Matul l-2024, l-Isqfijiet ta’ Malta u Għawdex qed iħeġġu sabiex bħala pajjiż u Nsara, nirriflettu fuq il-ħames doni mingħand il-Mulej li l-poeta nazzjonali Dun Karm Psaila jfakkarna fihom fl-Innu Malti: id-dehen, il-ħniena, is-saħħa, l-għaqda u s-sliem. Dan hekk kif din is-sena, Malta tagħlaq 60 sena indipendenti u 50 sena repubblika.
Fl-Innu Malti, Dun Karm talab għal ħames doni. Talab għad-dehen, talab għall-ħniena, għas-saħħa, għall-għaqda u għas-sliem.
Fil-ħames riflessjoni tiegħi f’dan ir-Randan nixtieq li nieqfu niftakru ftit u naħsbu dwar id-don sabiħ tas-sliem, jew tal-paċi. Niftakru li qegħdin noqorbu lejn il-Ġimgħa l-Kbira u l-Għid il-Kbir tal-Mulej, u niftakru wkoll li t-tislima tal-Irxoxt hija waħda: “Is-sliem għalikom!” (Ġw 20:19), il-paċi magħkom! San Ġorġ Preca għallem lid-dixxipli tiegħu li jsellmu lil xulxin b’din it-tislima. Din it-tislima daħlet ukoll fil-vokabularju tagħna l-Maltin fl-użanzi sbieħ tagħna l-Maltin, ‘il-paċi miegħek’. Aħna kultant ngħiduha wkoll meta naħfru lil xulxin, b’sens ta’ rikonċiljazzjoni. Il-paċi tiġi mhux mill-kliem jew mill-fomm imma l-ewwel trid tibda mill-qalb tiegħi. Jiena ma nistax nagħtik il-paċi, ħija l-għażiż, oħti l-għażiża, jekk jien stess m’għandix il-paċi. Ħadd ma jagħti milli m’għandux.
L-istedina li jagħmlilna s-saċerdot f’kull quddiesa qabel nitqarbnu hija stedina importanti: ‘Agħtu l-paċi lil xulxin’. Imma qabel jgħid hekk ifakkarna f’dak li qal Ġesù, “Nagħtikom is-sliem tiegħi” (Ġw 14:27. Il-paċi, u din Dun Karm jinsisti fuqha, tibqa’ dejjem don tal-Mulej. Aħna nistgħu nistaqsu lilna nfusna, imma forsi m’hemmx għalfejn, ‘Għandna bżonn il-paċi? Għandna bżonn il-paċi fid-dinja biex jinqerdu l-gwerer? Għandna bżonn il-paċi bejnietna? Għandna bżonn il-paċi fil-familji tagħna u f’qalbna?’ Jekk l-għaqda hija sabiħa, tant hi sabiħa l-paċi. Jista’ jkun hemm l-ikbar sinjur tad-dinja, l-aħwa, imma jekk ma għandux il-paċi huwa bniedem, ma ngħidx id-disprat, imma żgur fqir. Għax min għandu l-paċi, ikun f’liema ċirkustanza jkun, jgħum fl-ikbar għana u fl-ikbar barka li jista’ jagħti l-Mulej.
Illum, aħna u noqorbu lejn il-festi sbieħ tal-Ġimgħa Mqaddsa u nidħlu fl-iskola tal-imħabba ta’ Ġesù nitolbu fuq pajjiżna, u fuq kull wieħed u waħda minna, id-don tal-paċi. It-tislima tiegħi, jiena u ntemm ir-riflessjonijiet ispirati mill-ħames doni li Dun Karm talab fuqna u fuq pajjiżna, tkun dik ta’ Ġesù stess: Il-paċi magħkom.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta