• Il-Ħadd 15 ta’ Jannar 2017, l-Arċisqof Charles J. Scicluna ċċelebra Quddiesa għall‑koppji li ser jiżżewġu fl‑2017, fil‑Konkatidral ta’ San Ġwann, il‑Belt Valletta. Il‑Quddiesa kienet organizzata mill‑Moviment ta’ Kana.

    Agħfas hawn biex tara r-ritratti kollha taċ-Ċelebrazzjoni tal-Quddiesa.

    Iċ-Ċelebrazzjoni tal-Quddiesa fuq YouTube

  • Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

  • Naħseb li ta’ min nistaqsu għaliex, meta Ġwanni l-Battista jilmaħ lil Ġesù ta’ Nazaret – dan il-mastrudaxxa li ddeċieda jmur ifittex lil Ġwanni biex jitgħammed – meta rah, lil sħabu qalilhom: “Araw il-ħaruf ta’ Alla li jneħħi d-dnub tad-dinja” (Ġw 1, 29).

    Aħna din il-ħaġa forsi drajnieha ħafna. F’kull quddiesa, qabel it-tqarbin, is-saċerdot jaqbad l-ostja, il-Ġisem ta’ Ġesù, u jgħidilna: “hawn hu l-ħaruf ta’ Alla li jneħħi d-dnubiet tad-dinja; ħenjin dawk li huma mistiedna għall-ikla tal-ħaruf”. Tifhmu mall-ewwel li din l-istedina tas-saċerdot li aħna nisimgħu – forsi drajnieha ħafna – qabel it-tqarbin f’kull quddiesa, ġejja propju minn dan l-Evanġelju li għadna kemm smajna. It-tieni biċċa “ħenjin dawk li huma mistiedna” (Apk 19, 9), ġejja mill-Ktieb tal-Apokalissi, l-aħħar ktieb tal-Bibbja. Din l-hena li aħna mistiedna għall-ikla tal-ħaruf.

    Fl-Għid il-Kbir il-kelma ‘ħaruf’ issir għażiża ħafna għalina għaliex lil Ġesù nsejħulu ‘il-ħaruf tal-Għid tagħna’, ġie maqtul, ġie ssagrifikat għalina. Il-kelma ‘ħaruf’ mhux biss hija referenza għal din l-immaġini ħelwa ta’ dan l-annimal ġwejjed, imma hija sinjal ta’ Ġesù li jagħti ħajtu għalina.

    Biss, Ġwanni kien qed jitkellem bl-Aramajk, lingwa li ormai m’għadhiex tiġi mitkellma ħlief f’żewġ villaġġi – qabel il-gwerra – li hemm is-Sirja. Hemm il-villaġġ jismu Malula fejn għadhom jitkellmu l-Aramajk, il-lingwa li kien jitkellem Ġesù. Bl-Aramajk din il-kelma mhux biss tfisser ħaruf imma tfisser ukoll qaddej u iben. Allura Ġwanni, b’ekonomija kbira, jgħid kelma imma jfisser tlieta: “araw il-ħaruf ta’ Alla, araw il-qaddej ta’ Alla, araw l-Iben ta’ Alla, li jneħħi d-dnub tad-dinja”. Fit-tmiem tal-Evanġelju li għadna kemm smajna, għandna l-konferma ta’ waħda minn dawn l-interpretazzjonijiet. “Dan rajtu b’għajnejja” jgħid “u għalhekk xhedt ‘dan hu l-Iben ta’ Alla’” (Ġw 1, 34).

    Il-fatt li Ġesù għex ta’ qaddej, m’hemmx għalfejn ikollna provi kbar jekk aħna nemmnu li Ġesù niltaqgħu miegħu fl-Evanġelju, għaliex hu stess, qabel ma miet, qabel ma sar il-ħaruf tal-Għid, neħħa l-mantar, tħażżem b’fardal jew xugaman, u ħasel riġlejn id-dixxipli tiegħu, għamilha ta’ qaddej. U qalilna: “fhimtu x’għamilt? Dak li għamilt, għamluh wieħed lill-ieħor” (Ġw 13, 12.14).

