Wara l-mewt tal-Arċipriet Dun Eric Overand,
wara li l-Awtoritajiet tal-Knisja kienu kkonsultaw lis-Soċjetajiet Soċjali marbuta mal-Festa taż-Żejtun li lkoll qablu li joqgħodu għad-deċizjoni tal-Kurja, u
wara li fid-9 ta’ Mejju l-Kurja ħabbret li tħassret din il-Festa,
Monsinjur Arċisqof, kif kien mitlub, iddeċieda li jikkonsidra mill-ġdid din id-deċiżjoni. Għalhekk saret proposta lill-istess Soċjetajiet li ssir Festa b’attivitajiet imnaqqsa. Fit-22 ta’ Mejju 2013, Dun Gino Gauci, bħala l-Amministrattur Parrokkjali, ressaq din il-proposta f’forma ta’ working paper quddiem is-Soċjetajiet.
Fi tmiem il-laqgħa, il-konklużjoni tas-Soċjetajiet imsemmija kienet din: “L-Għaqdiet Banda Beland, Banda Żejtun, l-Għaqda tan-Nar u l-Għaqda tal-Armar iltaqgħu flimkien mal-Amministratur u rappreżentant tal-Kleru tal-parroċċa taż-Żejtun biex jiddiskutu working paper fuq il-festa ta’ Santa Katarina li għandha ssir fis-16 ta’ Ġunju u peress li l-Kurja f’Malta hi ppreparata li tvarja d-deċiżjoni tagħha fl-istqarrija tad-9 ta’ Mejju 2013, l-istess għaqdiet isostnu li l-festa ma titħassarx u kollox isir bħas-soltu. Nitolbu risposta urġenti”.
Fid-dawl ta’ din il-konklużjoni tal-Għaqdiet, l-Awtoritajiet tal-Knisja ħadu d-deċiżjoni finali li għal din is-sena, jitħassru ċ-ċelebrazzjonijiet kollha li ssoltu jsiru fil-knisja u fit-toroq fl-okkażjoni tal-Festa ta’ Santa Katarina fiż-Żejtun.