L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

“Is-setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar; qaddis hu l-isem tiegħu.” (Lq 1:49) Hekk kantajna fis-salm responsorjali, f’din il-festa ta’ Sidtna Marija tal-Anġli, li tfakkarna fil-Porziuncola, ġewwa Assisi, fl-inizjattiva feliċi ta’ San Franġisk, li joffri lil ħutu u lilna l-bieb tal-ħniena. Bieb miftuħ fuq il-ħniena ta’ Alla. Din hija waħda mill-festi l-kbar tal-ħniena ta’ Alla. Kull min f’dan il-jum, jew dawn il-jiem iżur il-parroċċa tiegħu, jaqla’ l-maħfra tat-tpattija kollha ta’ dnubietu. Għax il-privileġġ tal-Porziuncola, huwa wkoll estiż lill-knejjes parrokkjali kollha tad-dinja kollha; bħal-lum u f’dawn il-ġranet.

Aħna grati ħafna lejn San Franġisk; bħalma l’Aquila hija grata wkoll alla perdonanza celestiniana. Il-Gargano għandhom ukoll il-maħfra ta’ tpattija tad-dnubiet marbuta mas-Santwarju ta’ San Mikiel. Kienu dawn is-santwarji għeżież u importanti li l-Knisja għamlithom bieb, tieqa, fuq il-ħniena ta’ Alla. Bħalma in,t ħija l-għażiż, imsejjaħ għall-ordni tad-djakonat, nitlob għalik, u nawguralek li ħajtek tkun tieqa miftuħa għall-ħniena ta’ Alla. Mhux għalik personali, għax ilkoll għandna bżonn bit-tunnellati, imma anke fuq ħaddieħor. L-Appostlu Missierna jagħraf li huwa l-ewwel fost il-midinbin. Jgħid wkoll li Alla għażlu biex jikkonferma fuq il-ħniena tiegħu; u l-paċenzja bla tarf ta’ Ġesù Kristu. Imma din hija n-narrattiva ta’ kull wieħed u kull waħda minna, imma b’mod speċjali aħna li msejħin għall-ministeru mingħajr ma jistħoqqilna.

Fid-djalogu tal-bidu mal-Provinċjal tiegħek, jiena staqsejt kekk jistħoqlokx. Hu qalli ‘iva’. Imma fuq livell uman nistgħu ngħidu ‘iva’. Jiena nibża’ ngħid ‘iva’ għax jiena fl-Ewkaristija, il-Knisja xxandarni bħala “l-qaddej ta’Alla mingħajr ma jistħoqqli”. Imma dik ukoll hija l-istorja ta’ kull wieħed minna.

“Is-setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar”. L-ewwel esperjenza tas-setgħa ta’ Alla fuqna hija l-ħniena tiegħu; imma wkoll is-sejħa tiegħu. Ħares fuqek, għażiż ħija, ħarsa ta’ ħniena u b’ħarsa ta’ preferenza. Inti wkoll għandek tissellef il-kliem ta’ Sidtna Marija: “Xeħet għajnejh fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu” (Lq 1:48). Tefa’ l-ħarsa tiegħu fuqna, fuqek, u sejjaħlek. Permezz tiegħek il-Mulej juri “l-qawwa ta’ driegħu” (Lq 1:51), mhux fl-arroganza imma fis-servizz. Il-qawwa ta’ driegħu taqbad iż-żinġla u taħsel saqajn id-dixxipli. Il-qawwa ta’ jdejh hi mimduda lejn Pietru li ser jegħreq. Is-setgħa ta’ jdejh imsammar fuq is-salib. Is-setgħa ta’ jdejh minfuda bil-pjagi għażiża li lil Tumas stiednu biex imiss. “Ġib sebgħek hawn u ara jdejja, u ressaq idejk u qegħedha fuq ġenbi” (Ġw 20:27).

Illum, aħna u naqraw l-Evanġelju tal-Annunzazzjoni, li l-Knisja tfakkarhulna kemm-il darba matul is-sena, f’din l-ordinazzjoni tad-djakonat nieqfu fuq dik il-kelma: “Jiena l-qaddejja tal-Mulej, ħa jsir minni skont kelmtek” (Lq 1:38). Aħna rridu nkunu qaddejja fuq l-istil ta’ Marija; stil silenzjuż imma li jgħożż kull kelma ta’ Alla fil-qalb tiegħu (ara Lq 2:51). Stil ta’ faqar u mhux ta’ medjokrità. Għax jiena persważ li fil-faqar tagħha Marija ta’ Nazaret ħejjiet kollox, fit-triq lejn Betlehem, biex it-tarbija li kienet ser titweldilha jkollha dak kollu li teħtieġ u mill-aħjar, minn dak kollu li setgħet toffrilu.

Għażiż ħija, inti qed tiġi ordnat fis-sena ta’ San Ġużepp, jalla l-Mulej ikompli jnissel fik l-għanja tal-Missier. Sejjaħlek biex tgħannilu; imma jalla fil-qalb tiegħek tirbombja dejjem l-għanja ħelwa tal-Missier. Il-Missier ta’ tenerezza kbira lejk innifsek, lejn ħutek, lejn il-poplu għażiż ta’ Alla u d-dinja kollha. Tkun fejn tkun, kull fejn tibgħatek l-ubbidjenza għamel li l-ħarsa tiegħek, tkun ħarsa ta’ ħlewwa, ta’ mogħdrija, ta’ kompassjoni, u ta’ ħniena. Kun missier li taf ixxammar il-kmiem bħalma kien San Ġużepp. Il-Papa Franġisku jinsisti fuq il-paternità proattiva ta’ San Ġużepp; li kif kellu l-ubbidjenza għal darba, darbtejn, tlieta, u erba’ darbiet, qam u għamel kif kien ordnalu. Imma mbagħad kellu jħabbel rasu hu kif ser jobdi u kif ser isseħħ ir-rieda tal-Missier.

Il-Mulej jgħaddik ukoll mill-wied tad-dlam biex tfittex lil Ġesù b’qalbek maqsuma. Imma jagħtik ukoll il-konsolazzjoni li ssibu, forsi fejn ma tippretendix li ssibu. Ftakar li ser jurik wiċċu f’ħutek, fil-poplu għażiż ta’ Alla u meta tiltaqa’ miegħu, u ħarstek tiltaqa’ ma ħarstu, inżel biex taqdih, għax hu hekk għamel.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta