Waqt il-quddiesa qatt waqaft taħseb fuq is-sinifikat tat-Tieni Qari? Dan ir-Randan, l-Arċisqof Charles Scicluna se jispjega fi ftit minuti t-Tieni Qari li se jinqara fil-Ħdud tar-Randan, u joffri punti ta’ riflessjoni għal matul dan il-vjaġġ spiritwali.


It-Tieni Qari għat-Tielet Ħadd: 1 Kor 10:1-6,10-12

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin

Għax ma rridkomx ma tkunux tafu, l-aħwa: missirijietna lkoll kienu taħt is-sħaba, ilkoll qasmu l-baħar, ilkoll kienu mgħammda f’Mosè fis-sħaba u fil-baħar, ilkoll kielu mill-istess ikel spiritwali – xorbu tassew mill-blata spiritwali li kienet timxi magħhom, u din il-blata kienet Kristu – madankollu l-biċċa l-kbira minnhom lil Alla ma għoġbuhx għax ilkoll waqgħu mejta fid-deżert. Dan ġara b’eżempju għalina, biex ma nixxennqux għal ħwejjeġ ħżiena, bħalma xxennqu huma.

Anqas ma għandkom tgergru, kif għamlu xi wħud minnhom, u qeridhom il-Qerried. Dan kollu ġralhom b’eżempju, u nkiteb bi twiddiba għalina li fuqna wasal tmiem iż-żminijiet. Min jidhirlu li hu wieqaf, joqgħod attent li ma jaqax.