Fil-bidu tas-sena l-ġdida, li hu żmien ta’ grazzja li l-Mulej jagħti lil kull wieħed u waħda minna, nixtieq nindirizza lill-Poplu ta’ Alla, lill-ġnus, lill-Kapijiet tal-Istat u tal-Gvern, lir-Rappreżentanti ta’ reliġjonijiet differenti u lis-soċjetà ċivili, lill-irġiel u n-nisa kollha ta’ żmienna biex inwassal ix-xewqat tiegħi għall-paċi.

1. II-progress tax-xjenza u tat-teknoloġija bħala triq għall-paċi

L-Iskrittura Mqaddsa tixhed li Alla ta lill-bnedmin l-Ispirtu tiegħu biex ikollhom “għerf, intelliġenza u għarfien f’kull xorta ta’ ħidma” (Eż 35.31). L-intelliġenza hija espressjoni tad-dinjità mogħtija lilna mill-Ħallieq, li għamilna xbieha u xebh tiegħu (ara Ġen 1:26) u tana l-ħila li nwieġbu għall-imħabba tiegħu permezz tal-libertà u l-għarfien. Ix-xjenza u t-teknoloġija juru b’mod partikolari din il-kwalità fundamentalment relazzjonali tal-intelliġenza umana: u huma frott straordinarju tal-potenzjal kreattiv tagħha.

Fil-Kostituzzjoni Pastorali Gaudium et spes, il-Konċilju Vatikan II tenna din il-verità, billi ddikjara li “b’xogħolu u bl-għerf tiegħu l-bniedem dejjem fittex li jiżviluppa ħajtu” [1]. Meta l-bnedmin, “bl-għajnuna tat-teknoloġija”, jistinkaw biex l-art “issir dar xierqa tal-familja umana kollha” [2], huma jkunu jwettqu l-pjan ta’ Alla u jikkoperaw mar-rieda tiegħu biex jitlesta l-ħolqien u biex jinfirex is-sliem bejn il-ġnus. Anke l-progress tax-xjenza u t-teknoloġija, sakemm ikun qed jagħti sehmu għal ordni aħjar tas-soċjetà umana, u sabiex tiżdied il-libertà u l-komunjoni fraterna, ikun qed iwassal għat-titjib tal-bniedem u t-tibdil tad-dinja.

Nagħmlu sewwa li nifirħu u nkunu grati għall-kisbiet straordinarji tax-xjenza u t-teknoloġija, li minħabba fihom ġew rimedjati għadd ta’ mardiet li ħakmu l-ħajja umana u kkawżaw tbatija kbira. Fl-istess ħin, il-progress tekniku-xjentifiku, li jagħmilha possibbli li jiġi eżerċitat kontroll, s’issa bla preċedent, qed iqiegħed firxa wiesgħa ta’ possibilitajiet f’idejn il-bniedem, li wħud minnhom jistgħu jirrappreżentaw riskju għas-sopravivenza u periklu għad-dar komuni tagħna. [3].

Il-progress kbir fit-teknoloġiji l-ġodda tal-informazzjoni, speċjalment fil-qasam diġitali, fihom opportunitajiet eċċitanti u fl-istess ħin riskji serji, b’implikazzjonijiet serji biex ikun hemm il-ġustizzja u l-armonija bejn il-popli. Huwa għalhekk meħtieġ li nistaqsu lilna nfusna xi mistoqsijiet urġenti. X’se jkunu l-konsegwenzi fil-qrib u fil-bogħod ta’ teknoloġiji diġitali ġodda? U x’impatt se jkollhom fuq il-ħajja tan-nies u tas-soċjetà, u fuq l-istabbiltà u l-paċi internazzjonali?

2. Il-ġejjieni tal-intelliġenza artifiċjali, bejn wegħdiet u riskji

L-avvanzi fit-teknoloġija tal-informatika u l-iżvilupp tat-teknoloġiji diġitali fl-aħħar għexieren ta’ snin diġà bdew jipproduċu bidliet kbar fis-soċjetà globali u d-dinamika tagħha. Għodod diġitali ġodda qed ibiddlu l-mod ta’ kif nikkomunikaw, tal-amministrazzjoni pubblika, l-edukazzjoni, il-konsum, il-mod kif nrrelataw mal-oħrajn u għadd ta’ aspetti oħra tal-ħajja ta’ kuljum.

Barra minn hekk, mill-footprints diġitali mifruxa madwar l-Internet, it-teknoloġiji li jħaddmu għadd ta’ algoritmi jistgħu jisiltu tagħrif u hekk ikunu jistgħu jikkontrollaw drawwiet mentali u relazzjonali għal skopijiet kummerċjali jew politiċi, ħafna drabi mingħajr ma biss nintebħu, u b’hekk jillimitaw l-eżerċizzju konxju tagħna tal-libertà tal-għażla. Fi spazju bħalma hu l-internet, mgħobbi kif inhu b’tant tagħrif, jista’ jkun hemm mod kif jintuża dan it-tagħrif, kultant skont kriterji ta’ għażla li mhux dejjem inkunu konxji tagħhom.

Jeħtieġ niftakru li r-riċerka xjentifika u l-innovazzjonijiet teknoloġiċi la huma maqtugħin mir-realtà u lanqas huma “newtrali” [4], iżda suġġetti għal influwenzi kulturali. Billi dawn huma attivitajiet kompletament tal-bniedem, id-direzzjonijiet li jieħdu jirriflettu għażliet kundizzjonati mill-valuri personali, soċjali u kulturali ta’ kwalunkwe żmien partikulari. L-istess jista’ jingħad għar-riżultati li jiksbu: huma, billi huma riżultat ta’ ħidma speċifikament umana ta’ kif wieħed jista’ jersaq lejn id-dinja ta’ madwarna, dawn dejjem għandhom dimensjoni etika, marbuta mill-qrib ma’ deċiżjonijiet meħuda minn dawk li jfasslu l-esperimentazzjoni u jmexxu l-produzzjoni tagħhom lejn għanijiet partikolari.

Dan japplika wkoll għal forom ta’ intelliġenza artifiċjali. Sal-lum, m’hemmx definizzjoni waħda ta’ intelliġenza artifiċjali fid-dinja tax-xjenza u t-teknoloġija. It-terminu nnifsu, li issa daħal fil-lingwa komuni, iħaddan għadd ta’ xjenzi, teoriji u teknika mmirati biex jiżguraw li l-magni jirriproduċu jew jimitaw, fit-tħaddim tagħhom, il-kapaċitajiet konjittivi tal-bniedem. Meta nitkellmu fil-plural dwar “forom ta’ intelliġenza” dan jista’ jgħin biex jiġi enfasizzat fuq kollox il-qasma kbira li hemm bejn dawn is-sistemi li huma sorprendenti u qawwija, u bejn il-persuna umana. Fl-aħħar mill-aħħar dawn huma “frammentarji”, fis-sens li jistgħu jimitaw jew jirriproduċu biss xi funzjonijiet tal-intelliġenza umana. L-użu tal-plural jenfasizza wkoll li dawn il-magni, għad illi differenti ħafna minn xulxin, għandhom dejjem jitqiesu bħala “sistemi soċjo-tekniċi”. Fil-fatt, l-impatt tagħhom, lil hinn mit-teknoloġija bażika, jiddependi mhux biss fuq id-disinn, iżda wkoll fuq l-għanijiet u l-interessi ta’ dawk li huma proprjetarji tagħhom u dawk li jiżviluppawhom, kif ukoll is-sitwazzjonijiet li fihom jintużaw.

L-intelliġenza artifiċjali, għalhekk, trid tinftiehem bħala ħafna realtajiet differenti flimkien, u ma nistgħux nassumu li l-iżvilupp tagħha se jkun ta’ benefiċċju għall-futur tal-umanità u għall-paċi bejn il-popli. Dan ir-riżultat pożittiv ikun possibbli biss jekk nuru lilna nfusna kapaċi li, dak linagħmlu, nagħmluh b’mod responsabbli u li nirrispettaw il-valuri umani fundamentali bħalma huma  “l-inklużjoni, it-trasparenza, is-sigurtà, il-ġustizzja, il-kunfidenzjalità u l-affidabbiltà” [5].

