak. Ġesù ma jridniex inkunu kundizzjonati minn xi azzjoni ħażina li rċevejna, jew xi kelma li weġġgħetna, u ngħixu taħt dan it-toqol. Għalhekk naħfru. Issa kultant issib min jgħid: “jien għadni nħoss, meta nara l-persuna għadni nħoss ġo fija, għalhekk naħseb li ma ħfirtx”.

Il-maħfra hija deċiżjoni, mhijiex għax tħoss jew ma tħossx. Inti tista’ tħoss qalbek tingħafas, imma tagħżel li taħfer, tagħżel li ma tivvendikax ruħek, li ma tagħmilx azzjoni ħażina. Minkejja dak li tħoss, tagħżel li taħfer. Dik hi l-maħfra li għallimna l-Mulej u li jixtieq minna fil-ħajja tagħna.

Ġesù jgħid ukoll “agħtu” (Lq 6:38). Irid li aħna, fil-ħajja tagħna, ikollna din il-qalb li lesta tagħti. Bħalma għallimna hu – il-ħajja ta’ Ġesù hi kollha għotja ta’ imħabba, sal-akbar imħabba fuq is-salib. Hekk irid minna wkoll: li aħna jkollna ħajja li nagħtu, li nifirħu meta nagħtu, u nindunaw li hemm tassew ikollna l-qalb mimlija bil-paċi, meta nagħtu lill-oħrajn u nagħmlulhom il-ġid.

Nafu li dal-kliem altru tgħidu u altru tgħixu. Mhux faċli. Hu process fil-ħajja tagħna, irridu nitgħallmu kuljum kif ngħixu l-kliem li qal Ġesù hawnhekk. Nitolbu għalhekk dil-grazzja biex dal-kliem li qalilna hu aħna neħduh bħala programm għal ħajjitna, u nitolbuh jagħtina l-ispirtu tiegħu, jagħtina qalb tixbah lil tiegħu.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju