Qed issir referenza għal blogpost ta’ Simon Mercieca bit‑titlu “Jason  Azzopardi jingħata l‑annullament taż‑żwieġ mit‑tribunal tal‑Knisja”.

F’din il‑blogpost, Simon Mercieca jagħmel diversi dikjarazzjonijiet skorretti u malafamanti fil-konfront ta’ membri tat‑Tribunal Ekkleżjastiku, b’mod partikolari tal‑President tat‑Tribunal Reġjonali tat‑Tieni Istanza, Mons. Joseph Bajada.

Fost l‑oħrajn, Simon Mercieca jallega li Mons. Bajada influwenza deċiżjoni biex
Dr Azzopardi jingħata annullament minħabba r-rabta ta’ Mons. Bajada ma’ Dr Azzopardi fi kwistjonijiet oħra.

L‑allegazzjonijiet li saru fl‑artiklu miktub minn Simon Mercieca huma foloz, mhux veri, fattwalment skorretti u malafamanti.

Mons. Bajada jippresiedi biss appelli tat‑Tribunal Ekkleżjastiku Reġjonali. Dan jaħdem b’mod separat u distint mit‑Tribunal Metropolitan.

Mons. Bajada u l‑kanċillier tiegħu m’għandhom l‑ebda involviment f’każi tal‑Ewwel Istanza, bħal dak ta’ Dr Azzopardi. Dawn il‑kawżi jaqgħu taħt taqsima separata tat‑Tribunal Ekkleżjastiku, immexxija mill‑Vigarju Ġudizzjali tat‑Tribunal Metropolitan ta’ Malta.

Għalkemm membri tal‑Knisja fittxew b’mod konsistenti li jippromwovu u jipproteġu l‑prinċipji ġurnalistiċi, artikli ppreżentati bħala ġurnaliżmu — li l‑awturi tagħhom ma jagħmlu l‑ebda sforz biex jivverifikaw il‑fatti; u agħar minn hekk, jirrikorru għal kummenti mhux veri biex jagħmlu allegazzjonijiet malafamanti — huma kundannabbli mingħajr riżerva.

Sitwazzjoni bħal din hija aktar inkwetanti meta tqis li l‑awtur, f’dan il‑każ Simon Mercieca, huwa Professur tal‑Istorja — suġġett li fih il‑verifika tal‑fatti hija essenzjali — fl‑Università ta’ Malta.