L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Tista’ toħroġ xi ħaġa tajba minn Nażaret?” (Ġw 1:46) Din hija l-mistoqsija li għamel Natanael meta Filippu mar isibu, ikellmu, u jgħidlu: “Sibna lil dak li kitbu fuqu Mosè fil-liġi, u l-profeti fil-kotba tagħhom: Ġesù minn Nażaret” (Ġw 1:45). Kienet reazzjoni immedjata dik ta’ Natanael, li staqsa tistax toħroġ xi ħaġa tajba minn Nażaret.

Ħa nħarsu ftit lejn dawn it-tlieta min-nies li naraw illum fl-Evanġelju – Ġesù, Filippu u Natanael – u naraw dak li nitgħallmu minnhom għall-ħajja tagħna. 

L-ewwel nett, Ġesù hu dak li dejjem jieħu l-inizjattiva. Fl-Evanġelju, naraw li kien hu li sejjaħ lil Filippu. Sabu u qallu: “Ejja warajja!” (Ġw 1:43) U kien hu wkoll li meta ra lil Natanael, kellmu, ma qagħadx jistenna li Natanael jistaqsih xi ħaġa imma kellmu hu stess. Ġesù huwa dak li jieħu l-inizjattiva. Ġesù huwa dak li jaqra l-qalb tal-bniedem. Għalhekk skanta Natanael kif rah u kien jaf tassew min hu. Għax Ġesù ma jarax biss dak li jidher minn barra, imma jaqra l-qalb. Ġesù hu dak li jibdel lill-bniedem, kif kellu l-esperjenza sabiħa Natanael stess fil-kuntatt tiegħu, fid-djalogu ma’ Ġesù.

Ħa nħarsu lejn Filippu. Dan hu wieħed mid-dixxipli ta’ Ġesù li, kif naqraw fl-Evanġelju, kien dak li sema’ s-sejħa u wieġeb għaliha. Meta Ġesù qallu “ejja warajja”, Filippu mar warajh. Hu kien minn Betsajda, bħal Indri u Pietru, u għażel li jimxi warajh. Imma meta kien miegħu u ra x’isarraf, mar mal-ewwel isib lil Natanael, u jgħidlu b’Ġesù. Araw kif dal-bniedem ma kienx kuntent biss li sab lil Ġesù, imma ried ukoll lil ħaddieħor isir jaf lil Ġesù. Is-sejħa li għamillu Ġesù kienet għażiża għalih, imma għenitu wkoll biex imur għand ħaddieħor u jġibu għand Ġesù. U jgħidlu l-istess kliem, fil-fatt, li jgħid Ġesù ftit qabel. Lil Natanael, meta jagħmillu l-mistoqsija, jgħidlu “ejja u ara” (Ġw 1:46).  L-istess qal Ġesu ftit qabel fl-Evanġelju liż-żewġ dixxipli, wieħed minnhom Indri, meta staqsewh fejn kien joqgħod. Qalilhom: “ejjew u taraw” (Ġw 1:39).

Ħa nħarsu lejn Natanael. Jolqotna li dal-bniedem kien jaf l-Iskrittura. Għax meta għamel il-mistoqsija “Tista’ toħroġ xi ħaġa tajba minn Nażaret?”, kien ovvju li dan għaliex kien jaf li Nażaret, bħala isem, bħala post, ma jissemmiex fit-Testment il-Qadim bħala l-post li minnu ġej il-Messija.  Għalhekk għamel dil-mistoqsija. Forsi wkoll għax kien hemm preġudizzju kontra dal-post li ma kien importanti xejn. Kien ukoll bniedem żbukkat, ta’ żaqqu f’fommu, li jħoss jgħidu mal-ewwel. Imma kien ukoll bniedem li lest li jisma’, u lest li jibdel l-opinjoni tiegħu meta jagħraf dak li hu sewwa. L-iktar ħaġa li tolqotna f’Natanael hu li fil-bidu kien daqshekk xettiku, imma meta ltaqa’ ma’ Ġesù, u meta għaraf tassew lil Ġesù, imbagħad jagħmel dik l-istqarrija, li hija waħda mill-iktar stqarrijiet kbar ta’ fidi: “Int l-Iben ta’ Alla, int is-Sultan ta’ Israel!” (Ġw 1:49) Araw il-bidla li seħħet fih, għax kien lest, kien disponibbli, li jħalli lill-Mulej jibdlu.

“Tista’ toħroġ xi ħaġa tajba minn Nażaret?” Ir-risposta għal dil-mistoqsija taha dak stess li għamilha. Mhux biss “ħaġa tajba” tista’ toħroġ, imma l-aqwa u l-aħjar: Ġesù bin Alla!  Nitolbu lill-Mulej biex aħna u nirriflettu fuq dil-ġrajja, inħallu lil dawn il-persuni jkellmuna, ħalli aħna wkoll, bi kliemna imma anke b’ħajjitna, nistqarruh tassew bħala l-Iben ta’ Alla, dak li lilna jsalvana.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju