L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

“Sibt ’il David, qaddej tiegħi, biż-żejt imqaddes tiegħi dliktu” (Salm 88:21). Il-Knisja tagħżel Salm 88 biex tiċċelebra dak li qegħdin nagħmlu. Iż-żejt imqaddes li l-isqof ibierek, f’isem il-Knisja u f’isem Ġesù, hu żejt li noffru imma li jsir strument, aġent tal-grazzja. “Biż-żejt imqaddes tiegħi dliktu” (Salm 88:21) u l-Mulej, ma’ din id-dilka qaddisa, iwiegħed ukoll il-fedeltà, it-tjieba u l-qawwa. “Tkun idi dejjem miegħu, insaħħu wkoll bi driegħi” (Salm 88:22). “Hu jsejjaħli: int missieri u Alla tiegħi, fortizza u salvazzjoni tiegħi” (Salm 88:27).

Nixtieq naqsam magħkom ftit riflessjonijiet fuq dan id-djalogu li qed isir mis-salmista f’isimna. Hemm bżonn ilkoll kemm aħna, kull wieħed minna; imma ndur ukoll lejn il-poplu qaddis t’Alla, kull wieħed u kull waħda minna nduru lejn Alla, u b’sens ta’ fiduċja ngħidulu: “Int missieri u Alla tiegħi, fortizza u salvazzjoni tiegħi” (Salm 88:27). Għax din it-talba u dan id-djalogu, din il-konsapevolezza radikali, tinġabar fit-talba li għallimna San Ġorġ Preca: ‘Sinjur Alla, jiena għandi bżonnok’. Hu l-għerq ta’ dak kollu li nistgħu ngħidu, meta nisimgħu lil Ġesù jbierek bħala ‘hienja’ ’il dawk li huma foqra fl-ispirtu; lil dawk li huma wlied missierhom li hu fis-smewwiet. “Int missieri u Alla tiegħi” (Salm 88:27).

Il-Papa Franġisku jħobb isemmi tliet atteġġjamenti tal-Missier tas-sema, li hu jsejjaħ bħala l-istil tal-Evanġelju, l-istil tal-Bxara t-Tajba; li hu jgħid, li jrid ikun il-ferħ tal-Knisja, il-ferħ ta’ kull wieħed u waħda minna: it-tenerezza, il-kompassjoni, u l-viċinanza. “Inti missieri” (Salm 88:27), meta ngħidlu hekk lil Alla, qed nagħrfu bħala l-għajn ta’ kull tenerezza, ta’ kull ħlewwa. Qed nagħrfu bħala għajn ta’ kull kompassjoni, ta’ kull mogħdrija; qed nagħrfu wkoll, bħala Alla li hu qrib tiegħi – Għimmanu-el – Alla magħna, Alla miegħi: “int missieri u Alla tiegħi” (Salm 88:27).

F’din il-kelma li nlissnu quddiem Alla, nitqawwew f’din ir-rabta ta’ mħabba miegħu, ikollna wkoll il-qawwa nħarsu lejna nfusna, lejn xulxin u lejn il-poplu għażiż tagħna, bl-istess tenerezza, ħniena u qrubija tal-Mulej lejna. Ta’ min nistaqsu lilna nfusna: imma jiena kif inħares lejja nnifsi? B’rabja għall-umiljazzjonijiet tal-passat jew tal-preżent? Jekk inħares lejja b’dik ir-rabja jfisser li għadni ma skoprejtx il-ħniena ta’ Alla għalija, għal ħuti u għall-poplu tiegħu. Inħares lejja nnifsi bi ħniena? Nieħu paċenzja bija nnifsi? Nidħak bil-ħmerijiet li għamilt u li nagħmel? Għax Alla min jaf kemm jgħolli għajnejh. Min jaf meta jħares lejna u jkollu jitbissem. Xi kultant ngħid: mhux jagħlaq għajn waħda, imma tnejn ikollu. Imma jiena nħares lejja nnifsi, bl-istess ħniena, bl-istess mogħdrija, bl-istess sens ta’ ironija ta’ realiżmu, li hu l-għajn tal-umiltà vera? Wara kollox, il-ħniena u l-mogħdrija ta’ Alla ġagħlitu jsir bniedem bħalna u għalina. “Bħalna f’kollox, minbarra d-dnub” (Lhud 4:15). U nafu, li anke f’dawn il-ġranet niċċelebraw, dan it-tixjin tiegħu x’kien ifisser għalih: “sal-mewt, anzi sal-mewt tas-salib” (Fil 2:8).     

Il-Papa Franġisku tana frażi għażiża li hemm bżonn nixtarruha u ngħixuha. Il-ferħ tal-Knisja hi li tħabbar l-Evanġelju, li tevanġelizza

Meta lill-Mulej ngħidlu ‘Missieri’ nħossu qrib tiegħi? Qiegħed nagħraf lili nnifsi? Għax li nħoss li Alla hu viċin tiegħi hi l-għerq ukoll tal-għarfien tiegħi nnifsi, ta’ li jien; kreatura, mhux Alla; bil-limiti tiegħi. Din il-konsapevolezza, mhux biex tkissirni, imma biex tagħtini qawwa nerfa’ wkoll bħaċ-Ċirinew is-salib ta’ ħija li għaddej fit-triq. Din hi l-qrubija li ġagħlna nkunu viċin, bħalma aħna viċin mal-poplu qaddis tagħna.

Illum il-Mulej jidlikna, jidlek il-Knisja, biż-żejt qaddis tal-ferħ. Il-Mulej jikkonsagrani. “L-Ispirtu tal-Mulej fuqi” (Lq 4:18), jgħid Ġesù. Jitkellem dwar il-ħelsien, il-bxara t-tajba, id-dawl, is-sengħa tal-grazzja. Il-Papa Franġisku tana frażi għażiża li hemm bżonn nixtarruha u ngħixuha. Il-ferħ tal-Knisja hi li tħabbar l-Evanġelju, li tevanġelizza.

Illum irridu niġġeddu, waqt li nġeddu l-wegħdiet saċerdotali tagħna u nippreparaw biex mal-poplu ta’ Alla nġeddu l-wegħdiet tal-magħmudija f’Sibt il-Għid. Nifhmu li bil-passjoni ħarxa tiegħu, il-Mulej iġedded kollox. Illum il-Knisja tibda tiġġedded; imma biex tiġġedded tassew, irid ikollna u jrid ikollha fil-qalb tagħha, dak il-ferħ li ġej mill-għarfien, li meta nsejħu lil Alla ‘Missierna’, qegħdin nagħrfuh fit-tenerezza, fil-kompassjoni, fil-viċinanza tiegħu. Hekk ukoll ikollna l-qawwa li nuru wkoll tenerezza, ħniena u qrubija magħna nfusna, ma’ xulxin, u mal-poplu qaddis ta’ Alla.  

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Iż 61, 1-3a.6a.8b.9
Salm: 88 (89), 21-22.25.27
Qari II: Apok 1, 5-8
L-Evanġelju: Lq 4:16-21

Aktar ritratti >>