Pope in audience

Il-Papa Benedittu XVI appella għall-konsistenza u stieden lil kull individwu sabiex ipoġġi fil-prattika il-kmandament tal-imħabba. Huwa għamel dan qabel it-talba tal-Angelus fi Pjazza San Pietru fil-Vatikan. Wara, esprima s-solidarjeta tiegħu mal-poplu Tajlandiż li ntlaqat mill-għarar, sitwazzjoni simili li laqtet lil dawk li jgħixu fil-Ligurja u t-Toscana, fejn għamlet ħafna xita u kkaġunat anki problemi.

B’referenza għal-Liturġija tal-Ħadd, il-Papa qal li San Pawl iħeġġeġ sabiex wieħed jersaq lejn il-Vanġelu b’attitudni pożittiva li tixraq il-kelma t’Alla. Irrefera għall-Fariżej u l-Kittieba u qal li mhux x’jidher minn barra li jgħodd, iżda d-disponibilita li wieħed jersaq biha lejn Alla u li twassal biex b’għemilu, kulħadd ikun konsistenti mat-tagħlim tal-vanġelu. Kompla jispjega l-importanza tas-sens ta’ qadi, li Ġesu nnifsu ta eżempju tagħha fil-ħajja tiegħu. Is-sens ta’ qadi li jitfisser fl-istess Kmandament tal-Imħabba, u imħabba inkundizzjonata. Aċċenna f’dal-punt għall-ħtieġa tal-umilta ta’ kull min għandu xi forma ta’ poter jew awtorita, u żied jitlob bl-interċessjoni ta’ Marija, Omm Alla, sabiex dawk minn fost il-komunita nisranija li huma msejħa sabiex ikunu edukaturi, jagħtu xhieda ħajja tal-Verita manifestata fil-Kelma t’Alla, li l-qofol tagħha jintleħaq fil-ħajja ta’ Ġesu Kristu, partikolarment fil-mewt u l-qawmien tiegħu.

Wara t-talba tal-Angelus, il-Papa talab għall-poplu tat-Tajlandja li fl-aħħar jiem intlaqat minn għarar qawwi. Talab ukoll għal dawk fil-Liguria u t-Toscana fl-Italja li sfaw milquta minn xita qawwija li għamlet ħafna ħsara.

Ħa wkoll l-opportunita sabiex jappella għat-talb lil Madonna, speċjalment f’dax-xahar t’Ottubru permezz tar-reċita tar-rużarju.