St Michael Hospice, magħruf bħala l-Istitut Cini f’Santa Venera, li se jkun qed jitmexxa minn Hospice Malta.

St Michael Hospice f’Santa Venera ġie inawgurat illum u permezz tiegħu Hospice Malta se tkun tista’ testendi s‑servizzi palljattivi tagħha għal aktar minn 1,500 pazjent fis‑sena, waqt li tkompli żżomm mal‑valuri fundamentali tagħha tal‑ħajja u d‑dinjità.

Dan huwa pass importanti ħafna għal Hospice Malta, li fetħet il‑bibien tagħha għall‑ewwel darba fl‑1989, u se ttejjeb il‑kura palljattiva f’Malta permezz tas‑servizzi komunitarji estiżi tagħha, faċilitajiet imtejba għal terapija ta’ matul il‑jum u servizzi inpatient, kif ukoll faċilitajiet edukattivi.

St Michael Hospice jinsab fil‑bini li qabel kien l‑Istitut Adelaide Cini, propjetà ta’ 15,000 metru kwadru, li llum għandha l‑valur ta’ €25 miljun.

Għaċ‑ċerimonja tal‑inawgurazzjoni tal‑lum attendew mistiedna distinti, fosthom il‑President Myriam Spiteri Debono, li hija l‑patruna ta’ Hospice Malta, il‑Prim Ministru Robert Abela, il‑Kap tal‑Oppożizzjoni Bernard Grech, l‑Arċisqof Charles Scicluna, u ċ‑Chairperson ta’ Hospice Malta, Bernadette Bonnici Kind. Preżenti kien hemm ukoll il‑membri fundaturi, l‑isponsors, il‑management, l‑istaff u l‑voluntiera ta’ Hospice Malta. 

L-Arċisqof Charles Scicluna fil-bidu tal-quddiesa tal-inawgurazzjoni ta’ St Michael Hospice.

Iċ‑ċerimonja tal‑inawgurazzjoni bdiet b’quddiesa ċelebrata mill‑Arċisqof Scicluna fil‑knisja ddedikata lill‑Qalb ta’ Ġesù u li tinsab fil‑bitħa ċentrali ta’ dak li kien l‑Istitut Cini. Miegħu kkonċelebraw Mons. Louis Camilleri, wieħed mill‑membri fundatur, il‑Kappillan ta’ Santa Venera Patri Maurice Abela, O.Carm u d‑Direttur Spiritwali ta’ Hospice Malta, Patri Alfred Vassallo OCD.

St Michael Hospice jkopri medda ta’ 11,000 metru kwadru fuq żewġ sulari u ta’ 6,800 metru kwadru ieħor ta’ ġonna. Aktar minn 60 fil‑mija tal‑proprjetà nżammet bħala ġnien jew spazju miftuħ sabiex tkompli tipprovdi ambjent trankwill għar‑residenti li qed jingħataw kura palljativa u l‑familji tagħhom. 

Xellug: Iċ-Chairperson ta’ Hospice Malta Bernadette Bonnici Kind issellem lill-Arċisqof Scicluna, flimkien mal-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono u l‑Prim Ministru Robert Abela.

Fl‑2016, fis‑Sena tal‑Ġublew tal‑Ħniena, l‑Arċidjoċesi ta’ Malta ddeċidiet li tippromwovi ħidma speċifika ta’ ħniena li twieġeb għal bżonn urġenti: servizzi dinjitużi ta’ tmiem il‑ħajja lil dawk li għandhom bżonn kura palljattiva. 

Għal dan il‑għan, Hospice Malta kienet l‑għażla naturali biex tkun parti minn dan il‑proġett. Imbagħad, fl‑2018, l‑Arċidjoċesi għaddiet l‑Istitut Cini fuq ftehim ta’ komodat ta’ 50 sena (jiġifieri b’xejn) lil Hospice Malta.

