Bdew it-tħejjijiet biex fil-futur qarib il-fdalijiet tal-Qaddejja ta’ Alla Henry u Inez Casolani ikunu trasferiti għall-qima tal-pubbliku miċ-ċimiterju tal-Addolorata għall-knisja ta’ Santu Wistin il-Belt Valletta.
Fi stqarrija tal-Assoċjazzjoni ta’ Henry and Inez Casolani ntqal li nhar it-Tnejn 5 ta’ Ġunju ġie ffirmat ftehim bejn il-Provinċja Agostinjana u l-Assoċjazzjoni għal dan it-trasferiment.
Il-koppja Casolani iżżewġu fl-1944 fil-Knisja ta’ Santu Wistin il-Belt fejn rabbew lil binthom Cecilia Mary li fl-età ta’ 19 il-sena ingħaqdet mas-Sorijiet ta’ San Ġużepp tal-Apparizzjoni. Fl-istess Knisja huma saru terzjarji agostinjani. Inez Casolani mietet b’famata’ qdusija fl-1992. Henry Casolani miet seba’ snin wara b’famata’ qdusija ukoll.
Intqal li bħalissa numru ta’ persuni qegħdin jagħtu x-xhieda tagħhom lit-Tribunal li ġie mwaqqaf mill-Arċisqof Charles Scicluna fl-2015, biex jistudja l-ħajja u l-virtujiet tal-koppja Casolani.
L-atti tal-investigazzjoni jittieħdu l-Vatikan biex jiġu studjat iukoll mid-Dikasteru tal-Kawżi tal-Qaddisin.
Sadanittant qed jinġabru wkoll xhieda ta’ għadd kbir ta’ grazzji maqglugħa bl-interċessjoni ta’ Henry u Inez Casolani.
Fl-omelija tiegħu, fil-ftuħ tal-Proċess fl-2015, l-Arcisqof Scicluna iddiskriva lil Henry u Inez Casolani bħala ‘l-balzmu li dewwew il-feriti u l-ġerħa ta’ tant familji.’
Sors: Newsbook.com.mt