Il-ħames doni li Dun Karm jitlob fuqhom u għalihom fit-tieni strofa tal-Innu Malti, huma d-dehen, il-ħniena, s-saħħa, l-għaqda u s-sliem.
Fit-tieni riflessjoni nixtieq li nieqfu ftit naħsbu fuq id-don sabiħ tal-ħniena. Nistgħu ngħidu li l-ħniena hija l-qalba ta’ dawn il-ħames doni, għax il-ħniena hi rigal kbir ta’ Alla, tagħmilna nixbhu tassew lill-Ħallieq tagħna. “Kunu perfetti, bħalma hu perfett Missierkom li hu fis-smewwiet” (Mt 5:48) “li jibgħat ix-xemx tiegħu sew fuq il-ħżiena u sew fuq it-tajbin, u jniżżel ix-xita sew fuq min hu tajjeb u sew fuq min mhuwiex” (Mt 5:45).
Il-Mulej qiegħed jgħidilna, li l-imħabba tiegħek trid tkun imħabba ta’ mogħdrija, imħabba ta’ kompassjoni, imħabba ta’ tenerezza. Dan kollu jinġabar fil-kelma sabiħa ‘ħniena’. Li tħenn għal dak li jkun, mhix biss li tgħinu biss meta jkun fil-bżonn, imma li l-atteġġjament tiegħek ikun dejjem li jħabbat qalb ma’ qalb mal-proxxmu tiegħek. Il-ħniena tagħmilna verament għonja. Kemm għandna bżonn il-ħniena; il-ħniena magħna nfusna, il-ħniena mal-ħolqien, u l-ħniena mal-ġenerazzjonijiet futuri. Ejjew naħsbu wkoll li r-responsabbiltà li għandna mhix biss biex ngħixu tajjeb, imma li nieħdu ħsieb li min jiġi warajna jkollu frott tal-ħniena, tal-imħabba, tal-kura, u tal-kompassjoni li nuru ma’ xulxin, li nuru mal-ħolqien, u allura naħsbu wkoll f’min ġej warajna.
Jiena nawgura, li f’dan iż-żmien tar-Randan, aħna nagħmlu l-esperjenza sabiħa tal-ħniena ta’ Alla. Wara kollox, is-Sagrament tal-Qrar huwa s-sagrament tal-ħniena ta’ Alla għalina. Ġesù jgħidilna li jekk ma taħfirx lil ħuk, kif tista’ tippretendi li Alla jaħfirlek?! U din Ġesù jinsisti ħafna fuqha. Aħna u nitolbu maħfra tad-dnubietna, l-aħwa, f’dan ir-Randan ejjew nimpenjaw ruħna li naħfru lil xulxin u nuru ħniena ma’ xulxin.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta