L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Marru… raw… u baqgħu miegħu” (Ġw 1:39). Dawn it-tliet kelmiet għadna kif smajnihom fl-Evanġelju tal-lum dwar dawk iż-żewġ dixxipli li kienu mixjin wara Ġesù. Huma kienu dixxipli ta’ Ġwanni l-Battista, u meta Ġwanni qalilhom “Araw il-Ħaruf ta’ Alla” (Ġw 1:36), huma mxew wara Ġesù li beda djalogu magħhom. Ġesù staqsihom x’riedu, huma staqsewh fejn joqgħod, u Ġesù għamlilhom stedina: “ejjew u taraw” (Ġw 1:39). Imbagħad huma marru, raw u baqgħu miegħu.

Dixxipli ta’ Ġesù

Din l-istampa tal-ewwel dixxipli li mxew wara Ġesù hija l-istampa li tgħodd ħafna għalina, ilkoll kemm aħna, aħna li aħna dixxipli ta’ Ġesù. Aħna wkoll għandna nimxu warajh, miegħu nistgħu naraw dak li Ġesù joffrilna għall-ħajja tagħna, u nibqgħu miegħu. Speċjalment nixtieq niftakru f’dawn il-kelmiet – li nibqgħu miegħu – għax dawn id-dixxipli baqgħu miegħu mhux biss dakinhar imma għal numru ta’ snin, u wara l-qawmien ta’ Ġesù u l-inżul tal-Ispirtu s-Santu, baqgħu xhieda tiegħu sal-aħħar ta’ ħajjithom.

L-Evanġelju jgħidilna wkoll, fuq wieħed mid-dixxipli, Indri, li tant kienet esperjenza qawwija meta ltaqa’ ma’ Ġesù, li “l-ewwel ma għamel” (Ġw 1:41) mar jgħid lil ħuh u ħadu għand Ġesù. Lil ħuh ukoll għenu u, fil-fatt, ħuh kellu jkun Pietru, il-kap tal-Knisja. Naraw li mill-bidu kien hemm din il-ħeġġa f’dan id-dixxiplu u f’oħrajn li mhux biss huma jiltaqgħu ma’ Ġesù imma jgħinu lill-oħrajn biex jiltaqgħu miegħu.

Nixtieq li nħeġġeġ lilkom, li se tiżżewġu din is-sena, biex intom ukoll tibqgħu miegħu, ma’ Ġesù. Li fih issibu l-milja tal-ħajja tagħkom, dak li jagħtikom is-sens u d-direzzjoni fil-ħajja. U bħalma dan id-dixxiplu għen lil ħuh, intom ukoll tgħinu lil xulxin biex Ġesù jkun preżenti fil-ħajja tagħkom. Il-preżenza tiegħu tgħinkom biex tgħixu bl-aħjar mod u bl-isbaħ mod il-ħajja miżżewġa.

Ħames Barkiet

Jien nixtieq nawguralkom il-ħames barkiet li l-Arċisqof Charles Scicluna stedinna biex nirriflettu fuqhom matul din is-sena li għadna kif bdejna. Dawn jissemmew fl-Innu Malti, miktub mill-poeta nazzjonali Dun Karm Psaila – innu li hu talba – u nsibuhom fit-tieni strofa. Huma valuri tant importanti għall-ħajja tagħkom miżżewġa.

Nawguralkom, l-ewwel nett, id-dehen. Il-Mulej jagħtikom spirtu ta’ dixxerniment, jagħtikom l-għerf biex intkom tagħrfu tagħżlu dak li hu tajjeb, dak li jgħin il-ħajja tagħkom miżżewġa, u twarrbu dak li jfixkel. L-għerf ta’ Alla jgħinkom biex intom tagħrfu tgħażlu dak li jiġi l-ewwel, u tagħtu prijorità fil-ħajja tagħkom flimkien lil dak li għandu jiġi l-ewwel.

Nawguralkom il-ħniena. Aħna nirċievu l-ħniena minn Alla, l-imħabba li mhijiex bil-kejl imma li tfur lejna lkoll. Nawguralkom fil-ħajja tagħkom din l-imħabba li tfur, u li turi ruħha fl-affarijiet iż-żgħar u ordinarji – dawk l-affarijiet li kultant neħduhom for granted għax huma parti mill-ħajja ta’ kuljum, imma li permezz tagħhom nuru li tassew inħobbu.

Nawguralkom is-saħħa. Is-saħħa fiżika, mentali u emozzjonali, u wkoll is-saħħa spiritwali. Nawguralkom li tgħinu lil xulxin biex intom tieħdu ħsieb is-saħħa tagħkom u ta’ xulxin. Nafu kemm hi importanti li nagħrfu nieħdu ħsieb is-saħħa. Il-ħajja tagħielna Alla biex aħna ngħożżuha, biex aħna nieħdu ħsiebha b’mod ħolistiku. Insemmi, għalhekk, ukoll is-saħħa spiritwali li tiġi mis-smigħ tal-Kelma ta’ Alla, mill-kuntatt miegħu fit-talb, mill-għaqda miegħu li tgħinkom biex tkunu tassew b’saħħitkom spiritwalment.

Nawguralkom l-għaqda. Dak li se twiegħdu fi żmien qasir fiċ-ċelebrazzjoni taż-żwieġ – li tkunu ta’ xulxin għal dejjem f’għaqda li ma tinħallx – tkomplu tgħixuh u ssaħħuh ħajjitkom kollha. Din l-għaqda tfisser li taħdmu biex tkunu dejjem ħaġa waħda. U wkoll meta jinqalgħu diffikultajiet u konflitti – li jinqalgħu kull fejn il-bnedmin jgħixu ma’ xulxin – intkom tagħrfu kif tagħmlu ħalli ma tħallux lil dawn jimblukkawkom, imma tgħelbuhom u tagħmlu minnhom mezzi li jsaħħu l-għaqda tagħkom bħala miżżewġin. Hi għaqda li tiċċelebraw b’mod partikulari dik inhar taż-żwieġ, imma li tkomplu tgħixuha u ssaħħuha tul ħajjitkom kollha.

Nawguralkom is-sliem. Qabel xejn li jkollkom il-paċi f’qalbkom, u mbagħad din turi ruħha fir-relazzjonijiet tagħkom ma’ xulxin, u fil-ħajja tal-familja. Fittxu dejjem dak li jsaħħaħ il-paċi – il-ħin għal xulxin, li tisimgħu lil xulxin, li turu appoġġ lil xulxin, u tgħinu lil xulxin biex tikbru; tieħdu paċenzja wkoll kultant b’xulxin f’ċirkustanzi partikulari, u tagħmlu sagrifiċċji li jsaħħu dan l-ambjent ta’ sliem.

Nixtieq, għalhekk, nitlob dawn il-barkiet tal-Innu Malti speċifikament għalikom li se tiċċelebraw is-sagrament taż-żwieġ matul din is-sena: id-dehen, il-ħniena, is-saħħa, l-għaqda u s-sliem.

Sehem fl-Ewkaristija

Nixtieq inħeġġiġkom ħafna biex dawn jgħinukom ħalli intkom tibqgħu tgħixu qrib ta’ Ġesù u Ġesù qrib tagħkom. Speċjalment ninkoraġġikom ħafna biex titolbu flimkien, titolbu għal xulxin, u li t-talb isaħħaħ il-familja tagħkom.

Ninkoraġġikom ħafna wkoll, bħalma qed tagħmlu llum flimkien biċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa, li intom iżżommu dan l-appuntament regolari tagħkom tal-quddiesa kull nhar ta’ Ħadd jew Sibt filgħaxija, u tagħmlu dan b’impenn sħiħ. Jekk intom iżżommu dan l-impenn tal-quddiesa, żgur li tistgħu tħossu ħafna aktar il-barkiet li l-Mulej irid jagħti għall-ħajja tagħkom miżżewġa. Fiċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija għandkom l-isbaħ mod kif tiċċelebraw il-vokazzjoni li għaliha Alla sejħilkom bħala miżżewġin, u hemmhekk tirċievu l-akbar għajnuna li għandkom bżonn fil-ħajja tagħkom miżżewġa.

Għal dan se nitlob illum. Nitlob għal kull wieħed u waħda minnkom, għall-ħajja ta’ żwieġ li deħlin għaliha, u nitlob li l-Mulej iħariskom dejjem u jżommkom dejjem fl-imħabba tiegħu. 

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju