Matul ix‑xahar ta’ Diċembru, l‑Arċidjoċesi ta’ Malta xxandar il‑quddiesa kuljum fid‑9:30am fuq TVM, Knisja.mt u Newsbook Malta. Mit‑Tnejn sas‑Sibt tixxandar it‑talba tar‑rużarju fuq Knisja.mt, Newsbook Malta, u Facebook u YouTube tal‑Arċidjoċesi ta’ Malta. Kull nhar ta’ Ħadd, il‑quddiesa tixxandar fuq TVM, Knisja.mt u Newsbook Malta, l‑istazzjon tar‑radju RTK 103, u Facebook u YouTube tal‑Arċidjoċesi ta’ Malta.
L‑Arċisqof Charles Scicluna se jiċċelebra l‑quddies f’dawn il‑ġranet:
Il‑Ħadd 1 ta’ Diċembru, fid‑9:30am, fl-ewwel Ħadd tal-Avvent l‑Arċisqof jiċċelebra quddiesa mill-kappella Marija Omm il-Knisja f’Ta’ Mlit, il-Mosta, li tixxandar fuq TVM, Knisja.mt u Newsbook Malta. Fl-4:30pm jiċċelebra quddiesa li fiha jamministra s-sagrament tal-griżma tal-isqof lill-adolexxenti fil-Knisja Parrokkjali tas-Salvatur f’Ħal Lija.
It-Tnejn 2 ta’ Diċembru, l‑Arċisqof jiċċelebra quddiesa fl-Iskola Primarja ta’ Ħal Kirkop.
Il-Ħamis 5 ta’ Diċembru, fis‑6pm, l‑Arċisqof jiċċelebra quddiesa ta’ radd il-ħajr mal-gradwati ġodda tal-Akkademja IDEA fil-Konkatidral ta’ San Ġwann fil-Belt Valletta.
Il-Ġimgħa 6 ta’ Diċembru, fis‑6pm, l‑Arċisqof jiċċelebra quddiesa għat-tfal li huma membri tal-Kummissjoni Djoċesana Tfal (KDT) u l-ġenituri tagħhom.
Is-Sibt 7 ta’ Diċembru, fis‑6:30pm, l‑Arċisqof jiċċelebra quddiesa fil-Knisja Parrokkjali ta’ Santa Luċija fl-Imtarfa fl-okkażjoni tal-20 anniversarju mit-twaqqif tal-parroċċa.
Il‑Ħadd 8 ta’ Diċembru, fid‑9:30am, fit-tieni Ħadd tal-Avvent l‑Arċisqof jiċċelebra quddiesa mill-Konkatidral ta’ San Ġwann fil-Belt Valletta, li matulha jilqa’ seminarista bħala kandidat għas-saċerdozju. Din tixxandar fuq TVM, Knisja.mt, Newsbook Malta u RTK 103. Fis-6:30pm jiċċelebra quddiesa fil-Knisja Parrokkjali ta’ Marija Immakulata Omm il-Knisja f’Tal-Ibraġ fl-okkażjoni tal-25 anniversarju mit-twaqqif tal-parroċċa.
Il-Ġimgħa 13 ta’ Diċembru, fid-9am, l‑Arċisqof jiċċelebra pontifikal fil-50 anniversarju tar-Repubblika f’Malta fil‑Konkatidral ta’ San Ġwann fil‑Belt Valletta, li tixxandar fuq TVM, Knisja.mt u Newsbook Malta.
Il‑Ħadd 15 ta’ Diċembru, fid‑9:30am, fit-tielet Ħadd tal-Avvent l‑Arċisqof jiċċelebra quddiesa mill-Knisja Parrokkjali tal-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marijaf’Burmarrad, li tixxandar fuq TVM, Knisja.mt, Newsbook Malta u RTK 103. Fis-6pm, jiċċelebra quddiesa li tagħti bidu għall-ħidma pastorali ta’ Dun Sean Abela fil-Knisja Parrokkjali ta’ Santa Marija fl-Imġarr.
Il‑Ħadd 22 ta’ Diċembru, fid‑9:30am, fir-raba’ Ħadd tal-Avvent l‑Arċisqof jiċċelebra quddiesa mill-Knisja Parrokkjali ta’ San Bartilmew f’Ħal Għargħur, li tixxandar fuq TVM, Knisja.mt, Newsbook Malta u RTK 103.
It-Tlieta 24 ta’ Diċembru, fil-5:15pm, l‑Arċisqof imexxi l‑ewwel għasar tal‑Milied fil‑Konkatidral ta’ San Ġwann, u wara jiċċelebra l‑Quddiesa tal‑Vġili. Fil-11:15pm, imexxi l‑Uffiċċju tal‑Qari u ssir il‑prietka tat‑tifel fil‑Katidral ta’ San Pawl l‑Imdina. F’nofsillejl jiċċelebra quddiesa pontfikali fis‑Solennità tat‑Twelid ta’ Sidna Ġesù Kristu. Din iċ-ċelebrazzjoni se tixxandar mill-11:30pm fuq TVM, Knisja.mt, Newsbook Malta u RTK 103.
L-Erbgħa 25 ta’ Diċembru, fid‑9:30am, l‑Arċisqof jiċċelebra pontifikal fis‑Solennità tat‑Twelid ta’ Sidna Ġesù Kristu, fil‑Katidral ta’ San Pawl, l‑Imdina, li tixxandar fuq TVM, Knisja.mt, Newsbook Malta u RTK 103.
Il‑Ħadd 29 ta’ Diċembru, fid‑9:30am, l‑Arċisqof jiċċelebra quddiesa mill-Knisja Parrokkjali ta’ San Pawl fir-Rabat, li tixxandar fuq TVM, Knisja.mt, Newsbook Malta u RTK 103. Fil-5pm l-Arċisqof jibda s-Sena tal-Ġublew tat-Tama fil-Bażilika Minuri ta’ San Pawl fir-Rabat u jmexxi pellegrinaġġ wara l-kurċifiss sal-Katidral tal-Imdina, fejn jiċċelebra l-quddiesa tal-Familja Mqaddsa fil-ftuħ tal-Ġublew 2025 fl-Arċidjoċesi ta’ Malta. Din iċ-ċelebrazzjoni tixxandar fuq Knisja.mt u Newsbook Malta.
It-Tlieta 31 ta’ Diċembru, fis-5:45pm, l‑Arċisqof jiċċelebra quddiesa ta’ radd il‑ħajr lil Alla fi tmiem is‑sena, bil‑kant tat‑Te Deum, fil‑Konkatidral ta’ San Ġwann fil‑Belt Valletta.