Dan il‑ġest tal‑Arċisqof Charles Scicluna jirrifletti impenn komuni lejn il‑qdusija tal‑ħajja u impenn profond tal‑Knisja sabiex tiddefendi d‑dritt għall‑ħajja u d‑dinjità tal‑bniedem.

Matul is‑snin, il‑proġett seta’ jsir permezz tal‑appoġġ tal‑Knisja, il‑Gvern, NDSF, fondi Ewropej, Project Green, banek, fundazzjonijiet, negozji u benefatturi individwali. 

Iċ-Chairperson ta’ Hospice Malta Bernadette Bonnici Kind waqt id-diskors tal-inawgurazzjoni.

Iċ‑Chairperson ta’ Hospice Malta, Bernadette Bonnici Kind, qalet li “l‑ftuħ ta’ St Michael Hospice hi ħolma li twettqet wara żmien twil, li se jkun xempju ta’ kura ta’ kwalità lil dawk li jeħtieġu appoġġ palljattiv.

Hija rringrazzjat lill‑benefatturi kollha, inkluż il‑pubbliku Malti u Għawdxi, li bil‑kontribuzzjonijiet tagħhom għenu sabiex din il‑viżjoni ssir realtà. Semmiet kemm din l‑inawgurazzjoni hi kisba importanti iżda enfasizzat kemm l‑appoġġ kontinwu kien essenzjali biex l‑operat tal‑Hospice jibqa’ għaddej.

Waqt l‑inawgurazzjoni, l‑Arċisqof Charles Scicluna qal li l‑Knisja f’Malta tifraħ lil Hospice Malta fl‑okkażjoni tal‑inawgurazzjoni uffiċjali ta’ St Michael Hospice għaliex b’ħidmietha tkompli tkun raġġ ta’ tama għall‑pazjenti u qrabathom.

“Hu ta’ sodisfazzjon kbir li naraw kif il‑bini tal‑Istitut Cini, fdat mill‑Knisja lill‑Hospice, inbidel fi spazju li jilqgħek, dedikat għas‑servizzi essenzjali ta’ kura palljattiva. Dawn is‑servizzi huma espressjoni profonda ta’ mogħdrija, għax isostnu u jħarsu d‑dinjità tal‑bniedem waqt wieħed mill‑aktar mumenti sensittivi u ta’ sinifikat tal‑ħajja ‑ meta l‑persuni jiġu mistiedna jirriflettu fuq l‑essenza vera tal‑ħajja u jagħrfu l‑valur imprezzabbli tagħha.”

L-Arċisqof Charles Scicluna waqt id-diskors tal-inawgurazzjoni.

Il‑Prim Ministru Robert Abela faħħar lil Hospice Malta għall‑kontribut imprezzabbli tagħha fil‑komunità u reġa’ afferma l‑appoġġ bla heda tal‑Gvern għall‑NGOs dedikati għall‑benesseri soċjali. Hu enfasizza li, permezz ta’ investimenti strateġiċi, inkluż finanzjament mill‑Fond Nazzjonali għall‑Iżvilupp u Soċjali (NDSF), Malta issa għandha faċilità ta’ kura palljattiva mill‑aktar avvanzata maħsuba biex tipprovdi dinjità u wens lil dawk fil‑bżonn.

“Il‑Malta li nara hi nazzjon ta’ mogħdrija, waħda li tħaddan fiha l‑imħabba u l‑kura. Hi Malta fejn kull familja tgħodd u tirċievi appoġġ fi żminijiet diffiċli. Lil dawk il‑familji li qed iħabbtu wiċċhom ma’ mumenti ta’ tbatija, nassigurakom li dan il‑Gvern se jibqa’ sod biex jieqaf magħkom u joffri l‑għajnuna meta jkun l‑aktar meħtieġ,” qal il‑Prim Ministru Robert Abela.

Il‑President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono rrikonoxxiet il‑kontribut siewi ta’ Hospice Malta fl‑amministrazzjoni tal‑kura palljattiva u awgurat li l‑post il‑ġdid ikun strumentali biex is‑servizzi offruti minn Hospice Malta jitwessgħu għal aktar pazjenti u l‑familji tagħhom.

Il-knisja ddedikata lill‑Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù li tinsab fil‑bitħa ċentrali ta’ St Michael Hospice u li ġiet ukoll irrestawrata.

Waqt li kienu qed isiru x‑xogħlijiet meħtieġa għal St Michael Hospice, ġiet irrestawrata wkoll il‑knisja ddedikata lill‑Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù li hemm fil‑bitħa ċentrali tal‑binja, li għandha disinn uniku f’Malta kollha ta’ Neo‑Romaniku. F’din il‑knisja se tiġi ċċelebrata l‑quddiesa kuljum u se tibqa’ taħt it‑tmexxija tal‑Arċidjoċesi ta’ Malta.

Waħda mill‑entraturi tal‑Istitut Cini, li tinsab fi Triq il‑Kbira San Ġużepp, se tintuża sabiex jiġu esebiti oġġetti u artefatti tal‑Venerabbli Adelaide Cini, il‑fundatriċi ta’ din il‑binja storika, u li ddedikat ħajjitha tieħu ħsieb vittmi tal‑prostituzzjoni u wliedhom.

Sabiex tkompli tagħti sinifikat lil dan il‑proġett, l‑Arċidjoċesi tat b’donazzjoni mużajk ta’ San Mikiel Arkanġlu, xempju ta’ ħniena u tama, u difensur tad‑dinjità tal‑bniedem, li se jkun qed isebbaħ l‑entratura ta’ St Michael Hospice. Dan sar mill‑artist Għawdxi Dun Robert Gauci. Għal aktar tagħrif dwar St Michael Hospice, żur hospicemalta.org

Il-mużajk fl-entratura ta’ St Michael Hospice li juri lil San Mikiel Arkanġlu. Din saret mill-artist Għawdxi Dun Robert Gauci.

Tagħrif dwar Adelaide Cini u l‑Istitut Cini

Adelaide Cini twieldet fl‑1838 u mietet fl‑1885 fl‑età ta’ 46 sena. Minn età żgħira xtaqet tingħaqad mas‑Sorijiet tal‑Klawsura ta’ Santu Wistin fil‑monasteru ta’ Santa Katerina fil‑Belt Valletta, iżda l‑badessa kienet urietha li l‑vokazzjoni vera tagħha hi barra l‑monasteru. Ftit wara, bdiet tgħin tfajliet vittmi tal‑faqar, tal‑vjolenza u tal‑prostituzzjoni li kienu jgħixu fl‑inħawi tal‑Port il‑Kbir, u teħodhom fid‑dar tagħha f’Santa Venera biex tgħinhom jibdew ħajja ġdida.

Il‑familja Cini kellha fabbrika tal‑għaġin li kienet tinsab fi Triq il‑Kbira San Ġużepp f’Santa Venera, u meta miet missierha, Adelaide wirtet nofs il‑proprjetà. Wara li ftehmet ma’ ħutha u xtrat il‑kumplament tal‑binja u d‑dar ta’ familtha, Adelaide bdiet taħdem biex twaqqaf l‑istitut ‘Conservatorio Cini’. Is‑Sorijiet tal‑Karità komplew jaħdmu fuq dak li bdiet Adelaide u l‑istitut kompla jikber.

Il‑ħajja qaddisa ddedikata għall‑bżonnijiet ta’ tfajliet u ommijiet mhux miżżewġin wasslet lil Adelaide Cini biex tiġi ddikjarata venerabbli mill‑Papa Piju X fit‑23 ta’ Frar 1910. Il‑fdalijiet tagħha jinsabu fil‑kappella tal‑Istitut Cini.

Matul it‑Tieni Gwerra Dinjija, l‑Istitut Cini serva bħala sptar tal‑maternità.

Fis‑16 ta’ Ottubru 2019, l‑Arċisqof Charles Scicluna reġa’ fetaħ il‑kawża għall‑beatifikazzjoni ta’ Adelaide Cini.