    Jiena nerġa’ nirringrazzjakom tal-preżenza tagħkom illum. Inħoss li fis-sagrament taż-żwieġ li intom se tagħtu lil xulxin f’din is-sena li bdejna, intom se tgħixu dawn it-tlett titli, dawn it-tlett ismijiet ta’ Ġesù b’mod speċjali u partikolari. Ħa nibda b’tan-nofs: li tkun qaddej. Inti se tidħol għal din l-avventura tal-imħabba, mhux b’egoiżmu jew narċiżiżmu – in-narċiżiżmu huwa meta l-kriterju dejjem inkun jien, it-tieni jien, it-tielet jien – imma b’atteġġjament differenti, atteġġjament li inti tfittex dejjem il-ġid tas-sieħeb jew is-sieħba tiegħek. Fit-Taljan hemm dak il-verb sabiħ li l-maħbubin jgħidu lil xulxin: ‘ti voglio bene’. Dak il-voler bene, nixtieqlek il-ġid, imma t-Taljani, meta jgħiduha tfisser ‘jiena nħobbok’, ti voglio bene, assai! Dak ifisser li jiena se nagħti ħajti għall-ġid tiegħek u se nilqgħek għall-ġid tiegħek.

    It-tagħlim tal-Knisja fuq iż-żwieġ u dak kollu li jgħallimna l-Papa fid-dokument sabiħ tiegħu dwar il-‘Ferħ tal-Imħabba’ jgħallimna dan: li inti lil min tħobb tixtieqlu l-ġid u bl-imħabba tiegħek, bl-imħabba tagħkom għal xulxin, qed tkabbru l-well-being, il-ġid ta’ xulxin. Dan huwa li tkun qaddej fis-sagrament taż-żwieġ.

    Hemm it-titlu tal-ħaruf. Kultant issib xi mara – għax intom dalwaqt issiru nisa miżżewġin, qed ngħid għat-tfajliet – li lir-raġel tgħidlu “imma x’bodbod għandi!”. Ma jkunx ħaruf, isir bodbod. Ma nafx x’jiġri wara t-tieġ, it-titli donnhom jitbiddlu. Forsi għax inkunu iżjed liberi, lix-xadina ngħidulha xadina, u bodbod jekk ikun għamilha ta’ bodbod, ngħidulu “imma kemm int bodbod. Għax ma sellimtlux? Għax ma sellimtilhiex lill-kunjata? Se nibdew dejjem bil-banda”. U inti trid tiftakar li l-vokazzjoni tiegħek mhux li tkun bodbod, imma li tkun ħaruf. Tgħidli: “iva, mela le, nħalliha tagħmel li trid bija!”. Mhux hekk qed nifhem. Għax ikun hemm forsi xi diskursata bejn in-nisa: “U tiegħi, kull ma ngħidlu jgħidli iva, forsi biex jeħles minni, imma jgħidli iva, u nirranġaw, nirranġaw”. Mhux dak li rrid infisser.

    It-titlu ta’ ‘ħaruf’ għal Ġesù mhuwiex la indikazzjoni ta’ nuqqas ta’ intelliġenza, imma huwa l-fatt li lest jagħti ħajtu. Mhix ċajta. Intom se twegħdu imħabba dejjiema lil xulxin fir-risq it-tajjeb u l-ħażin, fil-mard u fis-saħħa, u biex tkun kapaċi dik il-kelma tgħixha, mhux tgħidha biss, trid tiftakar fil-Mulej Ġesù, li Kurċifiss imsallab mas-salib, huwa l-ħaruf maqtul biex ineħħi d-dnub tad-dinja.

    Tgħidli: “Alla ħares ikollna ħajja daqshekk diffiċli!”. U le, nawguralkom li jkollkom ħajja mimlija ferħ, imma jiena ma nistax inkun onest magħkom jekk nitkellem biss dwar il-ħajja ward u żahar. Intom tafu li l-ħajja ta’ kull bniedem għandha d-diffikultajiet u s-salib tagħha. Ftakru fl-għerf ta’ missierijietna: “min m’għandux salib, għandu domna”. Jiġifieri dejjem se jkollok xi ħaġa xi ddendel mal-kuruna, min m’għandux salib, għandu domna.

    Allura kelma oħra li tagħti ħajtek bħall-ħaruf tal-Għid li jneħħi d-dnub tad-dinja hija ‘paċenzja’: li inti dak kollu li jiġi ta’ kuntrarju, titgħallem tieħdu b’ġenerożità u b’paċenzja kbira. Hekk iġġorru lil xulxin: bil-paċenzja li tieħdu b’xulxin. Jekk inti se tixtieqilha l-ikbar ġid, se tilqagħha kif inhi. Jekk hi se tħobbok, u tħobbok żgur, se tilqgħek bil-limiti tiegħek. Hemm ħafna tajjeb, hemm ħafna preġju. Intom tafu li l-wiċċ gustuż mhux għal dejjem, imma jekk l-imħabba trid tkun għal dejjem irridu nitgħallmu nieħdu paċenzja b’xulxin.

    Quddiem omelette li hija sewda faħma, inti tgħid: “imma kemm hi tajba” għax, taf inti, hawn mod kif tgħatti t-togħma li ma tistax tissapportiha. Dak li jkun jinduna, għax kulħadd intelliġenti, imma mingħajr ħafna kliem, jirrealizza li hemm paċenzja, hemm imħabba kbira, li mhux tmur fl-ewwel Facebook page u tikteb: ‘inħarqet l-omelette illum!’  Li allura r-rispett lejn xulxin ikun ifisser propju din il-kapaċità li aħna nerfgħu lil xulxin, inħobbu tassew lil xulxin b’mod konkret.

    Il-Mulej Ġesù qaddej, il-Mulej Ġesù ħaruf, il-Mulej Ġesù Iben. Aħna m’aħniex ulied naturali tal-Missier, aħna m’aħniex divini bħal Ġesù, imma msejjħin biex inkunu aħwa ta’ Ġesù, ulied il-Missier. Intom ulied il-Missier permezz tal-Magħmudija. U Ġesù għammidna bl-Ispirtu qaddis tiegħu li huwa l-Ispirtu ta’ Alla, li huwa mħabba. U intom meta tagħtu s-sagrament lil xulxin fit-tieġ tagħkom u tidħlu fiż-żwieġ permezz tat-tieġ, intom tidħlu fiż-żwieġ. It-tieġ huwa rit, iż-żwieġ huwa stat, huwa l-ħajja tagħkom. It-tieġ tista’ teħodlu video, iż-żwieġ aħjar le.  Imma dik hi r-realtà, iż-żwieġ. Iż-żwieġ għandu bżonn din il-qawwa tal-Ispirtu qaddis tal-Mulej li jgħallimna l-imħabba, li jgħallimna l-imħabba anke kif jgħalliemhielna l-appostlu Missierna fl-Ewwel Ittra lill-Korintin kapitlu 13. Ħafna minnkom meta aħna s-saċerdoti nagħtukom għażla tal-qari, togħġobkom ħafna din is-silta fejn l-appostlu Missierna jgħid: “l-imħabba taf tistabar, l-imħabba tħenn, l-imħabba ma tgħirx, l-imħabba ma taħsibx ħażin, kollox tafda, kollox temmen, kollox tissaporti” (1 Kor 13, 4.6).

    Il-Papa Franġisku f’dan ir-rigal kbir li tana l-Amoris Laetitia, il-Ferħ tal-Imħabba, għandu kapitlu ddedikat għal dan l-innu tal-imħabba skont San Pawl. Inħajjarkom ħafna tfittxuh, illum bl-internet issib kollox. Tista’ ssib dan il-kapitlu, il-kapitlu 4 ta’ Amoris Laetitia, il-Ferħ tal-Imħabba, anke bil-Malti dana id-dokument qiegħed fuq l-internet fuq il-website Laikos. Hemmhekk għandkom issibu ħafna tagħlim anke tal-Papa, tagħna l-Isqfijiet fuq iż-żwieġ. Imma tgħidli:  “m’għandix ħin għax qed inbajjad bħalissa, m’għandix ħin għax qed nagħmel l-elettriku, m’għandix ħin għax qed nagħżel jekk hux se jkolli l-mejda tal-ġobon, il-mejda taċ-ċikkulata, jew inkella kif se nagħmlu biex elf ruħ isiru erba mija u ħamsin mistieden jew għoxrin, skont x’se tagħmlu – Alright, nifhem li għandkom ħafna fuq moħħkom. Imma tajjeb ukoll li ssibu l-ħin li intom tmantnu l-imħabba ta’ bejnietkom bit-tagħlim sabiħ dwar l-imħabba li qed jagħtina l-Papa Franġisku li, kif tafu mhux paroli biss, imma fatti, u li għalina huwa eżempju sabiħ. Aħna l-Insara rridu nkunu xhieda li l-kelma tiswa, mhijiex irħisa, mhijiex vojta. Inti se tagħti ħajtek lill-żewġek, lill-martek. Dik il-kelma żommha għax il-kelma li se tagħti mhijiex irħisa, apparti kemm se jiswielek it-tieġ, mhijiex irħisa.

