https://www.youtube.com/watch?v=UvUKMroxLq8

Waqt il-quddiesa qatt waqaft taħseb fuq is-sinifikat tat-Tieni Qari? Dan ir-Randan, l-Arċisqof Charles Scicluna se jispjega fi ftit minuti t-Tieni Qari li se jinqara fil-Ħdud tar-Randan, u joffri punti ta’ riflessjoni għal matul dan il-vjaġġ spiritwali.


It-Tieni Qari għat-Tieni Ħadd: Filippin 3:17–4:1

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Filippin

L-aħwa, ixbhu lili, u ħarsu lejn dawk li jimxu skont l-eżempju li rajtu fina.Għaliex hawn ħafna – dan għedthulkom bosta drabi, imma issa ntennihulkom bid-dmugħ f’għajnejja – hawn ħafna li jġibu ruħhom bħal għedewwa tas-salib ta’ Kristu. It-telfien għad ikun tmiemhom; alla tagħhom hu żaqqhom, jiftaħru b’dak li jmisshom jistħu minnu, u moħħhom biss fil-ħwejjeġ tad-dinja. Imma aħna pajjiżna fis-sema; minn hemm bil-ħerqa nistennewh jiġi, is-Salvatur tagħna Sidna Ġesù Kristu. Hu għad irid ibiddlilna l-ġisem imsejken tagħna fis-sura tal-ġisem glorjuż tiegħu, bil-qawwa tas-setgħa li għandu li jġib kollox taħtu. Għalhekk, intom, ħuti li intom l-għożża u x-xewqa tiegħi, ferħ u kuruna tiegħi, żommu sħiħ fil-Mulej, maħbubin tiegħi.