Il-messaġġ tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Grazzi ħafna tal-istedina. Qed nieħu pjaċir ukoll li ltqajna ftit. Qaluli li tkun ħaġa sabiħa li nagħmlu d-dilka tal-morda. Id-dilka tal-morda hi talba biex il-Mulej jieħu ħsieb ir-ruħ u l-ġisem. Hi wkoll id-dilka għażiża li tagħti fejqan, b’mod speċjali fejqan spiritwali. Jekk ikun hemm xi ħadd li jieħu d-dilka tal-morda u l-Mulej isejjaħlu, is-Salvatur jiġi jħabbat fuq il-bieb, u jgħidlek: ‘għalaq iċ-ċens’, bid-dilka tal-morda, anke li jagħmillek is-saċerdot, jinħafru d-dnubiet. Jekk nieħdu d-dilka tal-morda, u ma jkunx għalaq iċ-ċens, biex niftiehmu, allura mbagħad id-dnubiet tagħna rridu nqerruhom. Imma jekk niġu fi stat li ma nistgħux inqerru, id-dilka tal-morda taħfer id-dnubiet. Għalhekk jista’ jagħmilha biss saċerdot jew isqof. Ma jistax jagħmilha djaknu d-dilka tal-morda, mhux għax ma jafx jagħmel salib, imma għax id-dilka tal-morda hi sagrament li jfejjaq ir-ruħ u jnaddaf ukoll mid-dnub. Hu sagrament tal-fejqan; hu sagrament tal-ħniena ta’ Alla.

Xi kultant immur l-isptar inżur il-morda. U aħna jkollna d-drawwa li jkollu miktub: ‘dan bil-griżma, Father’. Ovvjament, mhux bil-griżma tal-isqof; nifhmu li tkun il-griżma tal-morda. Illum ma għadniex ngħidulha l-griżma tal-morda imma d-dilka tal-morda. U mhux bilfors titlob id-dilka tal-morda meta tkun f’agonija serja. Id-dilka tal-morda hi sagrament ta’ fejqan; b’mod speċjali meta nkunu qegħdin nimmaturaw fiż-żmien. Tajjeb li jkollna ċans li nagħmlu din iċ-ċelebrazzjoni u nirċievu dan is-sagrament.

Importanti ħafna wkoll li, aħna u nirċievu s-sagrament, nitolbu l-maħfra ta’ dnubietna kollha, ta’ ħajjitna kollha; u nissuġġerilkom ukoll li nitolbu għal dawk li stedinniehom u ma setgħux jiġu; nitolbu għalihom ukoll. Il-Mulej jieħu ħsiebhom Hu.

Tajjeb ukoll li lil tal-familja, waqt li nkunu għadna f’sensina, navżawhom: ‘jekk nidħol l-isptar, itolbuhom li jkolli l-faraġ tal-qassis’. Għax illum trid titlob inti. Ma għadux jiġi s-saċerdot u jqarben lil kulħadd. Iqarben biss lil kull min avża. Meta tidħol l-isptar, mhux dejjem jiġri, imma inti għandek dritt titlob għas-servizz tas-saċerdot. Din tiddependi minna daż-żmien.

Id-dilka tal-morda hi sagrament li jfejjaq ir-ruħ u jnaddaf ukoll mid-dnub.

Id-dinja tbiddlet u l-awtoritajiet iridu jirrispettaw il-libertà ta’ kulħadd, inkluż tagħna u jagħtuna s-servizz. Għalhekk kemm nagħmlu din it-talba biex tqerr u titqarben. Ġeneralment is-saċerdot fl-isptar ikun jaf meta hemm xi ħadd li wasal fl-aħħar, għax javżaw liċ-Chaplain li hemm persuna li għandha bżonn is-sagrament jew it-talb tal-aħħar. Imma xorta trid tavża meta trid titqarben l-isptar.

L-istess fid-djar tal-anzjani. ’Il quddiem tgħid: ‘issa ħa mmur f’dik ir-residenza’ jew jibagħtuk it-tfal. Tajjeb li tgħid lil min jieħu ħsieb: ‘jien nieħu pjaċir li meta jkun hemm it-tqarbin, nitqarben; meta jkun hemm il-qrar, inqerr; u meta jkun hemm il-quddiesa, nieħu sehem.’ Turi li għandek interess fis-sagramenti.

Ħaġa oħra. Ħafna drabi tkun id-dar u ma tistax toħroġ. Min ma jistax joħroġ, m’għandux iħossu obbligat li bilfors irid joħroġ għall-quddies. Ibża’ għal saħħtek. Għidilhom biex jgħinuk fit-televiżjoni; hawn ħafna offerti ta’ quddies. Hawn min jgħidli: ‘Father, jiena nibda mis-7am nsegwi l-quddies u r-rużarju minn stazzjon għall-ieħor. Hawn ħafna. Min ma jridx ma jsibux l-istazzjon.

Inti għandek l-għażla; kulħadd jagħżel il-ħin li hu addattat għalih. U tajjeb li ssegwu l-quddiesa u tagħmlu t-tqarbina tax-xewqa. It-tqarbina tax-xewqa, meta inti ma tistax tagħmel mod ieħor, tagħtik l-istess grazzji tat-tqarbina bis-sagrament. Imma ovvjament, min jista’ jmur il-quddiesa, anke joħroġ naqra għall-arja. Għandna knisja tant sabiħa r-raħal ukoll, ingawduha, issa li ġej il-Qalb ta’ Ġesù. Kemm tkun sabiħa l-knisja tagħna fil-Qalb ta’ Ġesù! M’hawnx isbaħ minnha. Tgħid: ħalli mmur dik il-ġenna tal-art li għandna. Imma jekk ma tistax, hemm dik it-tqarbina tax-xewqa.

Inħeġġu b’mod speċjali lill-familji u ż-żgħażagħ. Issa tgħiduli: ‘Ma jridux jafu!’ Ma ġara xejn. Kompli itlob għalihom. Mhux teħdilhom rashom. Teħdulhomx rashom għax jiġi agħar. Aħjar bl-eżempju. X’inhu r-rispett? L-eżempju. Liż-żgħażagħ, taf x’ngħidilhom? Ir-rispett issa, mhux wara li tmut ommok tmur tibki fuq il-qabar. Issa l-ħin tar-rispett. Imma għalhekk nitolbu lil Alla wkoll li jagħtina d-dawl qabel ma jkun tard wisq.

Aħna qegħdin bejn żewġ dati importanti: Jum l-Omm u daqt Jum il-Missier. Tgħidli: ‘Ommi u missieri qegħdin il-ġenna’. Itlob għalihom. Ħu ħsiebhom. Inutli l-bukketti tal-fjuri fuq il-qabar. Jiena, f’Jum il-Missier, inpoġġi bukkett tal-fjuri fuq il-qabar ta’ missieri. Imma ngħid: ‘issa dawn wara tlett ijiem se jsiru tiben’. X’se jibqa’? Inti tkun għamilt att. Kważi iżjed għalina nagħmluha. Għax lil missieri, għamiltlu l-fjuri u ma għamilthomlux, qed igawdi s-Salvatur, u jibqa’. Imma l-quddiesa ma fihiex prezz. Il-quddiesa għandha qawwa kbira. Dak hu l-aqwa rigal li nistgħu nagħtu lil ommna u lil missierna jekk huma quddiem Alla. Għax l-effett tal-quddiesa, aħna m’aħniex kapaċi nifhmuh. Inħalluh f’idejn Alla, f’idejn is-Salvatur. Imma l-quddiesa hi l-aqwa talba li tista’ toffri għal dak li jkun.

Il-quddiesa hi l-aqwa talba li tista’ toffri għal dak li jkun.

Nagħtikom parir għax intom għandkom iż-żgħażagħ. Din għallmuha lin-neputijiet. Jien nieħu pjaċir f’għeluq snini nirċievi kartolina, imma tgħallimt, u l-Mulej tani d-dawl li nagħmilha qabel ma miet missieri, li f’għeluq snini nixtrilhom thank you card, għax ġabuni fid-dinja. Għeluq snini hu qrib ħafna Jum l-Omm għax fil-15 ta’ Mejju, allura ommi taqla’ bukkett doppju. Min jaf kemm inkwetajtha! Jiġifieri naħseb għandi għal xiex inpatti. Imma din ħaġa sabiħa, li meta niftakru fit-twelid tagħna, niftakru wkoll f’min ġabna fid-dinja. Din, jekk it-tfal tagħkom insewha, għallmuha lin-neputijiet, ħalli jagħmluha mal-ġenituri tagħhom; forsi mbagħad jiftakru fikom – imma dak trick bejnietna. Għax dak li tgħallmek in-nanna jew in-nannu, jibqa’.

Il-Papa Franġisku jħobb jgħid liż-żgħażagħ: “Agħmluha mal-anzjani, ħalli titgħallmu l-għerf tal-ħajja”. Intom, meta ż-żgħażagħ jiltaqgħu magħkom, agħtuhom il-ħin, irrakkuntaw tal-antik, għaliex ir-rakkont tal-antik fih ħafna għerf. Dak li jkun jgħid kelma ta’ ġid, u din tibqa’. Għax kelma daqs sinna timla dinja, kemm għall-ġid u kemm għad-deni. Aħna nagħmlu ħilitna għall-ġid.

Ir-rit tad-dilka tal-morda hu sempliċi ħafna. Nagħmlu talba u ngħid talba wkoll fuqkom. Imbagħad jekk ma jimpurtax, kull persuna tiġi ħalli nżommu l-ġabra waqt is-sagrament u bl-għajnuna tal-kappillan – nirringrazzjah tal-preżenza tiegħu u tal-istedina tiegħu – waqt li s-saċerdot qed jagħmillek id-dilka tal-morda, għidlu: ‘Ġesù fejjaqni’ fir-ruħ, fil-ġisem, fil-moħħ, f’kollox: ‘Ġesù fejjaqni’. Għax is-Sagrament tad-Dilka tal-morda hu sagrament tal-fejqan. 

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta