L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Xmun Pietru jiddeċiedi li jirritorna għal dak li kien jaf jagħmel tant tajjeb għall-ħajja tiegħu qabel iltaqa’ ma’ Ġesù. Lil sħabu qalilhom: “Sejjer nistad” (Ġw 21:3). Huma ddeċidew li jmorru miegħu. Ma nafx jekk nesiex li l-Mulej fl-istess xatt ta’ Tiberijade darba kien qallu: “Mil-lum ’il quddiem inti tibda taqbad tistad għan-nies”. Din id-darba kien interessat jaqbad il-ħut.

Jolqotna l-elenku, il-lista li Ġwanni fl-Evanġelju tiegħu, jagħtina ta’ dawn id-dixxipli. Xmun Pietru kif ukoll ulied Żebedew, Ġwanni u Ġakbu, nafuhom bħala sajjieda minn Betsajda li kienu fost dawk li l-Mulej sejjaħ minn tal-ewwel. Lil Tumas nafuh ukoll bħala dak li ried jara l-pjagi ta’ Ġesù biex jemmen imma meta ra emmen, u l-Mulej jgħidlu: “Inti emmint għax rajt, henjin dawk li ma rawx u emmnu” (Ġw 20:29). U Natanjel minn Kana tal-Galilija, mill-belt qaddisa fejn il-Mulej għamel l-ewwel sinjal waqt it-tieġ, nafu li l-Mulej mhux biss kien japprezzah imma jistmah. “M’hemm l-ebda għelt, m’hemm l-ebda ħażen u qerq f’dan il-wild ta’ Iżrael” (ara Ġw 1:47) jgħid dwaru.

Imma jekk naraw dan l-elenku ta’ dixxipli tal-Mulej u tnejn oħra li ma nafux min kienu, nifhmu wkoll li wieħed minnhom biss kien ħdejn is-salib ta’ Ġesù: wieħed minn ulied Żebedew, Ġwanni. L-oħrajn fil-Ġimgħa l-Kbira, min ċaħdu, u min ħarab. Ġwanni kien fejn omm Ġesù, ħdejn dak li kien iħobb tassew għax id-dixxiplu li l-Mulej kien iħobb, għaraf ipatti mħabba bi mħabba.

L-għażla ta’ Pietru tispiċċa falliment. Kienu sajjieda esperti almenu żgur tlieta minnhom, imma dakinhar u dak il-lejl ma qabdu xejn. U Ġesù jidħol fost dan il-falliment tagħhom. Huma li kienu jafu x’jiġifieri tistad u jrid ikollok ħafna paċenzja, irritornaw ix-xatt mingħajr ħuta waħda. Imma l-Mulej la jieħu għalih u lanqas jabbandunahom. Ġesù kien qiegħed ix-xatt. Id-dixxipli forsi mifxulin, forsi distratti bħalma nkunu ħafna drabi aħna, lil Ġesù ma jagħrfuhx. Hi xi ħaġa li tolqotna l-esperjenza li d-dixxipli jkollhom mal-Irxoxt. Il-Mulej hu l-istess wieħed imma fl-istess ħin mhuwiex għax issa hu rxoxt, igglorifikat. 

“Għandkom x’tieklu, ħbieb?” (Ġw 21:5). Kemm hi sabiħa din il-kelma li għalkemm aħna ħafna drabi medhijin bil-programmi u l-proġetti tagħna tad-dinja, nitbiegħdu mis-sejħa ta’ Ġesù u xorta jibqa’ jsejħilna ‘ħbieb’. “Le”, ir-risposta tagħhom kienet onesta u ċara, ma kellhom xejn x’jagħtuh u anqas kellhom x’jieklu. Hu jindikalhom kif jistgħu jsibu qabda kbira.

Din is-sajda straordinarja tiftaħ għajnejn id-dixxiplu li tmexxih l-imħabba. Id-dixxiplu li kien  iħobb Ġesù, qal lil Pietru: “Il-Mulej dan!” (Ġw 21:7). Innutaw din is-silta sabiħa tal-Evanġelju ta’ San Ġwann kemm-il darba se nisimgħu referenzi għal-lingwaġġ tal-imħabba: ħbieb, id-dixxiplu li l-Mulej kien iħobb, ‘il-Mulej dan’. Hi l-qalb li l-ewwel li tagħraf ’il Mulej fiċ-ċirkustanzi tal-ħajja. Jekk inti tiltaqa’ mal-Mulej, u trid tiltaqa’ mal-Mulej irxoxt, mhux moħħok tiftaħ imma l-ewwel iftaħ il-bibien u t-twieqi ta’ qalbek.   

Xmun, kif jinduna li qiegħed fil-preżenza tal-Mulej Ġesù, jirrealizza bin-nuqqas ta’ dinjità tiegħu. Ġralu hekk diversi drabi, donnu hi l-istorja ta’ Pietru li quddiem Ġesù jirrealiza kemm hu midneb, kemm hu limitat, kemm hu għeri. “Xmun Pietru kif sema’ li kien il-Mulej, xeħet fuqu l-libsa ta’ fuq għax kien għoddu għeri u ntefa’ l-baħar”. Aħna s-soltu meta nintefgħu l-baħar, ninżgħu mhux nilbsu. “Id-dixxipli l-oħra li ma kinux imbegħdin wisq mill-art, imma xi mitejn driegħ biss, resqu bid-dgħajsa jkaxkru warajhom ix-xibka bil-ħut” (Ġw 21:7-8).

Imma fix-xatt il-Mulej kien diġà ppreparalhom xi ħaġa x’jieklu. “Għandkom x’tieklu, ħbieb?” (Ġw 21:5). Ir-risposta hi “le” imma hu jipprovdi. “Kif niżlu l-art raw li kien hemm xi faħam jaqbad b’xi ħut fuqu u xi ftit ħobż” (Ġw 21:9). Il-Mulej jieħu pjaċir li huma wkoll inewlu ftit mis-sajda tagħhom. “Newlu ’l hawn xi ħutiet minn dawk li għadkom kemm qbadtu” (Ġw 21:10). Xmun Pietru hu impressjonat mis-sajda li għamel fuq il-kelma u l-kmand tal-Mulej. L-istudjużi jgħidulna li n-numru ta’ 153 ħuta kbira jiġbor fih l-ispeċi kollha ta’ ħut magħrufa meta nkiteb l-Evanġelju, jirrappreżentaw l-universalità dak kollu li stajt tabqad fil-ħut jitkaxkar lejn il-Mulej Ġesù għax Xmun Pietru hu dak li jiġbed u jwassal lejn Ġesù l-Knisja kollha, lil kull wieħed u waħda minna.  

L-istedina ta’ Ġesù hi ta’ missier u ta’ ħabib: “Ejjew, kulu. U ħadd mid-dixxipli ma ssogra jistaqsih ‘int min int’ għax kienu jafu li kien il-Mulej” (Ġw 21:12). Min jaf kemm ħafna drabi nisimgħu kelma ta’ ġid li ħarġet minn fomm ta’ bniedem bħalna, ta’ persuna li ltqajna magħha imqar f’ħanut tal-merċa jew mat-triq. Imma qalbek tifhem li dik il-kelma hi għalik, li l-Mulej qed jinqeda bi bniedem, bi bniedma bħalek biex jgħidlek kelma ta’ kuraġġ, kelma ta’ twissija, kelma li tiftaħlek għajnejk. U mingħajr ma tistaqsi, qalbek tgħidlek: dak il-Mulej qed ikellmek għax inti tifhem li l-kelma tal-imħabba inti tismagħha, il-kelma tal-ħabib u qalbek tgħidlek: għandu raġun, din hi l-kelma tal-imħabba. 

X’jitlob Ġesù minn dawk li għażel biex ikunu ragħajja tal-poplu tiegħu? La jagħżel ħafna ċertifikati, la jagħżel il-ħajja bla tebgħa – dak hu privileġġ ta’ ommu l-għażiża – imma jitlob l-imħabba. “Xmun bin Ġwanni, tħobbni int aktar minn dawn? U Pietru li tgħallem ma jafdax wisq fuqu nnifsu: “Iva, int taf li nħobbok”. U peress li hemm din il-konferma tal-imħabba li tfisser ukoll il-bżonn ta’ Ġesù, il-Mulej jgħidlu: “Irgħa l-ħrief tiegħi” (Ġw 21:15).

Ejjew nifhmuha din. Lilna l-Mulej jafdana bil-merħla. Il-Mulej ma jagħmilniex sidien tal-merħla imma qaddejja tal-merħla. Il-Mulej jafdalna l-poplu tiegħu u jgħidilna: irgħa, mantni, ħobb il-poplu tiegħi – mhux tiegħek. Ma tistax tagħmel bih li trid, trid tkun qaddej u tirgħa u tħobb f’ismu. Bħalma jgħallimna l-kbir Santu Wistin: li tirgħa l-merħla hi li tħobbha, li tagħti ħajtek għalih. Tħobbni? Irgħa l-ħrief u n-nagħaġ tiegħi.   

Aħna u nirringrazzjaw lil Alla tas-saċerdozju ta’ Dun Viċenz, kif nafuh għax it-titli ma noqogħdux insemmuhom mhux hekk Mons.? Aħna nafuk bħala Dun Viċenz. Bħal Dun Ġorġ Preca sar qaddis u xorta għadna ngħidulu Dun Ġorġ.

Irridu nirringrazzjaw lil Alla għax fik kull wieħed u waħda minna sibna dejjem il-lingwaġġ u l-kelma u l-ħarsa tal-imħabba. U ta’ dan ngħidu grazzi ħafna lill-Mulej u l-imħabba li rċevejna, il-viċinanza, it-tenerezza u l-kompassjoni tal-kelma tiegħek fuq l-artal meta tipprietka, meta tmexxi din il-parroċċa, meta ħdimt għal tant snin fis-seminarju u anke fl-iskiet tad-direzzjoni spiritwali tal-konfessjonarju, hi espressjoni tal-imħabba li l-Mulej poġġa f’qalbek, dik l-imħabba li bih inti rrispondejt għall-grazzji li biha żejnek.

