•  

    Il-messaġġ tal-Arċisqof Charles J. Scicluna lill-għalliema

  • 18 ta’ Settembru 2017

    Nixtieq nagħtikom kelma ta’ inkoraġġiment u ta’ gratitudni mhux biss lill-ġodda imma anke lill-Head of Department li ilu jaħdem f’dan is-settur. Nieħu l-opportunità, anke bħalma nagħmel kull sena, li nirringrazzja anke lis-staff tas-Segretarjat għall-Edukazzjoni Nisranija.

    Dis-sena xtaqt li l-ewwel nett, lill-ġodda, nitlobkom biex fl-iskejjel fejn tkunu tidħlu fl-ethos tal-iskola. L-iskejjel tal-Knisja mhumiex kollha l-istess anke għaliex mhumiex espressjoni tal-istess esperjenza. Kull skola tal-Knisja għandha u hija espressjoni ta’ esperjenza partikolari u lis-skejjel tal-Knisja għandhom l-ethos Kristjan imma mbagħad, minħabba l-istorja tal-fundaturi tagħhom, tal-Kongregazzjonijiet li waqqfuhom fostna — li ħafna mis-sisters jew il-fathers qed jonqsu wkoll fin-numru — għandhom esperejnza differenti ta’ kif jgħixu l-ispiritwalità li mbagħad toħloq ambjent differenti. Imma fuq l-għalliema li hemm f’dawn l-iskejjel hemm ir-responsabbiltà li kemm jista’ jkun jidħlu f’dan l-ethos partikolari u jwassluh anke lill-istudenti. “Mhix faċli,” tgħidli. Wieħed irid jibda jitgħallem, jisma’, japprezza u anke nissuġġerilkom jitlob. It-talb huwa relazzjoni ma’ Alla.     

    Aħna nixtiequ li min imiss magħna jkollu esperjenza li televah, li tgħallmu, li tkabbru, li timmaturah.

    Jiena nixtieq u nawgura li l-esperjenza tagħkom fl-iskejjel tal-Knisja ma ttelfilkomx il-fidi imma tiftħilkom bibien ġodda biex tiltaqgħu ma’ Alla u ma’ Ġesù. Jekk qed tippretendi ambjent perfett, ngħidlek ħabbatt fuq bieb żbaljat għaliex kull sistema għandha l-limiti tagħha u aħna konxji wkoll bil-limiti tagħna. Ikun hemm il-limiti tal-leadership li kultant ma jkunx up to standard, se jkun hemm il-limiti tal-ġenituri li, vera applikaw biex it-tfal tagħhom ikunu fl-iskejjel tal-Knisja, imma ma jimpurtahomx mill-ethos Kristjan, jimpurtahom biss mir-riżultati. Dak se jkun limitu li jaffettwak. Importanti ħafna li tgħallem x’tgħallem, sew jekk il-Fiżika, l-Arti, il-Franċiż jew l-Ingliż, inti tagħti dik it-togħma umana ta’ solidarjetà u ta’ kompassjoni.    

    L-istudenti naħseb għandhom dritt ikunu milqugħa f’kull skola, imma żgur fl-iskejjel tal-Knisja l-istudenti jridu jgħaddu minn din l-esperjenza li huma milqugħa, (they are accepted for who they are). Aħna nixtiequ li min imiss magħna jkollu esperjenza li televah, li tgħallmu, li tkabbru, li timmaturah, imma l-ewwel irridu naċċettaw lil dak li jkun bil-bagalja kollha tiegħu. Intom tafu li llum diversi tfal jiġu b’bagalja ta’ trawma, jew inkella bagalja tqila ħafna li lanqas jifilħu jġorruha; mhux qed ngħid għall-bagalja tal-kotba, imma għal dik tal-esperjenza tal-ħajja. U għalhekk il-cohort, kif tafu, llum huwa ta’ varjetà kbira. M’għandniex eżami li jagħmel filter tal-intelliġenza; illum il-kobor huwa dak li hu, mhux dissimili minn dak tal-Istat. Id-differenza hija li l-ġenituri tat-tfal li se jkollkom fil-kura u l-kustodja tagħkom għażlu li jidħlu għal-lotterija tal-Knisja u, ġiethom żewġ. Imma hemm ħafna wkoll ġenituri li xtaqu u li ma rnexxilhomx ukoll, din hija xi ħaġa li dejjem issewwidli qalbi imma d-demand is bigger than the supply that we can offer.     

    Importanti ħafna wkoll li jkollkom esperjenza sabiħa tat-team work u allura wieħed jidhra jikkolabora ma’ sħabu, jaċċetta d-dixxiplina tal-leadership, li kultant trid titgħallem biex issir parti minn ħajtek, wkoll li fil-ħajja tagħna jkollna ħajja serena. Kulħadd għandu l-lifestyle tiegħu, mhux se ngħidilkom kif tgħixu ħajjitikom, imma tajjeb li nifhmu li parti mill-vokazzjoni tal-għalliema jew inkella ta’ wieħed li qed jgħin lill-istudenti tagħna jikbru, huwa li jkollu lifestyle san. Kulħadd bl-għażliet tiegħu, kulħadd għandu d-dritt għall-ħajja privata tiegħu imma tajjeb li l-ġewwieni tiegħek, li ħajtek ikollha lifestyle li huwa tassew san, għax dik inti tikkomunikaha bla ma trid lill-istudenti tiegħek.    

    Inti msejjaħ biex tkun għalliem tal-ġenerazzjonjiet futuri u waqt li qed tagħmel hekk, se titqaddes anke bil-paċenzja li jkollok bżonn tieħu.

    Tajjeb li nitgħallmu — u jiena magħkom — li kif ikollna bżonn l-għajnuna, infittxuha. M’aħniex super heroes, m’aħniex mingħajr l-limitu tagħna. Kulħadd għandu bżonn mumenti ta’ għajnuna iżjed mill-oħrajn. Tajjeb li nfittxu l-għajnuna professjonali anke fil-ħajja personali tagħna u anke fil-vokazzjoni li l-Mulej qed isejħilkom għaliha. Għaliex? Għaliex dan huwa is-salto di qualità fis-servizz li nagħtu: li aħna kapaċi, u jalla dejjem inkunu kapaċi, nispiraw lil min huwa parti mill-missjoni tagħna li dak li qed tagħmel mhuwiex biss xogħol imma missjoni, vokazzjoni. Inti msejjaħ biex tkun għalliem tal-ġenerazzjonjiet futuri u waqt li qed tagħmel hekk, se titqaddes anke bil-paċenzja li jkollok bżonn tieħu. Din se tkun it-triq tal-qdusija tiegħek u fl-istess ħin ukoll ikollok il-ferħ tara l-ġenerazzjonjiet futuri, li bil-ħidma tiegħek u ta’ sħabek flimkien, qed jikbru b’saħħithom, ferħanin, jieħdu pjaċir jiġu l-iskola, u mhux jgħidu uff xi dwejjaq! Kultant tirrealizza wkoll li t-tfal, meta jaslu l-iskola, qed iħossuhom in a safe environment għaliex abbli barra ma jħossuhomx safe. Dak huwa privileġġ kbir li inti bl-imħabba tiegħek, mingħajr ma ssir possessiv qed toffri lill-istudenti wkoll a safe environment, mhux biss fiżikament imma psikoloġikament, emotivament u anke spiritwalment.  

    Nirringrazzjakom talli aċċettajtu li tkunu parti minn din l-avventura u missjoni. Imberikkom u awguri.

  •  

    Il-messaġġ tal-Arċisqof Charles J. Scicluna lil-LSAs

  • Mill-ftit li naf dwar ix-xogħol tagħkom huwa li l-ewwel nett jirrikjedi ħafna ġenerożità u ħafna paċenzja għaliex l-atteġġjament tiegħek se jkun tailormade għall-persuni li se tieħu ħsieb u li se jkollhom limiti, kulħadd bil-limiti tiegħu. Huwa xogħol li mhux bilfors jagħtik sodisfazzjon immedjat għax jista’ jkun li l-persuna li qed tgħin lanqas hi kapaċi tgħid grazzi.

    Ix-xogħol tagħkom jirrikjedi ħafna ġenerożità u ħafna paċenzja

    Imma hemm esperjenzi wkoll fejn il-bond ikun tant qawwi għaliex fikom, l-istudenti jsibu ħajt ta’ kenn, they feel safe with you, u ħafna drabi t-trawma tkun meta l-istudent ikollu jbiddel l-LSA għaliex il-bond uman ikun qawwi u allura din hija importanti ħafna.   

    L-ewwel nett nirringrazzjakom li lqajtu din il-missjoni, hija missjoni mhux biss xogħol. Vera li ċ-ċekk irid jasal fl-aħħar tax-xahar inkella jkollna xi ngħidu, mhux hekk? U ġustament. Imma hija missjoni u b’mod speċjali intom se tkunu qed tissaportjaw studenti, tfal u anke żgħażagħ għax is-sekondarja ta’ hawnhekk għandhom bżonn assistenza partikolari.   

    Jiena nawguralkom ħafna, nimmaġina li għandkom bżonn sapport intom ukoll, kultant iżjed mill-għalliema għax l-għalliem jgħidlek: “Jien għandi din il-problema, solviha inti.” Kif tafu, mhux dejjem ikun hemm soluzzjoni għal ċerti sitwazzjonjiet ta’ trawma. Naf li hemm korsijiet ta’ speċjalizzazzjoni u allura tajjeb li wħud minnkom tkomplu tispeċċjalizzaw.

    Imma tajjeb nikkoraġġikom tieħdu formazzjoni anke biex tkunu iżjed professjonali fis-servizz li tagħtu. Iżidulhom xi ħaġa meta mbagħad jagħmlu l-korsijiet? Dik tgħin ukoll. Jiġifieri hemm inċentivi biżżejjed; stabilità tax-xogħol u ftit iżjed x’tonfoq imqar biex tagħmel id-dwiefer.  Kultant jiġu jitolbuni l-karità u jkollhom dawn il-kuluri. U ngħid: “Imma din jaħasra ma setgħetx tiffranka ftit flus?” U nimmaġina se jkollkom mill-ġenituri hekk ta’ tfal li se tieħdu ħsieb, jiġifieri m’għandhiex flus biex tibagħtlu l-lunch imma mbagħad tiġi b’xi tatù daqsiex jew b’xi komma bit-tpinġija jew b’xagħarha ssettjat u tgħid: “Il-valuri differenti, misplaced.” Vera, kollox irid ikun (ma jmurx ikun hemm xi tattoo jew nail parlour jgħid li qed nagħmlilhom boycott) imma l-kwistjoni hija li intom se tiltaqgħu wkoll ma’ aspetti li jġegħluk taħseb.   

    Importanti ħafna li tieħdu ħsieb tagħkom infuskom. Ix-xogħol tagħkom se jkun xogħol ta’ stress, allura tajjeb tieħdu ħsieb lilkom infuskom u lil xulxin għaliex  jekk inti tħoss li l-istress huwa ħafna, issib kenn għaliex inkella ma tkunx tista’ tagħmel ix-xogħol li għandek bżonn tagħmel.

    Nawguralkom ħafna.                

