Bla ma riedet il-Knisja inqabdet f’kontroversja wara li l-Aġenzija tar-Reġistrazzjoni tal-Artijiet aċċettat ir-reġistrazzjoni ta’ meded ta’ art f’Għawdex, li ħalliet lir-residenti inċerti dwar jekk għandhomx titlu legali fuq djarhom.

Din l-art ġiet reġistrata f’isem il-Fondazzjoni Abbazia San Antonio Delli Navarra, li kienet twaqqfet min-nobbli Cosmana Cumbo Navarra fl-1675, wara l-pubblikazzjoni ta’ avviż legali fl-2019 li fetaħ dawn il-meded t’art bħala żoni ta’ reġistrazzjoni.

L-akkuża li saret lill-Knisja hi li ppermettiet li din is-sitwazzjoni sseħħ wara li allegatament ċediet il-kontroll fuq il-fondazzjoni għal €200,000. Din l-akkuża hi inġusta u mhux vera.

Din l-istorja bdiet meta Cumbo Navarra, li qatt ma kellha tfal, ħalliet artijiet lill-fondazzjoni li kienet waqqfet hi stess biex tippromwovi kawżi piji speċifiċi. Kienet iddeterminat li l-amministratur tal-fondazzjoni jkun lajk jew saċerdot ippreżentat mill-werrieta tagħha bħala patruni, u approvat mill-isqof.

Il-fondazzjoni, li dak iż-żmien kienet meqjusa bħala benefiċċju ekkleżjastiku mill-Knisja, kienet amministrata minn saċerdoti għal ħafna snin. Madanakollu, wara l-mewt ta’ Dun Saverin Bianco fl-1989, Richard Stagno Navarra stqarr li hu eredi leġittimu li kellu d-dritt li jiġi nominat u sussegwentement maħtur bħala amministratur.

Il-petizzjoni tiegħu lill-Kurja ġiet miċħuda fl-1992 minħabba li ma kienx saċerdot, iżda l-Qrati f’Għawdex sussegwentement approvaw l-applikazzjoni tiegħu fi żmien 24 siegħa minn meta l-każ tiegħu ġie ppreżentat.

Il-Kurja kkontestat din id-deċiżjoni u bdiet proċeduri legali li baqgħu għaddejjin għal aktar minn 20 sena, iżda s-sentenzi rnexxielha tiksibhom biss fl-2010 u fl-2013 u ddikjaraw li l-Arċisqof kellu d-dritt jaħtar amministratur. Iżda l-Qrati ma tawx pussess tal-fondazzjoni lill-Knisja u qatt ma tefgħu dubju dwar l-istatus ta’ Richard Stagno Navarra bħala eredi leġittimu. Il-Qrati stabbilixxew li l-fondazzjoni kienet entità lajka u konsegwentement kwalunkwe proprjetà li kienet tagħha ma kinitx ekkleżjastika.

Il-Knisja kellha għażla: li terġa’ tibda battalja legali fit-tul jew li tasal għal soluzzjoni mal-familja Stagno Navarra.

Fuq parir legali, u wara approvazzjoni mill-Kumitat Finanzjarju Djoċesan, l-Arċisqof wasal għall-konklużjoni li jekk jibqgħu għaddejjin b’battalja legali kienet se tiswa ħafna flus u x’aktarx kienet se tkun għalxejn, u fl-2017 qabel li jiġi ffirmat ftehim li fih il-Knisja rrikonoxxiet formalment id-deċiżjonijiet tal-Qorti li jirrikonoxxu lill-werrieta leġittimi.

Skont it-termini stabbiliti mill-fundatriċi, taħt dan il-ftehim il-Knisja rċeviet somma kapitali (€200,000), li l-imgħax minnha kien jippermettilha tkompli tonora l-obbligi piji, fosthom iċ-ċelebrazzjoni tal-quddies.

Madankollu, l-Arċisqof ma setax jinnomina l-amministratur tal-fondazzjoni – dik kienet il-prerogattiva tal-werrieta. L-uniku dritt li żamm kien li japprova l-kandidat jew wieħed mill-kandidati, li huma jressqu. Barra minn hekk, l-Arċisqof ipprefera li jċedi d-dritt li kellu li jipprojbixxi għotjiet individwali għax ma ħassx li hu xieraq li jidħol fi tranżazzjonijiet individwali ta’ art li ma kinitx tal-Knisja.

Sussegwentement, l-eredi ppreżentaw bħala amministratur lajk lil Dr Patrick Valentino, flimkien ma’ saċerdot. It-tnejn kienu meqjusa bħala denji, iżda l-Arċisqof ma xtaqx li jkollu saċerdot involut fl-amministrazzjoni ta’ propjetà li tappartjeni għal organizzazzjoni lajka.

Wara li ntlaħaq ftehim mal-familja, ġie ppubblikat avviż legali li jestendi żoni ta’ reġistrazzjoni obbligatorja biex jinkludu partijiet minn Għawdex, bħal Għajnsielem u n-Nadur. Il-fondazzjoni sussegwentement irreġistrat kważi 28,000 metru kwadru ta’ art f’isimha. Dan hu li qanqal inċertezza fost ir-residenti.

Il-proprjetà tal-fondazzjoni tappartjeni lill-fondazzjoni nnifisha, li hi separata u awtonoma mill-patruni u mill-Knisja.

L-att jorbot lill-amministratur biex jiżgura l-integrità u l-ħarsien tal-proprjetà, u jawtorizzah jagħti proprjetà b’ċens temporanju jew perpetwu, iżda mhux b’bejgħ dirett. F’każijiet ta’ art mogħtija b’ċens temporanju, l-amministratur għandu jimxi mal-Liġijiet ta’ Malta u l-ġurisprudenza lokali malli jiskadi ċ-ċens temporanju.

L-amministratur għandu d-dmir li jiddefendi d-drittijiet legali tal-fondazzjoni, iżda l-Knisja – filwaqt li tibqa’ tirrispetta d-deċiżjonijiet tal-qorti – tagħmel appell mill-qalb biex jipprevalu soluzzjonijiet ġusti.

Dan l-artiklu ġie ppubblikat f’‘The Sunday Times of Malta’ fl-24 ta’ Ottubru 2021.