Min ifittex monument tiegħek, għażiż Dun Viċenz, biżżejjed iħares lejn dan it-tempju. Jien mill-ġenerazzjoni li trabbejna fil-kripta u fraħna miegħek meta dan it-tempju ġie kkkonsagrat fl-1985 mill-mibki Mons. Ġużeppi Mercieca. Bħala djakni konna jiena u Fr Evan li qiegħed hawn, għamilna djakni mal-Arċisqof, hu u jikkonsagra dan it-tempju għażiż. U niftakar il-ferħ tal-Qriema meta inti wara li poġġa s-slaleb tal-konsagrazzjoni, Mons. Arċisqof staqsiek ukoll tpoġġi s-salib tal-konsagrazzjoni. U l-ferħ ta’ kull wieħed u waħda minna li dak il-ħin rajna l-Arċisqof jirrikonoxxi kemm għamilt għalina u magħna. Dak kien sinjal prattiku u konkret imma jekk xi darba dan il-ġebel tkellem kien dakinhar biex jgħidlek ‘grazzi’ u inti iżjed minn kull wieħed u waħda minna taf għax dan it-tempju kellek terġa’ tibda tibnih sa mill-pedamenti bil-pilastri tal-kripta biex hawnhekk ma jaqax fuqna imma jibqa’ ħaj.

X’se ngħidu lill-Mulej illum? Bħalma għedt inti, il-maħfra itolbu inti għax hu jafek u inti taf kemm għandek bżonnu. Sinjur Alla, jiena għandi bżonnok. Din hi t-talba ta’ kull saċerdot, ta’ kull Nisrani imma aħna li aħna xhieda tal-imħabba tiegħek, illum il-Mulej nirringrazzjawh miegħek u għalik u jalla dak li l-Mulej għamel permezz tiegħek ma’ tant familji, ma tant individwi, ma’ tant seminaristi, saċerdoti, patrijiet kbar u żgħar, jalla l-ġid li għamilt ikompli jikber u jitkattar. Wara kollox il-Mulej, anke lilek Dun Viċenz, dan il-perjodu ta’ ħajtek ikompli jgħidlek: “Ejja warajja”. Wasalt forsi fl-istadju bħalma qal lil Xmun Pietru, qallu: “Tassew, tassew ngħidlek meta kont żagħżugħ kont titħażżem waħdek u tmur fejn trid”. Ma tantx tmur fejn trid għax jiena niftakrek tgħid li meta l-Arċisqof Gonzi bagħtek Ħal Qormi, San Bastjan, qatt ma kont ġejt hawnhekk, imbagħad sirt taf fejn qegħdin għax bqajt magħna. Ta’ dan nirringrazzjaw lil Alla. Imma l-Mulej lil Xmun jgħidlu: “Meta tixjieħ, inti tiftaħ idejk u ħaddieħor iħażżmek u jiħduk fejn ma tkunx trid” (Ġw 21:18).    

Min jaf il-Mulej għal xiex qiegħed isejjaħlek? Ma nafux imma li nitolbu hu li tibqa’ tinterċedi għall-Knisja, tibqa’ tkun xhieda tal-imħabba li Alla jpoġġi fil-misteru tal-għażla tiegħu u fl-imħabba li jpoġġi fil-qalb tagħna biex ngħidulu ‘iva’. Aħna lkoll midinbin, aħna lkoll għandna bżonn kontinwament nitolbuh maħfra ’l Alla. Imma Alla ma ġiex isejjaħ lil min hu ġust imma lilna l-midinbin għall-indiema u fl-għażla tiegħu jħenn għalina. ‘Eligendo atque Miserando’ kif jgħid il-Venerabbli Beda meta jimmedita s-sejħa ta’ Mattew, ta’ Levi waqt li sejjaħlu, ħenn għalih. U din hi xi ħaġa li l-Mulej iseddaq u jwettaq kull darba li jgħidilna bħalma qed jgħid lilek, għażiż Dun Viċenz – “Ejja warajja”. Waqt li qed jgħidlek hekk, qed iħenn għalik, u aħna miegħek nitolbu biex il-Mulej ikompli jwettqek fil-fedeltà, ikompli jagħnik bil-għerf u l-ħniena u nirringrazzjaw lil Alla talli fik sibna ikona sabiħa tal-Qalb ta’ Ġesù kollha mimlija viċinanza, tenerezza, kompassjoni, kliem ta’ għerf u kliem ta’ mħabba.

Ad multos annos.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Atti 5:27b-32,40b-41
Salm: 29(30):2,4,5,6,11,12a,13b
Qari II: Apok 5:11-14
L-Evanġelju: Ġw 21:1-19

Aktar ritratti >>