  •  

    Il-messaġġ tal-Arċisqof Charles J. Scicluna lil-KGAs

  • Ħafna mill-memorji tagħna jinħolqu fit-tfulija jiġifieri intom il-kustodji tat-tfulija ta’ dawn l-istudenti li jiġu għandkom. Hemm min se jkun il-point of reference ta’ klassi, hux veru? Mentri hemm min se jgħallem prattikament il-Primarja kollha u se jidentifikaw miegħek għax inti l-għalliema tal-Arti jew tad-Drama. Mentri hemm oħrajn, jekk fhimt sew, li l-klassi se tqatta’ ħafna ħin miegħek.

    Nirringrazzjakom talli aċċettajtu tkunu parti minn din l-esperjenza fl-iskejjel tal-Knisja li għandhom ethos partikolari.

    Allura jiena qiegħed fil-klassi ta’ Miss Vella, għax it-tfal, — bħalma għamilna aħna meta kellna l-età tagħhom — jassoċċjaw l-esperjenza ta’ dik is-sena mal-għalliem, bħal bello e cattivo u aħna hemm bżonn che facciamo il bel tempo għal dawn it-tfal ħalli they feel safe, they feel loved, they feel nurtured, mingħajr ma tkunu possessiv għax faċilment tgħid ‘it-tfal tiegħi’. Imma fl-istess ħin it-tfal stess juri kemm l-imħabba li jirċievu fil-klassi hija formattiva. Dan hu privileġġ kbir għaliex hemm l-ambjent li fih se tgħallmu huwa ambjent reċettiv ħafna, ambjent fejn it-trawma tinħass iżjed. Jiġifieri jekk ikollkom tfal li qed isofru, se jsofru ħafna. Allura l-imħabba trid tkun iktar.   

    Tajjeb ukoll li t-tfal jieħdu mingħandkom l-ewwel togħma tajba tal-fidi.

    Jiena nixieq nirringrazzjakom talli aċċettajtu tkunu parti minn din l-esperjenza fl-iskejjel tal-Knisja li għandhom ethos partikolari. Ovvjament, kull kariżma tal-edukazzjoni fil-Knisja hija kariżma li tieħu ħsieb id-dinjità tal-istudenti fl-età tagħhom (age approach). Tajjeb ukoll li t-tfal jieħdu mingħandkom l-ewwel togħma tajba tal-fidi. Anke jekk qed tgħallem xi ħaġa li mhix bilfors ir-Reliġjon,  imma inti qed twassalha bl-istil tal-qaddisin, tkun qed twassal il-fidi kważi mingħajr ma taf. Imma ovvjament, il-fidi l-ewwel irridu ngħixuha aħna, imbagħad meta jiġi l-Milied niċċelebrawh bil-ferħ naturali ta’ min jemmen li Ġesù twieled. U jekk jiġu l-Ġimgħa l-Kbira u l-Għid, ngħixu dawn il-mumenti ta’ min jemmen li Ġesù ta ħajtu għalina. U t-tfal din il-ħaġa jeħduha b’mod awtomatiku jekk ikun hemm, għax ħadd ma jagħti milli m’għandux. 

    Allura jiena nawguralkom li intom ukoll f’din l-esperjenza tal-misjoni ta’ tagħlim, tikbru fl-esperjenza tal-fidi, tgħixu l-ħajja sana. Kulħadd għandu l-lifestyle u l-għażiet personali tiegħu, ma rridx nindaħal, imma anke għall-ġid tagħna stess importanti li jkollna lifestyle li hu san, kollox bl-ekwilibriju għax dan imbagħad inwassluh ukoll lit-tfal. Hija l-idea li jaraw wiċċ seren, li waqt li hemm dixxiplina, hemm imħabba kbira u dak huwa, biex ngħid hekk, servizz kbir li tagħtu lill-pajjiżna, mhux lill-Knisja biss, imma lill-pajjiżna. 

    Il-Mulej magħkom u grazzi.

     Charles J. Scicluna

        Arċisqof ta’ Malta

  • Ritratti: Uffiċċju Komunikazzjoni Kurja