L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Matul il-Ħdud li għaddew smajna l-kapitlu 6 ta’ San Ġwann, u illum nisimgħu l-aħħar versi tiegħu. F’dan il-kapitlu Ġesù tkellem fuqu nnifsu bħala “il-ħobż li niżel mis-sema” (Ġw 6:58). Kienet xi ħaġa diffiċli ħafna biex il-Lhud ta’ żmienu jifhmuha u jilqgħuha, meta mbagħad insista li hu se jagħti lilu nnifsu għalina fl-Ewkaristija fil-ġisem u d-demm tiegħu. Meta semgħuh jgħid li ġismu hu ikel tassew u demmu hu xorb, tassew tfixklu.
Il-Vanġelu tal-lum jibda propju minn dan il-mument meta lil min qed jisimgħu fis-Sinagoga ta’ Kafarnum, urihom il-qalb tiegħu, il-proġett tiegħu, u anke min hu. Huma jafuh bħala Ġesù ta’ Nazaret, il-mastrudaxxa, it-tifel ta’ Ġużeppi il-mastrudaxxa, it-tifel ta’ Marija ta’ Nazaret. Iżda hu jinsisti li hu jagħti l-ħajja ta’ dejjem, hu l-ħobż ħaj li niżel mis-sema, li hu l-qawmien u l-ħajja, min jiekol ġismu u jixrob demmu jibqa’ fih u hu fih.
Kliem straordinarju li min kien jaf lil Ġesù dan il-kliem jaf ifixklu. Imma Ġesù ma jirtirax il-kelma tiegħu, ma jistax jiċħad lilu nnifsu, ma jistax iqarraq bina billi jurina li hu xi ħaddieħor li mhux. Hu jinsisti li l-kliem tiegħu huwa spirtu u ħajja. Jekk aħna nilqgħuhom inkunu parti mill-familja tiegħu.
Il-Vanġelu tal-lum jinsisti fuq xi ħaġa li tajjeb naħsbu fuqha, b’mod speċjali meta t-tfal tagħna jitfarfru u jibdew jitbiegħdu ftit mill-prattika tal-quddies jew inkella tal-Knisja. Jasal il-mument meta t-tfal tagħna jridu jagħmlu għażla —mhux għax għedtilhom inti jew qaltilhom in-nanna jew il-bużnanna — imma għaliex iltaqgħu ma’ Ġesù u għażluh.
Lit-Tnax, Ġesù tahom il-missjoni biex, f’ismu, iħabbru s-saltna t’Alla u jpoġġilhom din il-mistoqsija: “Tridux titilqu intom ukoll?” (Ġw 6:67). Il-mistoqsija ta’ Ġesù mhix mistoqsija ta’ xi ħadd irrabjat imma hi proposta ta’ għażla importanti.
L-aħwa, hu qed jgħidilna dak li dak li qalilna huwa veru: li huwa spirtu u ħajja. Ġesù ma jisfurzaniex biex nemmnuh għax il-fidi hija għażla, l-għażla li temmen f’Ġesù u tkun parti mill-familja tiegħu. Allura, tissieħeb f’dak kollu li qed joffrilna u tilqa’ d-don li qed jagħtina lilu nnifsu “Tridux titilqu intom ukoll?”.
L-ewwel qari tal-lum jippreżenta l-episodju mill-ħajja ta’ Ġożwè, li kien suċċessur ta’ Mosè, u lill-poplu Lhudi jpoġġilu din id-domanda. Issa dħalna f’Kanan, hawnhekk hawn ħafna allat tal-ġebel tal-bronż u tal-injam, u kulħadd jinżel għarkupptejh quddiemhom donnhom kienu huma li ħalqu d-dinja.
Ġożwè jgħidilhom: “Jekk ma jogħġobkomx taqdu l-Mulej, għażlu llum lil min tridu taqdu; jekk hux l-allat li kienu jaqdu missirijietkom lil hemm mix-xmara, jew l-allat tal-Amurrin li f’arthom qegħdin tgħammru. Imma jien u dari naqdu l-Mulej” (Ġoż 24:15). Ġożwè qed ipoġġi għażla quddiem il-poplu Lhudi. Ġesù jagħmel l-istess “Tridux titilqu intom ukoll?” Mhux se jagħti skont fuq dak li qalilna u fuq il-wegħdiet tiegħu, għax ma’ Ġesù ma hemmx roħs jew skont, ħlief meta jiġi biex jaħfer; hemmhekk imbagħad hemm benefiċċji kbar.
Pietru wieġeb f’isimna lkoll: “Mulej, għand min tridna mmorru?” (Ġw 6:68). Immorru quddiem xi statwa tal-ġebel jew tal-injam? Immorru quddiem in-nies ta’ din id-dinja jew quddiem il-flus? Pietru jikkonferma għaliex laqa’ il-kliem ta’ Ġesù: “Jiena hu l-ħobż il-ħaj, li niżel mis-sema. Jekk xi ħadd jiekol minn dan il-ħobż jgħix għal dejjem. U l-ħobż li jiena nagħti huwa ġismi għall-ħajja tad-dinja” (Ġw 6:51). Fil-fatt, Pietru jgħid lil Ġesù li hu l-kliem tal-ħajja ta’ dejjem, kliem li jekk nobduhom u nimxu fuqhom ngħixu ta’ nies u nibdew ingawdu l-hena u l-paċi li jagħtina hu stess minn din id-dinja. Dan kollu jfisser li neħilsu mis-salib? Le, Ġesù ma qalx hekk. Kien jaf min se jiċħdu.
Jekk naqraw sew kapitlu 6 ta’ San Ġwann, nirrealizzaw il-kliem qawwi li Ġesù jgħid f’dan il-kapitlu, u tgħid imma l-għażla tiegħi x’inhi? Jew nemmen dal-kliem jew ninjorah, imma jekk nemmnu fih hemm ħajja sabiħa. Kliem straordinarju li fit-triq tagħna jgħinuna ngħixu ħajjitna bil-kwiet.
Il-ħsieb tiegħi llum ikompli fuq it-tieni qari, li normalment ma jkollux x’jaqsam la mal-Vanġelu u lanqas mal-ewwel qari. Is-silta mill-Ittra ta’ San Pawl Missierna lill-Efesin li qrajna llum hija attwali ħafna. San Pawl jitkellem dwar il-ħajja tal-miżżewġin u jqabbilha ma’ Kristu u l-Knisja u jirrepeti xi ħaġa li nsibuha fil-ktieb tal-Ġenesi, li hu l-ewwel ktieb tal-Bibbja: “Għalhekk ir-raġel iħalli lil missieru u ’l ommu u jingħaqad ma’ martu, u jsiru t-tnejn ġisem wieħed” (Efes 5:31). Għal Ġesù dan huwa żwieġ bejn żewġ persuni li jinħabbu, fejn il-mara u r-raġel isiru ġisem wieħed. Mhux biss fiżikament imma anke emottivament u spiritwalment. Din l-għaqda Alla għamilha sagrament. X’jiġifieri? Dan hu sinjal ta’ kemm iħobbna u tar-rabta ta’ Ġesù mal-Knisja. U San Pawl tant kien jaf din il-ħaġa, li huwa l-appostlu li l-aktar tkellem u kiteb fuqha. Dan għaliex l-ewwel darba li ltaqa’ ma’ Ġesù fit-triq ta’ Damasku lil Ġesù semgħu jgħidlu hekk: “Sawl, Sawl, għaliex qiegħed tippersegwitani? (Atti 9:4). Pawlu ma kienx ra jew iltaqa’ ma’ Ġesù qabel ma miet u qam mill-imwiet, iżda Ġesù jistaqsih għaliex qed jippersegwitah. Għalkemm Pawlu kien qed jippersegwita lill-Insara, Ġesù jgħidlu li qed jippersegwita lilu.
San Pawl qatta’ ħajtu kollha jirrifletti fuq il-kelma li sema’ fit-triq ta’ Damasku u jasal għall-konklużjoni li dak li qed jagħmel għall-Knisja, qed jagħmlu wkoll għal Ġesù għax Ġesù u l-Knisja huma ġisem wieħed. Għalhekk, l-Appostlu Missierna juża s-sagrament taż-żwieġ bħala sinjal ta’ kemm aħna ħaġa waħda ma’ Ġesù.
Innutaw ukoll l-aħħar kelma ta’ San Pawl, li għalkemm hi miktuba aktar 2,000 sena ilu, għadha rilevanti sal-lum. Fi żmien San Pawl, il-mara kienet meqjusa tat-tieni klassi, u għad għandna kulturi u twemmin li lill-mara ma jirrispettawhiex kif suppost. Min irid jifhem, ħa jifhem. Imma t-tagħlim tagħna l-Insara mhuwiex hekk, għax il-mara u r-raġel għandhom l-istess dinjità, u hekk għandha tkun il-ħajja taż-żwieġ. Il-vjolenza kemm fuq il-mara kif ukoll fuq ir-raġel fiż-żwieġ hija ferita għall-vokazzjoni li wieħed jgħix l-imħabba u r-rispett lejn id-dinjità tas-sieħeb jew sieħba tiegħek.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta