Nhar il-Ħamis, 16 ta’ Diċembru, 2010, l-Arċisqof Pawlu Cremona O.P. iċċelebra Quddiesa għall-istudenti tal-iskejjel bħala parti mill-attivitajiet ‘Milied Flimkien’, fil-Konkattidral ta’ San Ġwann.

Messaġġ tal-Arċisqof lill-istudenti:

Għeżież Tfal,

Jiddispjaċini li din is-sena ma nistax inkun magħkom biex nagħmlu laqgħa madwar Ġesu’,  fl-Ewkaristija, parti mill-Kampanja ‘Milied Flimkien’. Dan għaliex jiena ma niflaħx: għandi d-deni. Ma tafx kontux tafu li anki aħna l-Isqfijiet nistgħu nimirdu!

Għall-ewwel kont iddiżappuntat ħafna iżda mbagħad għidt f’qalbi: “Mela din is-sena se nkun aktar qrib ta’ dawk it-tfal li f’dawn il-ġranet jinstabu ma jistgħux joħorġu għaliex ma jifilħux ukoll”. Jien nixtieq kieku inwasslilhom dan il-messaġġ lilhom ukoll. Min jaf kieku din is-sena b’xi mod qabel ma mmorru għall-vaganzi, kull klassi tara min ma jkunx jiflaħ, u jwasslulu l-awguri tal-Klassi kollha!

Tfal, jiena tgħallimt xi ħaġa żmien ilu u nixtieq li intom ukoll titgħallmuha. Anki l-affarijiet li ma jogħgbuniex nista’ nużahom biex joħroġ xi ħaġa sabiħa minnhom. Jiena nitgħallem ħafna meta niltaqa’ ma’ nies li allavolja ikunu morda, dawru din f’għajnuna lill-oħrajn. Billi ngħid biss: “Uff, xi dwejjaq” ma nbiddlu xejn. Meta ngħid “Ħa nara x’nista’ nagħmel biex noħroġ il-ġid minn dan kollu”. U hemm jista’ joħroġ ħafna ġid.

Naħseb li meta nagħmlu dan inkunu qed nagħmlu bħal Ġesu’. Meta ħares lejn il-bnedmin, u rana b’ħafna problemi qal: ‘Jien se mmur f’nofshom biex ngħinhom’. Ġesu’ dawwar il-problemi tagħna f’att ta’ mħabba lejna, u aħna gawdejna minnu. Dan ifisser it-Twelid ta’ Ġesu’ Bambin fostna”.

U jiena illum nixtieq nirringrazzjakom għaliex intom qegħdin tkomplu dan l-ispirtu ta’ Ġesu’, permezz ta’ ‘Milied Flimkien’. M’għidtux biss: “Kemm hawn nies li huma fqar!”. Iżda meta smajtu bil-faqar, għidtu: “Jiena ukoll irrid ngħin”. Biddiltu t-tbatija tal-faqar tan-nies f’ġenerosita’ min-naħa tagħkom.

Jiena nixtieq nirringrazzjakom f’isem Ġesu’ talli qegħdin tgħixu dan l-ispirtu ta’ Ġesu’ fil-Milied u nibgħat fuqkom, fuq il-familji tagħkom u fuq l-għalliema tagħkom, il-Barka tiegħi.