-
-
Il-Ħadd, 20 ta’ Novembru 2016, l-Arċisqof Charles J. Scicluna ċċelebra Quddiesa fil-Festa Liturġika ta’ Kristu Re, li għalqet is-sena Liturġika tal-Knisja u l-Ġublew tal-Ħniena li nieda l-Papa Franġisku. Iċ-ċelebrazzjoni Djoċesana saret fil‑Katidral ta’ San Pawl, l-Imdina.
Agħfas hawn biex tara iktar ritratti taċ-Ċelebrazzjoni tal-Quddiesa.
Iċ-Ċelebrazzjoni tal-Quddiesa fuq YouTube
Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna
-
-
Katidral ta’ l-Imdina
20 ta’ Novembru 2016L-Evanġelju tal-lum magħżul b’mod l-iżjed xieraq u providenzjali għall-festa Solenni ta’ Sidna Ġesù Kristu Sultan tal-Ħolqien kollu. L-Evanġelju jfakkarna fix-xena li aħna nafuha ħafna, u niċċelebrawha wkoll fil-Ġimgħa l-Kbira ta’ kull sena b’mod l-iżjed solenni.
F’din ix-xena hemm diversi kategoriji ta’ nies. Luqa l-Evanġelista fil-kapitlu 23 l-ewwel li jsemmi huwa l-poplu, u jgħid: “Wara li sallbu lil Ġesù, il-poplu waqaf hemm iħares” (v. 35). Isemmi wkoll il-kapijiet, is-suldati, il-kriminali li ssalbu ma’ Ġesù, imma l-protagonista vera jibqa’ Ġesù nnifsu.
Il-mistoqsija li rridu nagħmlu jiena u inti, u aħna bħala Knisja f’Malta llejla, hija mistoqsija li jgħallmuna l-qaddisin kull meta jimmeditaw xi paġna mill-Evanġelju. Iqisu ftit il-protagonisti tal-paġna u jgħidu: “jiena liema atteġġjament se nieħu quddiem dan l-avveniment? Liema sentimenti se jqanqal il-Mulej fil-qalb tiegħi?”
“Il-poplu waqaf hemm iħares”. X’inhi din il-ħarsa tal-poplu lejn Ġesù msallab waqt li l-kapijiet bdew jiddieħku bih? Tista’ tkun ħarsa ta’ min iħossu kompliċi. Ftit qabel, Pilatu kien poġġa għażla quddiem il-poplu: “Lil min tridu li nsalva lil Ġesù ta’ Nazaret jew lil Barabba?” (Mt 27, 21) Dak kien referendum u għażlu lil Barabba.
Tista’ tkun ħarsa ta’ poplu li huwa maħkum mill-biża’. Ittamaw f’leader li jkun il-Messija politiku u ara fiex wasal, imsallab bħal kriminal! Ċertament hemm il-biża’ mill-poter, kemm reliġjuż u dak politiku, li lil Ġesù kkundannah. Wara kollox huma talbu lil Pilatu: “Aħna m’għandniex il-qawwa li noqtluh, inti trid tikkundannah għall-mewt”. Il-poplu jħares u jara din it-traġedja ta’ abbuż ta’ poter u ta’ inġustizzja.
“Il-poplu waqaf hemm iħares”. Jista’ jkun li din il-ħarsa hija ħarsa ta’ min jgħid: “mhux aħjar nitbegħdu ftit minn dan il-falliment totali? Aħna konna nittamaw fih imma ma rnexxilniex”. Aħna wkoll fil-Ġimgħa l-Kbira huma u għaddejjin l-istatwi li tant inqimu, inħarsu.
Illum mill-ħarsa rridu ngħaddu għal proponiment. Il-fidi tagħna mhijiex fidi tal-voyeur, ta’ dak li jħares biss, ta’ dak li jħares skont l-istaġun. Issa ġej il-Milied, nibdew inżejnu t-toroq tagħna, nifirħu, kultant lanqas inkunu nafu eżattament għaliex qegħdin nifirħu, għax jekk il-Milied tneħħilu lill-Mulej Ġesù, x’jibqagħlu? Sokor, tbaħrid u nfiq.
Tant hu hekk li aħna ħloqna biex inħarsu u ma narawx – personaġġi mitiċi li minflok jgħinuna naslu lejn Ġesù, kultant ibegħduna. Qed ngħid għal Father Christmas, addirittura għandu l-mara tiegħu Mary Christmas ukoll. Hekk ukoll l-Għid, bl-Easter Bunny. Huma kollha affarijiet li anke lit-tfal tagħna nimlewlhom rashom bihom dawn, imma l-qofol tal-misteru li qegħdin niċċelebraw, inħarsu lejh u donnu bħall-ilma fuq il-papri: jinżel u jiżloq. Illum irridu nitolbu l-ħniena tal-Mulej biex il-ħarsa tagħna tkun ħarsa iżjed profonda, ħarsa li timpenjana, ħarsa li tqanqal il-qalb.
Il-kapijiet, is-suldati, u wieħed mill-kriminali lil Ġesù ttentawh jinżel minn fuq is-salib. “Salva lill-oħrajn, ħa jsalva lilu nnifsu jekk dan hu l-Messija, il-Maħtur ta’ Alla” (Lq 23, 35) jgħidu l-kapijiet reliġjużi. Is-suldati bdew jgħadduh biż-żmien. Resqu lejh newwlulu inbid qares u qalulu: “jekk inti s-sultan tal-Lhud, salva lilek innifsek” (v. 37). Iż-żewġ tentazzjonijiet iħarsu lejn Ġesù b’mod differenti. Il-kapijiet tal-Lhud isemmu li huwa l-Messija, is-suldati, ir-rappreżentanti tal-poter tal-istat, ħakkiem Ruman, jgħidulu: “inti sultan”. It-tnejn qed jgħidulu biex jinżel minn hemm, biex isalva lilu nnifsu. Anke fuq rasu l-kundanna kienet: “dan huwa s-sultan tal-Lhud” (v. 38), bniedem imsallab, itturufnat, għeri. Bħalma qal il-Papa dalgħodu fl-omelija stupenda li għamel f’San Pietru, “la kellu mant ta’ re għax kien għeri, il-kuruna tiegħu kienet tax-xewk, tawh qasba minflok ix-xettru u qatluh”.
Wieħed mill-ħatjin beda jgħajjru, għandu l-istess kundanna imma għandu l-enerġija jgħajjar lil sieħbu li hu kkundannat. “Inti m’intix il-Messija? Salva lilek inifsek u lilna” (v. 39). Jekk jogħġbok tinżilx waħdek, ninżlu aħna miegħek ukoll minn fuq is-salib.
Hemm ukoll il-kriminal l-ieħor. “Anqas minn Alla int ma tibża’, int li qiegħed taħt l-istess kundanna? Tagħna hija ġusta tassew għax qegħdin nieħdu li ħaqqna ta’ kull ma għamilna, imma dan m’għamel xejn ħażin” (vv. 40-41). L-ikkundannat isir l-imħallef ġust ta’ Ġesù. Dan ir-raġel ikkundannat mal-Mulej jesprimi l-ġudizzju rett. “Dan m’għamel xejn ħażin”. B’umiltà kbira jfakkarni anke fil-pubblikan li jsemmi Ġesù fil-parabbola biex jurina min hu ġustifikat verament, jammetti li l-kundanna tiegħu kienet ġusta. “Tagħna hija ġusta tassew” jgħid “għax qegħdin nieħdu li ħaqqna ta’ kull ma għamika, imma dan m’għamel xejn ħażin”.
Din l-istorja ta’ l-aħħar tlett tentazzjonijiet ta’ Ġesù tispiċċa b’att ta’ fidi kbira. Dan l-ikkundnanat, li jsir l-imħallef ġust li jgħid il-verità, jdur lejn il-Mulej u la jgħidlu ‘Messija’, u la jgħidlu ‘sultan’, isejjaħlu b’ismu Ġesù, li tfisser ‘Alla jsalva’. “Ġesù, ftakar fija meta tidħol fis-saltna tiegħek” (v. 42). Dan l-imħallef issa jsir ukoll mhux biss l-avukat, imma x-xandar tal-Mulej għaliex minn fuq is-salib tiegħu hu u jħares lejn Ġesù kurċifiss, jiddikjara li Ġesù għandu saltna. Jiddikjara wkoll li jixtieq li jiftakar fih.
Il-Papa dalgħodu tkellem fuq il-memorja ta’ Alla, il-memorja li tinsa d-dnub u l-unika ħaġa li tiftakar huwa min inti, min jien, għal Alla. Mhux importanti x’għamilt għax dak jitħassar id-dnub tiegħek, imma huwa importanti inti, dak li jiftakar Alla. Inti min int, min xiex għaddejt, min forsi ġagħalek tkun dgħajjef. Għax aħna ħafna drabi lanqas aħna kapaċi nifhmu lilna nfusna, aħseb u ara nifhmu x’ġara mingħalina.
“Ftakar fija”. Għamel sew, ma qallux: “ftakar x’għamilt”, jew “ftakar li ddefendejtek”. Ovvjament ma qallux “ftakar fil-ħmerijiet li għamilt li wassluni hawn”. Qallu sew. “Ftakar fija”. Għax il-Mulej mhux accountant – bir-rispett kollu lejn il-kategorija, li hi neċessarja – li joqgħod jgħid “mela plus u minus”. Hija ħasta li għal sekli sħah aħna ppruvajna nikkontrollaw il-grazzja, niftħu l-ledger u ngħidu: dan plus u dan minus. “Ftakar fija meta tidħol fis-saltna tiegħek”. Ġesù x’jgħidlu? “Tassew ngħidlek illum tkun fil-ġenna miegħi” (v. 43).
Xi darba tkunu Londra morru l-Victoria and Albert Museum u morru fittxu s-sezzjoni fejn hemm l-arti Taljana tar-Rinnaxximent, arti ta’ 700 sena ilu, hemm sala u hemm bust tat-terracotta ta’ l-1200, minn Firenze. Idejn Ġesù qegħdin jiftħu beraħ il-kustat tiegħu minfud. Jiftħu beraħ. Jiena meta mort inżur il-morda dan l-aħħar, kelli nofs ta’ nhar għalija u mort niltaqa’ ma’ din l-iskultura u laqtitini u għidt: “ara Ġesù li b’idejh stess jiftaħ il-ġerħa tal-kustat tiegħu għax dak huwa l-bieb tal-ħniena li ma jingħalaq qatt”. Il-qalb ħanina ta’ Ġesù li aħna naraw minn dak il-bieb, il-kustat minfud tiegħu hija dejjem lesta li tilqagħna, il-qalb ta’ ħlewwa u ta’ umiltà għaliex dak il-bieb ma jingħalaq qatt. L-idejn ippjagati ta’ Ġesù, anżi jwessgħu l-kustat traffitt tiegħu, il-kustat minfud tiegħu, biex aħna lkoll kemm aħna, nidħlu minn dak il-bieb tal-ħniena.
Fl-impenji tad-djoċesi, aħna u niltaqgħu tradizzjonalment fi Kristu Re, il-bieb tal-qalb tagħna jrid ikun miftuh għal kulħadd anke meta dan ifisser skumdità. Anke meta dan ifisser li l-memorja tiegħi iżjed milli tiftakar, għandha bżonn tinsa’. Kemm hemm bżonn aħna naħfru lil xulxin billi niftakru fil-persuna u ninsew dak kollu li jweġġgħana, dak kollu li fixkilna. Naf li diffiċli, imma meta inti tiltaqa’ ma’ xi ħadd li kiddek, ftakar fil-kelma tal-ħalliel it-tajjeb. Lil Ġesù ma qallux “ftakar x’għamilt, Sinjur” qallu: “ftakar fija, ftakar fija”.
Nirringrazzjaw lill-Mulej ta’ dan id-don li tana permezz tal-Papa Frangisku, din is-sena li fakkritna f’dak li hu tassew essenzjali. Aħna rċevejna ħafna ħniena. Għandna stedina biex inħobbu ħafna. It-talba tiegħi għalina bħala poplu ta’ din id-djoċesi hija li meta nieqfu u nħarsu lejn Ġesù kruċifiss, ma jkunx bil-biża’ jew għax intimidati, jew indifferenti, imma l-ħarsa tagħna fuqu tkun ħarsa li timpenjana biex nagħmlu bħalu, għani fil-ħniena. Hu l-Iben tal-Missier li huwa “r-ras tal-ġisem li hu l-Knisja. Hu li hu l-bidu, il-kbir li qam mill-imwiet sabiex ikun hu l-ewwel f’kollox. Bih, Ġesù Kristu, Alla jerġa’ jħabbeb kollox miegħu bid-demm tiegħu, imxerred fuq is-salib u hekk iġib is-sliem permezz tiegħu fis-sema u fl-art (Kol 1, 18-20).
✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta -
-
Ritratti/Filmat: Uffiċċju Komunikazzjoni, Kurja.