L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

Il-kliem ta’ Ġesù fl-Evanġelju llum huwa kliem li jidher diffiċli biex tgħixu. Ġesù qal li ma għandniex niġġudikaw, ma għandniex nikkundannaw, għandna naħfru, nagħtu u nħennu bħalma jħenn għalina Missierna tas-sema. Hu kliem li jidher diffiċli, imma hu dan li jgħid Ġesù li jista’ jġib il-paċi fil-qalb tagħna u s-serenità, u jgħinna biex inkunu ħielsa.

X’jiġifieri meta Ġesù jgħid li ma niġġudikawx u ma nikkundannawx? Għaliex? Ġesù jurina li aħna, meta nħarsu lejn ħaddieħor u niġġudikawh jew nikkundannawh, qed nagħmlu dan milli naraw, jew milli nisimgħu, jew milli nkunu nafu. Imma hu Alla li jaf tassew lill-bniedem. Hu Alla li jista’ jidħol ġol-moħħ, ġewwa nett tal-bniedem, hu Alla li jagħraf il-qalb, il-profondità tal-qalb tal-bniedem. U għalhekk huwa hu li jista’ jagħmel tassew ġudizzju li jkun tajjeb. Għalhekk qalilna biex il-ġudizzju tal-persuna, ta’ kif inhi quddiem Alla, inħalluh f’idejh.

Il-maħfra tgħinna biex ma nibqgħux marbutin bil-ktajjen ma’ esperjenza kerha jew ta’ weġgħa li kellna li ma tħalliniex ngħixu fil-paċi. Il-maħfra tgħinna biex ma nibqgħu taħt id-dwiefer ta’ ħadd, ikkundizzjonati mill-oħrajn, imma nistgħu ngħixu tassew fil-paċi ta’ Alla.

Ġieli jiġri li aħna, minn dak li naraw minn barra, niġġudikaw u nikkundannaw billi ngħidu fuq dak u fuq l-ieħor, fuq dik u fuq l-oħra. Kemm-il darba wara żmien nintebħu li konna żbaljati; jew forsi ma nintebħux imma nkunu żbaljati. Imma l-ħsara bi kliemna nkunu għamilnieha u l-bniedem inkunu xħetna dell fuqu. Kemm ħsara tiġri bil-ġudizzji u bil-kundanni bi kliemna! Imma anke jekk dak li naħsbu ma ngħiduhx bi kliemna, jista’ jiġrilna li bil-ġudizzji tagħna nispiċċaw nherru lil moħħna, u nhewdnu u nhewdnu, u dak itellifna milli ngħixu tassew fil-paċi ma’ Alla. Għalhekk Ġesù, meta qalilna “tiġġudikawx … tikkundannawx” għamlilna l-akbar pjaċir, biex dak inħalluh f’idejh u aħna nistgħu ngħixu tassew fil-paċi.

Tajjeb nistaqsu: dan ifisser li meta nara xi ħaġa ħażina ngħid “ma niġġudikax”? Din hi d-differenza li għamel Ġesù, li kultant in-nies isibuha diffiċli biex jifhmu. Il-persuna quddiem Alla, dik jieħu ħsiebha Alla; imma l-azzjoni tagħha, dak li l-bniedem jagħmel ħażin, ma nistgħux insejħulu tajjeb. Ma għandniex aħna, jekk naraw xi ħaġa li mhix flokha, ngħidu “ma niġġudikawx” u nħarsu n-naħa l-oħra. Pereżempju, xi ħadd jisraq. Ma nistax ngħid, meta nkun naf li hemm is-serq, “jien ma niġġudikax”. Jekk inkun responsabbli tal-persuna, inkun kompliċi ta’ dak li sar ħażin. Jekk, pereżempju, bniedem jagħmel malafama fuq ħaddieħor, ma nistax ngħid “jien ma niġġudikax”. Irrid ngħid li dik l-azzjoni ta’ malafama hi ħażina u l-bniedem għandu jpatti għall-ħsara li jkun għamel lil ħaddieħor b’li qal.

Għalhekk il-Papa Franġisku jgħidilna – u aħna l-Isqfijiet fakkarnieha fl-Ittra Pastorali tar-Randan – li l-maħfra ma tfissirx impunità. Jiġifieri l-maħfra ma tfissirx li dak li hu ħażin ma tgħidlux ħażin, li ma ssirx ġustizzja, li tħalli l-affarijiet għaddejjin, u li min għamel il-ħsara ma jpattix tal-ħsara li jkun għamel. Il-maħfra ma tfissirx hekk! Il-maħfra, meta jgħid Ġesù llum “aħfru u ssibu l-maħfra”, tfisser li aħna ngħidu: ma rridx inpatti deni b’deni. Anke jekk inħoss, minkejja dak li qed inħoss, ma rridx inpatti deni b’deni. Il-maħfra tgħinna biex aħna ma nibqgħux marbutin bil-ktajjen ma’ esperjenza kerha jew ta’ weġgħa li kellna li ma tħalliniex ngħixu fil-paċi. Il-maħfra tgħinna biex aħna ma nibqgħu taħt id-dwiefer ta’ ħadd, ikkundizzjonati mill-oħrajn, imma nistgħu ngħixu tassew fil-paċi ta’ Alla.

Ispirati minn din il-kelma diffiċli imma sabiħa ta’ Ġesù, nitolbuh biex jagħtina l-grazzja li aħna f’ħajjitna nimxu kif qalilna hu: li ma niġġudikawx, ma nikkundannawx, li naħfru, li nkunu lesti nagħtu, li nħennu bħalma hu ħanin Missierna tas-sema biex b’dak li nagħmlu nkunu tassew nixbhuh.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju