Meta nisimgħu l-kliem ‘fidi’ u ‘sport’ kemm nassoċċjawhom flimkien?

Newsbook.com.mt tkellem ma’ Fr Bernard Micallef li għal dawn l-aħħar seba’ snin kien membru tal-Kummissjoni Djoċesana Sport. Bejn il-5 u s-17 ta’ Lulju, hu flimkien ma’ tim ta’ chaplains minn madwar id-dinja kellhom l-opportunità li jservu waqt il-kampjonat dinji tal-paratletika li seħħ f’Pariġi.

Hu spjega li kienu tim ta’ 13-il chaplain, hu kien l-uniku qassis Kattoltiku, biss kien hemm oħrajn li huma protestanti minn denominazzjonijiet differenti, u anke Musulman.

Huma kienu preżenti biex iservu lill-atleti, qrabathom, il-kowċis u anke lill-voluntiera,“bħala Knisja Kattoliku rridu nkomplu nieħdu sehem f’dawn it-tip t’attivitajiet sportivi.”

Ic-chaplains kienu kollha jħobbu l-isport u familjari mad-dinja tal-isport, tant li kien hemm wieħed li hu paratleta u ieħor eks atleta għaldaqstant b’dil-esperjenza setgħu jirrelataw aktar, anke f’mumenti ta’ qtigħ il-qalb u ta’ disfatta.

Mistoqsi dwar kif huma setgħu jkunu ta’ servizz hu spjega li għamlu l-ewwel tlett ijiem jippreparaw bejniethom, iduru l-lukandi li fihom kien hemm id-delegazzjonijiet u jmexxu l-kelma dwar is-servizz tagħhom filwaqt li spjegaw l-irwol tagħhom.

Meta beda l-logħob, kienu jinqasmu f’żewġ timijiet, kellhom kmamar viċin l-istadium fejn isir il-logħob, u kienu qed joffru spazju għall-voluntiera u l-familjari biex jiftħu qalbhom, jitkellmu fuq affarijiet personali u spiritwali. Fr Bernard stqarr li din kienet opportunità sabiħa biex “titlob għalihom jew magħhom”. Imbagħad kien hemm tim iehor fl-istadiums, preżenti waqt il-logħob biex setgħu ikunu kemm jista’ jkun disposti għal kulħadd.

Din kienet l-ewwel darba li pajjiż sekulari bħal Franza aċċetta li jkun hemm servizzi ta’ chaplains f’dawn il-kampjonati sportivi. Spjega li din dejjem tiġi mill-pajjiż li jkun qed jorganizza, x’servizzi li lesti li huma joffru biss irrimarka kif dan is-servizz intlaqa’ tajjeb anke min-nies fl-amministrazzjoni.

Interessanti, li hu mar hemm biex jiffoka fuq l-atleti imma kien hemm aktar mumenti ta’ diskussjoni ma’ voluntiera li bdew jgħinu b’mod prattiku. Mitlub issemmi mument speċjali waqt dan il-kampjonat Fr Bernard qal li kien hemm dan il-ġuvni ġej mill-Knisja Luterana, ma ried li ma ried ikellmu xejn meta skopra li hu Kattoliku, iżda sal-aħħar tant irnexxielhom jibnu rapport tajjeb li spiċċaw jgħajjatlu biex jieħdu ritratt flimkien. Din hija opportunità t’evanġelizazzjoni f’postijiet fejn ikun hemm persuni li qatt ma semgħu b’Ġesù Kristu.

Bħala Kummissjoni Djoċesana Sport f’Ottubru ħa jibdew kors mal-Pastoral Formation Institute (PFI) biex jippreżentaw aktar l-idea ta’ Sport Ministry, u x’valuri joħorġu minn dan kollu. Hu ħeġġeġ persuni li jħobbu l-isport biex ifittxu aktar informazzjoni u japplikaw biex isiru jafu aktar dwar dan.

Filwaqt li f’Malta se tkun qed issir il-European Christian Sports Union attività li fiha diversi membri mill-Ewropra kollha se jinġabru hawnhekk. Fr Bernard għalaq billi semma li huma qegħdin ta’ servizz ukoll għall-gruppi, persuni li jkunu jixtiequ jesploraw aktar din ir-realtà kemm fuq livell individwali kif ukoll fuq livell ta’ gruppi u ta’ knisja jistgħu jagħmlu kuntatt magħhom.

Sors: Newsbook Malta