Lanqas ma hu biżżejjed li wieħed jippresupponi impenn min-naħa ta’ dawk li jiddisinjaw algoritmi u teknoloġiji diġitali li dawn se jaħdmu b’mod etiku u responsabbli. Huwa meħtieġ li dawn jissaħħu jew inkella, jekk hu meħtieġ, jiġu stabbiliti korpi responsabbli biex jeżaminaw kwistjonijiet etiċi li jinqalgħu, u jipproteġu d-drittijiet ta’ dawk li jużaw forom ta’ intelliġenza artifiċjali jew huma influwenzati minnha [6].

Il-firxa wiesgħa tat-teknoloġija għandha għalhekk tkun imwieżna minn taħriġ adattat fir-responsabbiltà għall-iżvilupp tagħha. Il-libertà tagħna u x-xewqa li ngħixu flimkien fil-paċi huma mhedda meta l-bnedmin iċedu għat-tentazzjoni tal-egoiżmu, tal-interess personali, għax-xewqa għall-profitt u għall-għatx għall-poter. Għalhekk għandna d-dmir li nwessgħu l-ħarsa tagħna biex nindirizzaw ir-riċerka teknika-xjentifika lejn it-tfittxija tal-paċi u l-ġid komuni, għas-servizz tal-iżvilupp sħiħ tal-bniedem u tal-komunitajiet [7].

Id-dinjità intrinsika ta’ kull persuna u l-fraternità li torbotna flimkien bħala membri ta’ familja umana waħda, iridu jkunu fil-bażi tal-iżvilupp ta’ teknoloġiji ġodda u huma kriterji indiskutibbli biex jiġu evalwati qabel ma jibdew jitħaddmu, sabiex il-progress diġitali jkun jista’ jseħħ b’ rispett tal-ġustizzja u jgħin fil-kawża tal-paċi. Żviluppi teknoloġiċi li ma jwasslux għal titjib fil-kwalità tal-ħajja tal-bnedmin kollha, iżda għall-kuntrarju jaggravaw l-inugwaljanzi u l-kunflitti, qatt ma jistgħu jitqiesu bħala progress veru [8].

L-intelliġenza artifiċjali se ssir dejjem aktar importanti. L-isfidi li toħloq huma tekniċi, iżda wkoll antropoloġiċi, edukattivi, soċjali u politiċi. Għax din twegħdna,  pereżempju, li se niffrankaw tbatija żejda, u li nipproduċi b’mod aktar effiċjenti, u li jkollna trasport aktar faċli u swieq aktar dinamiċi, kif ukoll rivoluzzjoni fil-proċessi ta’ ġbir, organizzazzjoni u verifika tat-tagħrif. Jeħtieġ li nkunu konxji tal-bidliet mgħaġġla li qed iseħħu u namministrawhom b’tali mod li jħarsu u jipproteġu d-drittijiet fundamentali tal-bniedem, filwaqt li nirrispettaw l-istituzzjonijiet u l-liġijiet li jippromwovu l-iżvilupp integrali tal-bniedem. L-intelliġenza artifiċjali għandha taqdi  l-aqwa potenzjal uman tagħna u l-ogħla aspirazzjonijiet tal-bniedem, u mhux tikkompeti miegħu.

3. It-teknoloġija tal-futur: magni li jitgħallmu waħedhom

Fil-ħafna forom tagħha, l-intelliġenza artifiċjali, ibbażata fuq teknika ta’ tagħlim awtomatiku (machine learning), għalkemm għadha f’fażi ta’ prova, diġà qed tintroduċi bidliet li tista’ tarahom fin-nisġa tas-soċjetajiet, u qed ikollha influwenza kbira fuq il-kulturi, l-imġieba soċjali u l-bini tal-paċi .

Żviluppi bħama huma l-machine learning jew deep learning iqajmu mistoqsijiet li jmorru lil hinn mill-oqsma tat-teknoloġija u l-inġinerija u għandhom x’jaqsmu mal-ħtieġa li nifhmu b’mod iktar profond it-tifsira tal-ħajja umana, il-proċessi bażiċi tal-għarfien u l-ħila tal-moħħ li jasal għall-verità.

Il-ħila li għandhom ċerti magni li, per eżempju, jipproduċu kitba li tagħmel sens  kemm b’mod sintattiku kif ukoll semantiku, din waħedha mhix garanzija li wieħed jista’ jafdahom. Jgħidu li dawn jistgħu jiġġeneraw kitba li mad-daqqa t’għajn tidher li tagħmel sens, iżda mbagħad fir-realtà tkun bla ebda bażi, jew li jkun fiha xi preġudizzji. Dan joħloq problema serja meta l-intelliġenza artifiċjali tintuża f’kampanji ta’ diżinformazzjoni li jxerrdu aħbarijiet foloz li jwasslu għal sfiduċja dejjem tikber fil-midja. Il-kunfidenzjalità, il-pussess tat-tagħrif u l-proprjetà intellettwali huma oqsma oħra li fihom it-teknoloġiji inkwistjoni joħolqu riskji serji, u magħhom żid ukoll il-konsegwenzi negattivi oħra marbuta mal-użu mhux xieraq tagħhom, bħalma huma d-diskriminazzjoni, l-indħil fil-proċessi elettorali, li tidħol l-idea li hemm min qed jissorvelja u jikkontrolla lin-nies, l-esklużjoni diġitali kif ukoll li tkabbar l-individwaliżmu u nsiru dejjem aktar maqtugħin mis-soċjetà. Dawn il-fatturi kollha iżidu l-perikli ta’ kunflitti u jxekklu l-paċi.

4. Is-sens tal-limitu fil-mudell teknokratiku

Id-dinja tagħna hija kbira wisq, varjata u kumplessa biex tkun magħrufa kollha kemm hi u kklassifikata. Il-moħħ tal-bniedem qatt mhu se jkun kapaċi jeżawrixxi l-kobor tiegħu, lanqas bl-għajnuna tal-algoritmi l-aktar avvanzati. Fil-fatt, dawn ma joffrux tbassir garantit tal-ġejjieni, iżda biss jikkalkula b’mod ta’ statistika. Mhux kollox jista’ jitbassar, mhux kollox jista’ jiġi kkalkulat; fl-aħħar mill-aħħar “ir-realtà hija aqwa mill-ideat” [9] u, tkun kemm tkun kbira l-ħila tagħna li nikkalkulaw b’mod preċiż, dejjem se jifdal xi ħaġa li tkun inaċċessibbli u li taħrab minn kull tentattiv ta’ kejl.

Barra minn hekk, l-ammont kbir ta’ tagħrif analizzat mill-intelliġenza artifiċjali mhuwiex fih innifsu garanzija ta’ imparzjalità. Meta l-algoritmi jagħrblu t-tagħrif li jkollhom, dejjem għandhom ir-riskju li jgħawġuh, u hekk ikunu qed jirreplikaw l-inġustizzji u l-preġudizzji tal-ambjenti li fihom oriġinaw. Aktar ma jsiru mgħaġġla u kumplessi, iktar ikun diffiċli li wieħed jifhem għaliex waslu għal ċertu riżultat.

Il-magni “intelliġenti” jistgħu jaħdmu x-xogħol mogħti lilhom b’ħeffa dejjem ikbar, iżda l-iskop u t-tifsira tal-ħidma tagħhom se jkomplu jiġu determinati jew attivati ​​mill-bnedmin li jkunu maħkumin mill-valuri li jħaddnu. Ir-riskju huwa li l-kriterji għal ċerti deċiżjonijiet isiru inqas ċari, ir-responsabbiltà tad-deċiżjonijiet meħuda tkun moħbija, u li min qed jipproduċihom jista’ jaħrab mill-obbligu li jaġixxi għall-ġid tal-komunità. F’ċertu sens, dan huwa favorit mis-sistema teknokratika, li torbot l-ekonomija mat-teknoloġija u tiffavorixxi l-effiċjenza, li għandha t-tendenza li tinjora dak kollu li mhux marbut mal-interessi immedjati tagħha [10].

Dan għandu jwassalna biex nirriflettu fuq xi ħaġa li ta’ spiss tiġi injorata fil-mentalità  tagħna teknokratika u orjentata lejn l-effiċjenza, daqskemm hija deċiżiva għall-iżvilupp personali u soċjali: is-“sens tal-limitu”. Id-definizzjoni tal-bniedem hi li hu  mortali, jiġifieri li jmut. Issa meta aħna qed nippruvaw negħlbu kull limitu permezz tat-teknoloġija, f’xewqa ossessiva li nikkontrollaw kollox, inkunu qed nirriskjaw li nitilfu l-kontroll fuqna nfusna; fit-tfittxija għal libertà assoluta, nirriskjaw li naqgħu fix-xibka tad-“dittatorjat teknoloġiku”. Meta aħna nagħrfu u naċċettaw il-limiti tagħna bħala ħlejjaq, din hija kundizzjoni indispensabbli biex nilħqu, jew aħjar, biex nilqgħu t-twettiq bħala rigal. Fil-kuntest ideoloġiku ta’ mudell teknokratiku ispirat minn preżunzjoni Prometheana ta’ awtosuffiċjenza, l-inugwaljanzi jistgħu jikbru b’mod sproporzjonat, l-għarfien u l-ġid jispiċċaw f’idejn il-ftit, u r-riżultat ikun riskju gravi għas-soċjetajiet demokratiċi u li jistgħu jgħixu flimkien fil-paċi. [11]

5. Temi jaħarqu dwar l-etika

Fil-ġejjieni, l-idonjetà ta’ xi ħadd li japplika għal ipoteka jew għal xi xogħol, il-possibbiltà li persuna jkollha xi sentenza ta’ qorti jew tkun reċidiva, jew id-dritt li tirċievi ażil politiku jew assistenza soċjali, jistgħu jiġu determinati minn sistemi ta’ intelliġenza artifiċjali. In-nuqqas ta’ livelli diversifikati ta’ medjazzjoni li jintroduċu dawn is-sistemi huwa partikolarment espost għal forom ta’ preġudizzju u diskriminazzjoni: l-iżbalji tas-sistema jistgħu faċilment jimmultiplikaw ruħom, u jipproduċu mhux biss inġustizzji f’każijiet individwali iżda wkoll, forom reali ta’ inugwaljanza soċjali.

Barra minn hekk, kultant forom ta’ intelliġenza artifiċjali jidhru li għandhom il-ħila li jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet ta’ persuni permezz ta’ għażliet predeterminati, billi jħajruk jew le biex tagħżel xi ħaġa, jew billi jaħdmu b’tali mod li jirregolaw l-għażliet personali bbażati fuq kif inhu organizzat it-tagħrif li jkollhom. Dawn huma forom ta’ manipulazzjoni jew kontroll soċjali u jeħtieġu attenzjoni u superviżjoni bir-reqqa, u għandhom responsabbiltà legali ċara min-naħa ta’ dawk li jipproduċuhom, dawk li jħaddmuhom kif ukoll l-awtoritajiet tal-gvern.

Meta niddependu fuq proċessi awtomatiċi li jitfgħu lill-individwi f’kategoriji, pereżempju permezz tal-użu mifrux tas-sorveljanza jew meta jintużaw sistemi ta’ kreditu soċjali, jista’ wkoll ikollha riperkussjonijiet profondi fuq in-nisġa ċivili, billi toħloq klassiżmu mhux xieraq fost iċ-ċittadini. U dawn il-proċessi ta’ klassifikazzjoni artifiċjali jistgħu jwasslu wkoll għal kunflitti ta’ poter, u dan ma jsirx biss fuq livell, iżda wkoll fuq livell reali. Ir-rispett fundamentali għad-dinjità tal-bniedem  titlob li ma nħalltux ir-rispett lejn il-persuna li hija unika ma’ xi sett ta’ informazzjoni. L-algoritmi m’għandhomx jitħallew jiddeterminaw kif aħna nifhmu d-drittijiet tal-bniedem, jew inkella li jwarrbu l-valuri essenzjali tal-kompassjoni, il-ħniena u l-maħfra, jew jeliminaw il-possibbiltà li persuna tista’ tinbidel u tħalli l-passat warajha.

F’dan il-kuntest ma nistgħux ma nikkunsidrawx l-impatt ta’ teknoloġiji ġodda fuq il-post tax-xogħol: ħidmiet li darba kienu l-prerogattiva esklussiva tax-xogħol tal-bniedem, jiġu assorbiti mill-intelliġenza artifiċjali meta din tiġi applikata f’ambjent industrijali. Anke f’dan il-każ, hemm riskju kbir li l-ftit ikunu vantaġġjati b’mod sproporzjonat, filwaqt li l-ħafna jiftaqru. Ir-rispett għad-dinjità tal-ħaddiema u l-importanza tal-impjieg għat-titjib ekonomiku tal-persuni, familji u soċjetajiet, għas-sigurtà tal-impjiegi u l-pagi ġusti, għandhom ikunu prijorità għolja għall-komunità internazzjonali peress li dawn il-forom ta’ teknoloġija jidħlu aktar fil-fond fil-postijiet tax-xogħol tagħna.

6. Se nbiddlu x-xwabel f’sikek tal-moħriet?

F’dawn il-jiem, hekk kif inħarsu lejn id-dinja ta’ madwarna, ma nistgħux ma nagħmlux mistoqsijiet etiċi serji marbutin mas-settur tal-armi tal-gwerra. Il-ħila li jitwettqu operazzjonijiet militari permezz ta’ sistemi li jkunu kontrollati mill-bogħod, wasslet għal perċezzjoni tal-qerda li jistgħu jikkawżaw, u r-responsabbiltà kbira li hemm meta jintużaw, u dan għen biex inħarsu lejn it-traġedja kbira tal-gwerra bi bruda u b’mod distakkat. Ir-riċerka dwar teknoloġiji ġodda fil-qasam tal-hekk imsejħa Sistemi ta’ Armi Awtonomi Qerrieda, fosthom l-armi tal-intelliġenza artifiċjali, hija kawża għal tħassib etiku serju. Sistemi ta’ armi awtonomi qatt ma jistgħu jkunu suġġetti għal responsabbiltà morali. Il-kapaċità unika li għandu l-bniedem li jagħmel ġudizzju morali jew li jieħu deċiżjoni etika hija ħafna aktar minn ġabra kumplessa ta’ algoritmi, u dik il-kapaċità ma tistax tiġi ridotta għal sempliċiment ipprogrammar ta’ magna, li intelliġenti kemm tkun intelliġenti, dejjem tibqa’ magna. Għal din ir-raġuni, huwa meħtieġ li tiġi żgurata li l-bniedem jagħmel sorveljanza adegwata, sinifikanti u konsistenti tas-sistemi tal-armi.

Lanqas ma nistgħu ninjoraw il-possibbiltà li armi sofistikati jispiċċaw f’idejn żbaljati, li jiffaċilitaw, pereżempju, attakki terroristiċi jew interventi mmirati biex jiddestabilizzaw l-istituzzjonijiet ta’ sistemi leġittimi ta’ gvern. F’kelma waħda, id-dinja m’għandhiex bżonn ta’ teknoloġiji ġodda li jikkontribwixxu għall-iżvilupp inġust tal-kummerċ u l-kummerċ tal-armi, li mbagħad jispiċċaw jippromwovu l-ġenn tal-gwerra. B’hekk, mhux biss l-intelliġenza, iżda l-qalb tal-bniedem innifisha tirriskja li ssir dejjem aktar “artifiċjali”. L-iktar teknoloġiji avvanzati m’għandhomx jintużaw biex jiffaċilitaw it-tmiem tal-kunflitti permezz tax-tixrid tad-demm, iżda pjuttost biex iwittu t-triq għall-paċi.

Fuq nota aktar pożittiva, jekk l-intelliġenza artifiċjali tintuża biex tippromwovi l-iżvilupp uman sħiħ, allura din tista’ tkun mitlqu dehem fejn jidħlu sejbiet importanti fil-biedja, fl-edukazzjoni u fil-kultura,  u jitjieb il-livell tal-ħajja għal nazzjonijiet u popli sħaħ, u tikber il-fraternità bejn il-bnedmin u l-ħbiberija soċjali. Fl-aħħar mill-aħħar, il-mod kif nużawha biex ninkludu lill-iżgħar minn fost ħutna, lil dawk vulnerabbli u lil dawk l-aktar fil-bżonn, se jkun il-kejl veru ta’ kemm aħna umani.

Jekk tagħti ħarsa b’mod tassew uman, u jekk tixtieq ġejjieni aħjar għad-dinja tagħna, żgur tara l-ħtieġa għal djalogu inter-dixxiplinarju mmirat lejn żvilupp etiku ta’ algoritmi – algor-etika – li fih hemm il-valuri li se jsawru x’direzzjoni se jieħdu t-teknoloġiji ġodda. [12] Il-kunsiderazzjonijiet etiċi għandhom jitqiesu wkoll mill-bidu nett tar-riċerka, u jkomplu permezz tal-fażijiet tal-esperimentazzjoni, id-disinn, il-produzzjoni, it-tqassim u l-kummerċjalizzazzjoni. Dan huwa l-mod kif għandna nimxu, permezz tal-etika, u huwa wieħed li fih l-istituzzjonijiet edukattivi u dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet għandhom rwol essenzjali.

7. Sfidi għall-edukazzjoni

L-iżvilupp ta’ teknoloġija li tirrispetta u taqdi d-dinjità tal-bniedem għandha impatt ċar fuq l-istituzzjonijiet edukattivi tagħna u d-dinja tal-kultura. Minħabba li żidna l-possibilitajiet tal-komunikazzjoni, it-teknoloġiji diġitali ppermettewlna niltaqgħu ma’ xulxin b’modi ġodda. Madankollu għad hemm ħtieġa ta’ riflessjoni serja dwar it-tipi ta’ relazzjonijiet li dawn it-teknoloġiji qed imexxuna lejhom. Iż-żgħażagħ tagħna qed jikbru f’ambjent kulturali miżgħud mit-teknoloġija, u dan ma jistax ma jkunx ta’ sfida għall-metodi tagħna ta’ tagħlim, edukazzjoni u taħriġ.

L-edukazzjoni ta’ kif nużaw forom ta’ intelliġenza artifiċjali għandha timmira fuq kollox biex tinkoraġġixxi l-ħsieb kritiku. Kull min juża l-intelliġenza artifiċjali, tkun xi tkun l-età, iżda speċjalment iż-żgħażagħ, jeħtieġ li jiżviluppaw mod għaqli kif jużaw tagħrif u kontenut miġbura fuq l-internet jew maħdum minn sistemi ta’ intelliġenza artifiċjali. L-iskejjel, l-universitajiet u s-soċjetajiet xjentifiċi għandhom din l-isfida, li jgħinu lill-istudenti u lill-professjonisti biex jifhmu l-aspetti soċjali u etiku tal-iżvilupp u l-użu ta’ din it-teknoloġija.

It-taħriġ fl-użu ta’ mezzi ġodda ta’ komunikazzjoni għandu jqis ukoll mhux biss id-diżinformazzjoni, il-“fake news”, iżda wkoll nerġgħu naqgħu f’ “ċerti biżgħat tal-passat… li setgħu jinħbew u jinfirxu wara teknoloġiji ġodda”. [13] Sfortunatament, għal darb’oħra qed insibu lilna nfusna niġġieldu “t-tentazzjoni li nibnu kultura tal- ħitan, li ngħollu l-ħitan… sabiex nevitaw li niltaqgħu ma’ kulturi oħra u popli oħra”, [14] u hekk qed inxekklu li niżviluppaw il-kultura li nistgħu ngħixu flimkien u fil-paċi.

8. Sfida biex tiġi żviluppata liġi internazzjonali

Hija ħaġa ċara li minħabba l-firxa wiesgħa tal-intelliġenza artifiċjali mad-dinja kollha, hija responsabbiltà tal-istati sovrani li jirregolaw l-użu tagħha internament, imma wkoll l-organizzazzjonijiet internazzjonali jista’ jkollhom sehem deċiżiv biex jintlaħaq ftehim multilaterali li jikkoordina l-applikazzjoni u l-infurzar. [15] F’dan ir-rigward, inħeġġeġ lill-komunità globali tan-nazzjonijiet biex taħdem flimkien sabiex tadotta trattat internazzjonali li jkun jorbot, u li jirregola l-iżvilupp u l-użu tal-intelliġenza artifiċjali fil-ħafna forom tagħha. L-għan tar-regolamentazzjoni, naturalment, m’għandux ikun biss sabiex din ma tintużax biex issir il-ħsara, iżda wkoll sabiex tinkoraġġixxi l-aħjar użu, billi jrawwem toroq ġodda u kreattivi u jinkoraġġixxi inizjattivi individwali jew ta’ gruppi. [16]

Fit-tfittxija għal mudelli normattivi li jistgħu jipprovdu gwida etika għall-iżviluppaturi tat-teknoloġiji diġitali, huwa indispensabbli li jiġu identifikati l-valuri umani li għandhom imexxu l-isforzi biex jiġi formulat, adottat u infurzat qafas  regolatorju tant meħtieġ. Ix-xogħol ta’ abbozzar ta’ linji gwida etiċi għall-produzzjoni ta’ forom ta’ intelliġenza artifiċjali ma jistax ma jagħtix każ ta’ kwistjonijiet aktar profondi dwar it-tifsira tal-eżistenza tal-bniedem, il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem u l-ħidma favur il-ġustizzja u l-paċi. Dan il-proċess ta’ dixxerniment etiku u ġuridiku jista’ jkun opportunità prezzjuża għal riflessjoni li għandna nagħmlu flimkien dwar ir-rwol li għandu jkollha t-teknoloġija fil-ħajja individwali u komunitarja tagħna, u kif l-użu tagħha jista’ jikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ dinja aktar ġusta u umana. Għal din ir-raġuni, fid-dibattiti dwar ir-regolamentazzjoni tal-intelliġenza artifiċjali, għandhom jinstemgħu l-vuċijiet tal-partijiet interessati kollha, inkluż tal-fqar, ta’ dawk li m’għandhomx setgħa u oħrajn li ħafna drabi ma jinstemgħux fil-proċessi globali meta jittieħdu d-deċiżjonijiet.

* * *

Nittama li din ir-riflessjoni tkun ta’ kuraġġ sabiex fl-isforzi li jsiru, jiġi żgurat li l-iżvilupp ta’ forom ta’ intelliġenza artifiċjali, fl-aħħar mill-aħħar, iservi ta’ ġid għall-fraternità umana u għall-paċi. Din mhijiex ir-responsabbiltà ta’ ftit, imma tal-familja kollha tal-bnedmin. Għax il-paċi hija frott ta’ relazzjonijiet li jagħrfu u jilqgħu lill-oħrajn fid-dinjità sħiħa tagħhom, u ta’ koperazzjoni u impenn fit-tfittxija tal-iżvilupp integrali tal-individwi u l-popli kollha.

It-talba tiegħi fil-bidu tas-Sena l-Ġdida hija li l-iżvilupp mgħaġġel ta’ forom ta’ intelliġenza artifiċjali ma jżidx il-każijiet li diġà għandna ta’ nuqqas ta’ ugwaljanza u ta’ inġustizzji fid-dinja tal-lum, iżda jgħin biex jintemmu l-gwerer u l-kunflitti, u li ttaffi ħafna forom ta’ tbatija li jolqtu lill-familja umana tagħna. Jalla dawk li jħaddnu l-fidi nisranija, kif ukoll segwaċi ta’ diversi reliġjonijiet, kif ukoll irġiel u nisa ta’ rieda tajba jaħdmu flimkien f’armonija sabiex iħaddnu l-opportunitajiet u jikkonfrontaw l-isfidi li ġġib magħha r-rivoluzzjoni diġitali u b’hekk jgħaddu lill-ġenerazzjonijiet futuri dinja ta’ solidarjetà, ġustizzja u paċi akbar.

Sors: laikos.org