L-Arċisqof Charles J. Scicluna dan l-aħħar ħatar lil Mons. Joseph Bajada biex ikun il-President il-ġdid tal-Kapitlu Metropolitan għat-tliet snin li ġejjin, wara li dan ġie elett mill-istess Kapitlu, filwaqt li Mons. Anton Gouder kien ikkonfermat bħala Viċi-President għal tliet snin oħra. L-
uffiċjali l-oħra tal-Kapitlu huma Mons. Hector Scerri li hu l-Kanċillier tal-Kapitlu u Mons. Salvino Micallef, Amministratur. Dawn l-erba’ Monsinjuri huma rispettivament l-Arċidjaknu, id-Dekan, il-Kantur u t-Teżorier tal-Kapitlu.
Il-Kapitlu Metropolitan li twaqqaf aktar minn seba’ sekli ilu fil-perjodu medjevali hu preżentement magħmul minn 30 kanonku li għandhom it-titlu ta’ Monsinjur. L-għan prinċipali tal-Kapitlu hu li jagħti servizz liturġiku u pastorali fil-Katidral ta’ San Pawl, l-Imdina, u għal dawn l-aħħar mitejn sena, fil-Konkatidral ta’ San Ġwann ukoll.