    Huwa impenn, mhux sempliċi ‘imbagħad naraw’, illum kollox ‘imbagħad naraw’, xi trid tara, ħabib? Araħ issa dak li għandek tarah. Dak li għandek tara, arah issa. U meta tagħti l-kelma, żommha. U meta tiġi f’mument tad-dgħufija u fil-mument tal-infedeltà fil-qalb, jew fil-moħħ, jew fil-ħars, itolbu lill-Mulej: “Mulej, għini fid-dgħufija tiegħi biex dak li bnejt ma nħottux”.

    Il-Mulej jagħtikom ukoll id-don tal-Ispirtu biex tilqgħu lill-ulied kif irid Alla u meta jrid Alla. Tgħiduli: “m’aħniex mgħaġġlin”, orrajt, jiena nirrispetta r-responsabbiltà tagħkom, imma ċċaħdux lil xulxin minn xulxin. U dak li jibgħat il-Mulej, ilqugħ. Tgħiduli: “ħarbatli l-pjanijiet kollha għax ridna mmorru l-ewwel il-Maldives, imbagħad immorru l-Virgin Islands”, imma ilqgħu l-barka li jibgħat il-Mulej, ilqgħu l-barka li jibgħat il-Mulej.

    Jiena nawguralkom ukoll li f’soċjetà li ħafna drabi ddawwarna bi rwiefen kbar, intom tibqgħu sodi fil-kelma li se tagħtu lil xulxin, u tfittxu wkoll l-għajnuna tal-komunità Nisranija. Jiena nawguralkom li issa li se tmorru l-Knisja biex tiżżewġu ma toqgħodux tistennew għall-ewwel Magħmudija biex terġgħu tmorru. Kemm hi ħaġa qaddisa li intom issibu dik is-siegħa darba fil-ġimgħa. Qed ngħidlhom lis-saċerdoti biex ma jdumux jipprietkaw għax inkella se naqtgħu qalb in-nies, imma użaw ukoll ftit paċenzja biex tgħid: “mort smajt quddiesa. Tlabt lill-Mulej, irringrazzjajtu”.

    Jekk ngħidlek ipprova itlob kuljum, tista’ tgħidli: “ma nafx”. Inti forsi ma tafx il-‘Missierna’, ma tafx is-‘Salve Regina’, ma tafx xi kurunella kkomplikata li kont tisma’ n-nanna tgħid. Ma jimpurtax li ma tafx dawk, għalkemm lil uliedek trid tgħallimhom xi ħaġa. Illum hawn il-kotba biex jekk ma tafhiex, taqraha. Imma inti lill-Mulej kellmu, għidlu: “illum kont se nttajjarha, għax tellagħtomli, qabbżithieli” jew inkella hi tgħidlu: “imma, Mulej, il-ħin kollu barra mal-ħbieb, mela dan ma jafx li żżewweġ? Imbagħad jiġi u jgħidli li hu ‘għajjien’ u li m’għandux ħin għalija”. U kultant tajjeb li tgergru naqra mal-Mulej. Għax il-Mulej, meta jirrispondik fis-silenzju se jgħidlek: paċenzja, imħabba, maħfra, mogħdrija, kuraġġ.

    Jiena se jkolli ċ-ċans niltaqa’ magħkom personalment fl-aħħar tal-Quddiesa. Se nagħtikom kuruna tar-rużarju, tgħiduli: “din biex nagħmilha ma għonqi bħal futbollers?” Le, biex tużawha, mhijiex lanqas għal vetrina. Ir-rużarju hija talba sempliċi ħafna, biex tgħidu trid tkun taf il-Missierna, is-Sliema u l-Qaddisa u l-Glorja. Tgħidli: “imma dawn l-imberkin misteri ma nafhomx”. Mur fuq l-internet, fittex, illum anke fuq Youtube fost ħafna affarijiet issib ukoll, anke tista’ tgħid ir-rużarju. Imma kemm tkun ħaġa sabiħa li din tfakkarkom fil-mumenti ta’ talb flimkien, jekk jista’ jkun ta’ kuljum, biex il-Mulej ikun magħkom, jimlikom bil-qawwa, bis-saħħa, bil-barka tiegħu u b’ħafna ferħ fl-imħabba.

     Charles J. Scicluna
        Arċisqof ta’ Malta 

  • Ritratti: Uffiċċju Komunikazzjoni, Kurja