L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

F’diversi paroċċi madwar il-gżejjer tagħna ssib kwadru ta’ Nazju Falzon. Dan għaliex il-kawża tiegħu, hi kawża antika biex isir beatu, u mbagħad qaddis. Wieħed mill-kwadri jinsab fil-knisja ta’ Ħal Lija u niftakar lill-anzjani jgħiduli li meta San Ġorġ Preca kien imur Ħal Lija kien dejjem jistaqsihom fejn qiegħed il-kwadru ta’ Nazju Falzon biex jinġabar quddiemu jitlob bl-interċessjoni ta’ Nazju. San Ġorġ Preca qatt ma ltaqa’ ma’ Nazju Falzon għax San Ġorġ Preca twieled fl-1880 u Nazju kien ilu mejjet mill-1865. Imma l-fama tiegħu ta’ qdusija kienet qawwija. Kienet qawwija wkoll il-fama tiegħu ta’ għalliem, ta’ persuna li fil-karità tiegħu kien jagħmel din l-opra kbira ta’ karità: għallem lil min ma jafx.

Nazju Falzon sar ħabib ħafna tal-membri tas-servizz Ingliżi li kienu jidħlu fil-Port il-Kbir. Ħafna minnhom kienu jafdawlu wkoll il-ħwejjeġ għeżież tagħhom qabel imorru għal xi gwerra. Fi żmien Nazju kien hemm il-Gwerra tal-Krimea, u diversi membri tal-forzi navali Ingliżi li kienu jbaħħru lejn il-Krimea minn hawnhekk kienu jafdaw dak kollu li kien għażiż għalihom proprju f’idejn Nazju, biex imbagħad hu jkun jista’ jirritornahom jew jagħtihom lil qrabathom jekk jiġri xi ħaġa ta’ għawġ. Din il-fiduċja li kien jispira kienet ġejja mill-imħabba tiegħu. Aħna llum ngħidu mill-qdusija tiegħu. Imma l-qdusija ta’ Nazju hi mħabba kbira lejn il-proxxmu.

Sens kbir ukoll ta’ realiżmu fuq min kien. Illum forsi ngħidu, għaliex ħassu mhux kapaċi jersaq biex ikun djaknu u saċerdot? Kellu sens kbir tal-qdusija ta’ Alla u ta’ dgħufija tiegħu personali. Imma Alla nqeda bih biex iwassal mijiet ta’ persuni li ma kinux Kattoliċi biex jersqu lejn il-Knisja Kattolika. Għallem ħafna wkoll żgħażagħ mill-Belt. Kemm tkun ħaġa sabiħa li aħna, bl-interċessjoni tiegħu llum, nitolbu din il-grazzja biex fil-gżejjer tagħna jibqa’ jkollna katekisti li jgħallmu lill-poplu tagħna l-ħajja Nisranija, ħajja li tagħmlek nies. Kif kien iħobb jgħid ukoll San Ġorġ Preca: “Min jobdi l-kmandamenti hu tassew nies”.

Imma l-kelma ta’ Ġesù hi dik li tqanqalna: “Morru, mela, agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha, u għammduhom fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu, u għallmuhom iħarsu dak kollu li ordnajtilkom jien.” (Mt 28:19-20). Jekk aħna nistaqsu Ġesù x’ordnalna nħarsu, niftakru mill-ewwel fl-ikbar kmandament: “Dan hu l-kmandament tiegħi: li tħobbu lil xulxin, bħalma ħabbejtkom jien.” (Ġw 15:12). Għalhekk jgħid li hu tiegħu, għax il-kmandament tal-imħabba hu antik daqskemm hu antik il-bniedem, maħluq xbieha ta’ Alla li hu mħabba. Il-Mulej jagħtina kejl, hu eżempju, hu xprun: “Ħobbu lil xulxin bħalma ħabbejtkom jien”. Fil-qaddisin, fosthom il-Beatu Nazju, il-Knisja turina mudelli ta’ kif ngħixu l-imħabba. Nazju għex l-opra tal-ħniena, għallem lil min ma jafx; kien ukoll jispira l-fiduċja billi jgħin lil min kellu bżonn. Aħna msejħin biex inkunu wkoll imħabba konkreta fil-ħajja tagħna.

Ejjew nitolbu l-interċessjoni ta’ Nazju Falzon għall-kategorji li semmejna fil-bidu li huma wkoll, biex ngħidu hekk, taħt il-protezzjoni tal-Beatu Nazju Falzon. L-ewwel nixtieq naħseb fil-katekisti. Għandna diversi katekisti, mhux biss tal-MUSEUM, is-soċjetà mwaqqfa min San Ġorġ Preca, imma wkoll lajċi oħra fil-parroċċi tagħna li qed jagħmlu ġid kbir billi jgħallmu lit-tfal, liż-żgħażagħ u lill-adulti tagħna.

Niftakru wkoll fl-avukati Maltin li jqisu lil Beatu Nazju Falzon bħala patrun tagħhom fis-sema. Nazju Falzon studja għal avukat, ġab ukoll il-lawrija ta’ avukat; kellu l-warrant imma ma tantx eżerċita. Ried jagħti ħajtu totalment lil Alla; imma peress li hu wieħed mill-avukati li hemm fis-sema, l-avukati Maltin tajjeb jitolbu l-interċessjoni tiegħu. Wara kollox huma wkoll għandhom an open invitation to heaven u tajjeb ukoll li nawguraw lil xulxin li aħna nkunu fis-sema, fejn qiegħed Nazju. Nazju hu wkoll protettur tal-istudenti universitarji Maltin. Wara kollox, kien fl-Università ta’ Malta, mhux ’il bogħod minn hawnhekk, li hu tgħallem it-tagħlim li wasslu wkoll biex jiggradwa bħala avukat. Nitolbu ħafna għall-istudenti biex huma u jikbru fit-tagħlim u fix-xjenza, jikbru wkoll fil-fidi, fit-tama u fl-imħabba. It-tagħlim hu l-għajn ta’ kull ġid. Fil-Beatu Nazju Falzon għandna Malti eżemplari u qaddis, li għaraf il-qawwa tal-Kelma, imma fuq kollox għaraf ukoll li bħalma ngħidu aħna il-kelma tqanqal, imma l-eżempju jkaxkar.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Ġen 22:1-19
Salm: 116 (117), 1-2.3-4.5-6.8-9
Evanġelju: Mt 9:1-8

Aktar ritratti >>