L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Insellem lil kull min qiegħed isegwina permezz tal-mezzi tax-xandir u lill-komunità Griega-Kattolika li qed tiltaqa’ hawnhekk illum biex tagħti merħba lill-Kappillan, il-Papàs il-ġdid tagħha Fr Martin Zammit

L-Evanġelju li għadna kemm smajna, li huwa fiċ-ċiklu tal-qari li titlob il-Knisja bir-rit Biżantin, huwa mill-kapitlu 5 ta’ San Mattew. “Intom id-dawl tad-dinja. Belt li tkun qiegħda fuq muntanja ma tistax tinħeba” (Mt 5:14). Illum qegħdin inwasslu lill-poplu għażiz tagħna din l-esperjenza mhux tas-soltu li jipparteċipa anke b’mod televiżiv u virtwali fil-liturġija Ewkaristika tal-Ħadd skont din it-talba sabiħa miktuba minn San Ġwann Krisostmu fis-seklu 5.

San Ġwann Krisostmu kien patrijarka ta’ Kostantinopli, illum Istanbul. Huwa wieħed mill-qaddisin il-kbar tal-Lvant. Il-komunità tal-Lvant ġiet Malta mal-Kavallieri minn Rodi. Ġabu magħhom ukoll teżori kbar bħalma hija l-ikona ta’ Sidtna Marija Damaxxena u ikoni oħrajn prezzjużi u għeżież li llum huma miġbura fil-knisja ta’ Sidtna Marija Damaxxena mhux ‘ ’il bogħod mill-Palazz tal-President fil-Belt Valletta.

Din il-knisja li llum ninsabu fiha hija ddedikata lil San Nikola u kienet dejjem punt ta’ riferiment għal din il-parroċċa. Wara kollox, San Nikola kien ukoll qaddis kbir li għaqqad il-Lvant u l-Punent u li l-fdalijiet tiegħu huma meqjuma ġewwa Bari. F’Malta għandna wkoll parroċċa ddedikata lil San Nikola ta’ Bari, dik tas-Siġġiewi.

Din il-knisja hija wkoll magħrufa bħala l-Knisja tal-Erwieħ għax minn żmien il-Kavallieri kienet magħquda mal-Arċikonfraternità tal-Erwieħ. Din il-knisja wkoll se tkun afdata lill-Patrijarka ta’ Kostantinopli, is-suċċessur ta’ San Ġwann Krisostmu biex aħna wkoll, Insara-Kattoliċi, nuru l-ospitalità tagħna għall-aħwa tal-Lvant li mhumiex maqgħudin bħalissa mal-Papa imma huma Nsara bħalna. Fil-Knisja Kattolika għandna diversi knejjes li jqimu bir-rit Biżantin, bħalma għandna din il-parroċċa f’Malta. Għalina hija ta’ għana kbir spiritwali li jkollna wkoll il-liturġija Kattolika-Biżantina li biha nistgħu nfaħħru lil Alla, nisimgħu l-Kelma ta’ Alla, u niċċelebraw is-sagramenti.

Nawgura ħafna lill-Papàs Martin fil-bidu tal-ħidma tiegħu, filwaqt li f’isem il-poplu Malti u Għawdxi kollu, nirringrazzja ħafna lill-Arkimandrita George Mifsud Montanaro tax-xhieda ta’ fedeltà u ġenerożità li ta fil-qadi tiegħu bħala Papàs sa din is-sena.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta