L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

Waħda mix-xeni kiefra u ta’ qsim il-qalb hi dik ta’ omm tibki lil xi ħadd minn uliedha. Ilbieraħ rajt filmat qasir ta’ omm Palestinjana f’Gaża tibki biki ta’ qsim il-qalb filwaqt li tħaddan lil binha mejjet, maqtul mit-truppi ta’ Israel. U tilmenta: “X’għamlilhom dan? X’seta’ għamlilhom dan it-tifel?” Ftit qabel, rajt l-istorja ta’ omm f’Israel li tilfet lil binha ta’ 20 sena maqtul mill-Ħamas fis-7 ta’ Ottubru 2023.

Dawn huma tant ġrajjiet koroh, u bħal dawn hemm ħafna, li qed ngħixu proprju  fi żminijietna f’postijiet differenti – ġrajjiet simili ta’ ommijiet li tilfu lil uliedhom kemm fi gwerer jew konflitti, bħall-agressjoni fl-Ukrajna, kif ukoll f’ċirkustani traġiċi oħra bħal fil-każ tagħna hawnhekk, il-mewt ta’ Jean Paul Sofia u ta’ Pelin Kaya. Żgur li hija waħda mill-akbar tbatijiet din ta’ omm li titlef lil xi ħadd minn uliedha.

Ftakart f’dawn il-ġrajjiet f’din iċ-ċelebrazzjoni li qed nagħmlu llum tal-Madonna tad-Duluri. Qed niftakru llum f’Marija, Omm Alla, li kellha tant mumenti ta’ dulur f’ħajjitha sal-punt li binha jiġi maqtul brutalment fuq is-salib.

Ħa nħarsu ftit lejn din l-Omm tad-Duluri u naraw x’tgħallimna għall-ħajja tagħna.

Omm ta’ fidi, tama u mħabba

L-Evanġelju jurina lil Marija wieqfa taħt is-salib. Hemmhekk hija l-omm tal-imħabba, l-omm tal-akbar imħabba. Ħajjitha kienet dejjem immarkata minn imħabba kbira lejn binha u lejn kulħadd; u hawn, taħt is-salib, hi qed tbati fis-skiet, l-omm tal-kompassjoni li qed tbati flimkien ma’ binha. Hemm is-solidarjetà fit-tbatija ta’ binha. 

Marija hija l-omm tal-fidi. Qed tara lil binha jmut, ibqa’ tibqa’ temmen anke jekk qed tara kollox jispiċċa fix-xejn. Dak inhar li dehrilha l-anġlu Gabriel lil Marija, kien qalilha fuq Ġesù dawn il-kelmiet: “Hu jkun kbir, ikun jissejjaħ bin Alla l-Għoli. Il-Mulej Alla jagħtih it-tron ta’ David Missieru, u jsaltan għal dejjem fuq dahar Ġakobb u ma jkunx hemm tmiem għas-saltna tiegħu” (Lq 1:32-33). Dan huwa l-kliem tal-anġlu. Immaġinaw lil Marija taħt is-salib, qed terġa’ tiftakar f’dak li qalilha l-anġlu Gabriel, u quddiemha tara eżatt il-kontra. “Hu jkun kbir” – x’hemm kbir f’Ġesù fuq is-salib? “Il-Mulej Alla jagħtih it-tron ta’ David Missieru” – it-tron fuq is-salib?  “Isaltan għal dejjem” – u hawnhekk qed tarah imut. “Ma jkunx hemm tmiem għas-saltna tiegħu” – u hemm qed tara t-tmiem. Imma din hi l-fidi ta’ Marija taħt is-salib. Marija tkompli temmen – temmen anke jekk quddiemha qed tara differenti. U nafu li l-fidi tagħha hija fidi li kellha raġun. Anke jekk quddiemha rat differenti, imma fil-fatt Ġesù f’dak il-mument kien verament qed imut biex iqum għal ħajja ġdida.

Marija hija l-omm tat-tama. Żammet fiha t-tama li dak li kienet qed tara ma kienx it-tmiem, imma kienet l-esperjenza – li tkellem fuqha Ġesù stess – tal-ħabba tal-qamħ li taqa’ fl-art u tmut biex tista’ tagħti ħajja ġdida (ara Ġw 12:24). Marija taħt is-salib hija sinjal ta’ tama għal Ġesù li qiegħed fl-aħħar mumenti fuq is-salib, sinjal ta’ tama li mill-mewt se jqum għal ħajja ġdida.

Tahielna b’omm

Aħna lkoll għandna l-grazzja li fil-mument tal-akbar tbatija, Ġesù ta’ din l-omm lil Ġwanni biex tkun mhux biss ommu imma omm id-dixxipli kollha, omm il-Knisja, omm l-umanità. Smajnieh jgħid fl-Evanġelju lil Ġesù: “Mara, hawn ibnek” (Ġw 1:26). Imbagħad lil Ġwanni jgħidlu: “Hawn hi ommok” (Ġw 19:27). Innutaw kif taħt is-salib, kif smajna fl-Evanġelju, kien hemm mhux biss ommu imma wkoll oħt ommu. Imma Ġesù lil ommu ma jafdahiex f’idejn oħtha imma f’idejn Ġwanni, għax Ġwanni jirrappreżenta d-dixxipli, din il-familja ġdida li hi l-Knisja. Hu ried li hi tkun omm l-umanità kollha, u għalhekk ommna lkoll – biex aħna lkoll, li aħna dixxipli ta’ Ġesù, ikollna l-kuraġġ li tagħtina din l-omm li takkumpanjana fil-ħajja tagħna. 

Takkumpanjana dejjem, u speċjalment tkun magħna fl-esperjenzi ta’ tbatija. Meta aħna nafu li din l-omm tahielna Ġesù fl-aktar mument ta’ tbatija tiegħu, u filwaqt li hi wkoll qed tbati, nafu li għandna omm li tifhimna. Tifhimna speċjalment fil-mumenti l-aktar diffiċli tal-ħajja tagħna, fejn aħna naraw biss dlam. Dan għaliex Marija għaddiet minn dan ukoll. 

Talba speċjali għall-ommijiet

Għalhekk illum nixtieq ngħid talba speċjali għalina lkoll, biex aħna dejjem ikollna din l-omm li magħha nimxu l-mixja tal-ħajja tagħna. Nixtieq ngħid, talba għall-ommijiet, speċjalment dawk li għaddejjin minn tbatija minħabba t-telfa ta’ wliedhom, jew il-mard ta’ wliedhom, jew minħabba xi problemi fil-familja, jew għax uliedhom qabdu triq żbaljata. Nitlob biex ikollhom il-faraġ tal-akkumpanjament ta’ Ommna Marija, biex jagħrfu li huma mhumiex waħedhom fit-tbatija tagħhom, u biex Marija tgħinhom ħalli huma wkoll ikunu jixbħuha speċjalment fil-fidi, fit-tama u fl-imħabba, kif naraw f’Marija taħt is-salib. Biex huma jkollhom il-kuraġġ li jibqgħu dixxipli ta’ Ġesù, qrib tiegħu, u jibqgħu jagħtu xhieda ta’ din il-fidi b’ħajjithom.

Nagħmel din it-talba għalina lkoll: O Madonna tad-Duluri, idħol għalina u kun inti dejjem ommna fil-mixja ta’ ħajjitna.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju

Aktar ritratti