L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Ħafna drabi smajt lil xi ħbieb jgħiduli: ‘Aħna l-Katttoliċi meta nidħlu fil-Knisja dejjem nagħżlu l-bankijiet ta’ wara’, dawk li dejjem l-ewwel jimtlew. Ma nafx għaliex u jekk din il-ħaġa hix ispirata mill-kelma ta’ Ġesù llum li jgħidlek biex meta tkun mistieden tagħżilx il-post ta’ quddiem, iżda agħżel dak ta’ wara ħalli mbagħad min jistiednek jgħidlek biex tersaq ’il quddiem (ara Lq 14:8-10). U min jaf kemm-il darba s-saċerdoti jgħidulna biex nersqu ’l quddiem u ma noqgħodux toqgħodux wara.

Ġesù qed jitkellem ma’ nies li ħafna drabi kienu jiltaqgħu biex jiddiskutu suġġetti ta’ għerf kbir. Huwa kien mistieden minn wieħed mill-kapijiet tal-Fariżej. Il-Fariżej kienu dawk li huma esperti fil-Liġi t’Alla; kienu dawk li jgħallmu lil ħaddieħor kif għandek tgħix il-Liġi ta’ Alla. Meta kienu jiltaqgħu bejniethom l-ikla kienet tkun ukoll diskussjoni ta’ ċertu livell.

Ġesù huwa mistieden bħala rabbi, bħala għalliem, biex jagħti l-kontribut tiegħu. Imma l-kontribut tiegħu qisu bħal żunżana li tidħollok fid-dar u trid tiftħilha l-bieb jew it-twieqi biex kemm jista’ jkun toħroġ malajr. Dan għaliex il-kelma tiegħu hija kelma li toqrosna fil-laħam il-ħaj. It-tendenza tagħna l-bnedmin hija li nkunu nixtiequ r-rikonoxximent ta’ min aħna, nixtiequ li dak li jkun jagħraf min aħna. Irridu nammettu li meta jistednuk ma tiddejjaqx li jagħtuk post ta’ ċerta importanza.

Il-Mulej qed jgħallimna xi ħaġa iebsa: li kemm jista’ jkun nitnaddfu u nissaffew minn kull tip ta’ pretensjoni. Inti poġġewk f’dak il-post trankwill, seren, il-mument tiegħek jasal ukoll. Min jaf kemm fil-ħajja naħlu enerġija spiritwali, psikoloġika nitbaqbqu u ninkwetaw għax ma stmawniex biżżejjed. Fid-dawl tal-aħħar kelma tal-Mulej: “Ejja, qaddej fidil, idħol fil-hena ta’ sidek”, dak it-tbaqqbiq kollu jsir suf.

Il-Mulej qed jgħallimna wkoll l-għerf li smajna silta minnu mill-ktieb ta’ Bin Sirak li meta wieħed ikun ġwejjed fix-xogħol tiegħu jkun aktar minn wieħed milqugħ min-nies; aktar m’għandek iċċekken ruħek u ssib grazzja quddiem il-Mulej (ara Sir 3:17-18). Din hija xi ħaġa li rridu nitgħallmuha għax ma nitweldux nafuh. Nistgħu nieħdu l-eżempju ta’ tarbija, li l-uniku preokkupazzjoni tagħha hu li tibki meta jkollha l-ġuħ u l-uġigħ.

Bil-mod il-mod irridu nitgħallmu naħsbu f’ħaddieħor; bil-mod il-mod irridu nitgħallmu li forsi hemm ħaddieħor li jistoqqlu rikkonoxximent iżjed minna. Imbagħad, wara kollox, dan l-imbierek rikonoxximent se jżid u jnaqqaslek tassew xi ħaġa? Il-valur tiegħek jiddependi minn dak li jaħsbu fuqek in-nies jew minn kif jittrattawk in-nies? Jiena naħseb inkunu boloh, l-aħwa, jekk ninkeddu wisq fuq kif jaħsbu n-nies dwarna, x’jgħidu fuqna jew x’jaħsbu fuqna.

Inti trid tkun konxju tad-dinjità tiegħek u tal-valur tiegħek quddiem Alla, li huwa x-xhud li jagħraf l-qalb. Ikun naqas dak li għamillek xi disprezz jew ikun għoddsok. Dan imma m’għandux inaqqaslek mill-valur tiegħek innifsek għax id-dinjità tiegħek ma tiddependix mill-għajdut tan-nies u minn dak li jgħidu fuq il-medja soċjali dwarek, imma tiddependi minn kif int quddiem Alla.

It-tieni lezzjoni li  jgħallimna Ġesù hija dik li hemm bżonn nimmaturaw b’tali mod li meta nagħmlu att ta’ karità, ta’ mħabba u ta’ altruwiżmu qatt ma nagħmlu l-kontijiet la fil-qalb tagħna, la f’moħħna, u wisq inqas mal-proxxmu. Jekk kellek il-pjaċir tagħmel att ta’ karità, forsi dak li jkun mhux bilfors ipattihulek. Jekk kultant ipattihulek bil-maqlub, x’se tagħmel? Titlef il-għerf u r-raġuni? ll-Mulej jgħidlek: “Inti stieden mingħajr ma tistenna xejn u dak li jiġi merħba bih” (ara Lq 14:13).

Inqas ma tipprettendi l-grazzi u r-rikonoxximent, iżjed jagħtik ferħ għaliex ikollok l-esperjenza ta’ xi ħadd li rċieva rigal mingħajr ma stennieh u ma ppretendih. Mhux tajjeb li nqatta’ ħajti bil-calculator f’idejja u noqgħod nikkalkula li jekk it-talija tatni tant fil-preċett tat-tifla jew fit-tieġ tat-tifel, allura ma ħaqqhiex nagħtiha iżjed.

Jien kont niskanta nisma’ diskors u memorja assoluta tar-rigali ta’ kulħadd x’ta lil xi ħadd biex imbagħad tispiċċa tirċievi xi rigal li tkun tajtu inti stess. Dik kienet tkun ukoll sorpriża eċċellenti. Jiġifieri dak li tagħti mbagħad jerġa’ jiġi lura bħal boomerang. Imma dik hija l-kultura antikissima tagħna. Irridu nammettu li dawn kienu joħolqulna, ma nafx jekk għadhomx, imma kumplikazzjonijiet kbar. Dan il-kejl ta’ bejnietna! Il-Mulej jilliberana minn dan.

Dan xi jffisser? Li ma nirrikkonoxxux lil xulxin? Ifisser li ma ngħidux grazzi lil xulxin? Le, imma l-Mulej qed jgħallimna t-triq tal-paċi. Kemm hi iebsa t-triq tal-paċi li jgħallimna l-Mulej. Kemm hemm bżonn nitgħallmuha bid-diffiċli. Mhix triq faċli imma t-triq tal-paċi hija dik it-triq tal-libertà, it-triq li tgħid: ‘jiena m’iniex dak li jgħidu fuqi, imma jien li jien quddiem Alla’. Dak hu importanti għax hu jara l-qalb tal-bniedem. Jiena dak li se nagħmel mhux se nagħmlu għall-grazzi imma għax nemmen li hu sewwa u x-xhud tiegħi huwa Alla u hekk ikollna l-paċi tassew.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Sir 3:17-20, 28-29
Salm: 67(68):4-5aċ, 6-7ab, 10-11
Qari II: Lhud 12:18-19,22-24a
L-Evanġelju: Lq 14:1,7-14

Aktar ritratti >>