Il-Ħamis 15 ta’ Diċembru 2022 in-Nunzju Appostoliku għal Malta, l-Eċċellenza Tiegħu Mons. Savio Hon Tai-Fai, ippreżenta l-kredenzjali tiegħu lill-President ta’ Malta, Dr George Vella, fil-Palazz ta’ Sant’Anton, Ħ’Attard.

Wara l-preżentazzjoni tal-kredenzjali, in-Nunzju Appostoliku wassal it-tislijiet f’isem il-Qdusija Tiegħu l-Papa Franġisku lill-President Vella u lill-poplu Malti u Għawdxi. Enfasizza wkoll ir-relazzjonijiet amikevoli u li ilhom għal żmien twil bejn Malta u l-Vatikan.

Il-President Vella fakkar iż-żjara f’Malta mill-Papa Franġisku u qal li l-poplu Malti, kif ukoll id-diversi komunitajiet barranin preżenti, kienu kuntenti ferm li jilqgħu u, f’għadd ta’ każijiet, jiltaqgħu wkoll personalment mal-Qdusija Tiegħu. Il-messaġġi mwassla matul din iż-żjara, b’mod speċjali b’rabta mal-migrazzjoni, il-multikulturaliżmu u l-ħarsien tal-ambjent globali kienu importanti ferm.

Matul il-laqgħa, ġew diskussi wkoll l-iżviluppi fir-reġjun tal-Mediterran kif ukoll l-aktar sitwazzjoni reċenti fl-Ukrajna.