Missio Malta iċċelebrat il-Jum Dinji għad-Diversità flimkien ma’ tfal mill-iskola primarja tal-Mellieħa nhar it-Tnejn 15 ta’ Mejju. L-attività saret sabiex timmarka l-Jum Dinji għad-Diversità tal-Kulturi, Djalogu u Żvilupp organizzat mill-UNESCO, bil-għan li jiġu apprezzati l-kulturi differenti, filwaqt li tippromwovi l-paċi permezz tad-djalogu.

“Bħal f’qawsalla, magħmula minn ħafna kuluri sbieħ, aħna nħobbu naraw is-soċjetà tagħna bil-kuluri kollha tagħha, bħala l-elementi li jagħmluna speċjali u iktar b’saħħitna flimkien. Id-differenzi tagħna, jagħmluna iktar interessanti. L-apprezzament tad-diversità, naturalment huwa fiċ-ċentru ta’ dak kollu li tagħmel Missio Malta, hekk kif tirsisti sabiex iġġib id-differenza għall-aħjar fil-ħajjiet ta’ eluf ta’ persuni f’pajjiżi li qed jiżviluppaw. Proprju għalhekk inħossu li d-diversità hija valur li għandu jiġi ċċelebrat lokalment ukoll, sabiex nibnu komunitajiet iktar b’saħħithom,” qal Robert Farrugia, il-Kap tal-Komunikazzjoni u Ġbir ta’ Fondi ta’ Missio Malta.  

Nancy Camilleri li hija responsabbli minn ħidma ta’ informazzjoni mal-iskejjel ta’ Malta u Għawdex f’isem Missio, spjegat il-valuri tal-attività. “Il-pont li noħolqu bejn il-kulturi permezz ta’ attivitajiet bħal dawn, iwassal għal iktar għarfien u paċi. Iwassal għal ħajja morali u spiritwali iktar matura. Wara kollox, Missio dejjem taħdem sabiex toħloq relazzjonijiet b’saħħithom, permezz ta’ tagħlim. Din hija opportunità sabiex ngħinu lit-tfal tagħna, jiftħu qalbhom u moħħhom għal xulxin u jiċċelebraw flimkien,” qalet Camilleri.

L-Assitent Kap tal-iskola primarja tal-Mellieħa Rosemarie Mifsud spjegat kif tali attivitajiet jgħinu lill-iskola multi-etnika tkisser il-barrieri tal-preġudizzju. “Fl-iskola tagħna għandna l-grazzja li għandna studenti ta’ xejn inqas minn 38 nazzjonalità differenti – qawsalla ta’ kuluri u ġmiel. Permezz tal-attività li organizzajna flimkien ma’ Missio Malta, kellna l-opportunità li nesploraw il-kulturi differenti ta’ xulxin, filwaqt li rbaħna kull barriera ta’ preġudizzju jew nuqqas ta’ għarfien. Dawn l-attivitajiet huma essenzjali sabiex inkomplu nibnu pontijiet bejnietna, għal soċjetà iktar b’saħħitha,” qalet Mifsud. 

L-attività ħeġġet lill-istudenti jieħdu sehem f’serje ta’ inizzjattivi li jiċċelebraw id-diversità fil-kulturi permezz tal-arti, il-lingwi, it-tisjir u l-bnadar.