Waqt il-quddiesa qatt waqaft taħseb fuq is-sinifikat tat-Tieni Qari? Dan ir-Randan, l-Arċisqof Charles Scicluna se jispjega fi ftit minuti t-Tieni Qari li se jinqara fil-Ħdud tar-Randan, u joffri punti ta’ riflessjoni għal matul dan il-vjaġġ spiritwali.


It-Tieni Qari għar-Raba’ Ħadd: 2 Kor 5:17-21

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin

Meta wieħed jingħaqad ma’ Kristu, isir ħolqien ġdid; il-qadim għadda u daħal il-ġdid. Kollox ġej minn Alla li ħabbibna miegħu nnifsu permezz ta’ Kristu u tana l-ministeru ta’ din il-ħbiberija tal-bnedmin ma’ Alla. Alla kien li ħabbeb il-ħolqien miegħu nnifsu permezz ta’ Kristu, bla ma qagħad iżomm il-kont ta’ dnubiethom, u fdalna l-ministeru ta’ din il-ħbiberija. Aħna nagħmluha ta’ ambaxxaturi ta’ Kristu bħallikieku Alla stess qiegħed isejjaħ permezz tagħna, nitolbu fuq li nitolbu f’ġieħ Kristu: “Ħallu lil Alla jħabbibkom miegħu.” Dak li ma kienx jaf x’inhu dnub, Alla għamlu dnub għalina sabiex aħna nsiru fih ġustizzja ta’ Alla.