“Jalla din il-liġi ġdida tkun qawmien ta’ kuxjentizzazzjoni u impenn nazzjonali u ekkleżjali favur it-tisħiħ tal-familja u ż-żwieġ!” Hekk awgura l-Professur Rev Emmanuel Agius, Dekan tal-Fakultà tat-Teoloġija f’kumment li ta lbieraħ lil IL-ĠENSillum online.
Illum qed tinkiteb paġna ġdida fl-istorja ta’ pajjiżna, meta Malta tingħaqad mal-kumplament tad-dinja bid-dħul tal-liġi dwar id-divorzju. Dan wara li s-Sibt, 28 ta’ Mejju li għadda, il-poplu Malti vvota waqt referendum biex Malta tintroduċi liġi li tippermetti d-divorzju.
Ftit jiem wara, eżattament l-Erbgħa, 1 ta’ Ġunju, il-Parlament Malti approva mill-Ewwel Qari l-Abbozz ta’ Liġi dwar id-Divorzju f’Malta. L-Abbozz ta’ Liġi kien ippreżentat bħala Mozzjoni Privata mid-Deputat Nazzjonalista Dr Jeffrey Pullicino Orlando u kien sekondat mid-Deputat Laburista Evarist Bartolo.
L-Abbozz kien diskuss f’diversi stadji biex imbagħad it-Tnejn, 25 ta’ Lulju, il-Parlament Malti approva mill-istadju ta’ Kumitat u mit-Tielet Qari l-Abbozz ta’ Liġi dwar id-Divorzju bi 52 vot favur, ħdax kontra u ħames astensjonijiet. Id-Deputat Laburista Dr Adrian Vassallo dakinhar li ttieħed il-vot ma attendiex għas-seduta kollha u ma vvutax.
Agħfas hawn biex tkompli taqra dan l-artiklu mis-sit www.il-gensillum.com