L‑Arċisqof Charles Scicluna inawgura ċ‑ċentru l‑ġdid tal‑Life Network Foundation bl‑isem ta’ Id f’Id nhar il-Ħamis 14 ta’ Settembru 2023. Dan se jipprovdi għajnuna materjali lil nisa li qed jistennew tarbija u familji żgħażagħ li qed irabbu tfal żgħar, li bħalissa għaddejjin minn ċerti diffikultajiet tal‑ħajja.

Il‑ftuħ ta’ Id f’Id ikompli jsaħħaħ is‑servizzi ħolistiċi ta’ sapport offruti mil‑Life Network Foundation lil nisa tqal fil‑bżonn. Dawn jinkludu servizz ta’ helpline u chatting ta’ 24 siegħa kuljum; Dar Tgħanniqa ta’ Omm fil‑Mosta li tagħti kenn lil ommijiet li qed jistennew tarbija u li spiċċaw bla dar; u counselling u servizzi oħra fil‑komunità. Is‑servizzi kollha jingħataw minn tim professjonali dedikat, u bla ħlas.

Waqt l‑inawgurazzjoni u t‑tberik taċ‑ċentru, l‑Arċisqof Charles Scicluna qal, “Illum l‑ebda mara li qed tistenna tarbija m’għandha bżonn tħossha waħedha. Dan għaliex diġà jeżistu servizzi professjonali u bla ħlas li joffru appoġġ ħolistiku. Bħala soċjetà irridu nkunu preżenti fil‑ħajja ta’ dawn in‑nisa sabiex ikunu jistgħu jagħmlu l‑għażla kuraġġuża li jagħtu prijorità lill‑ħajja. Irridu wkoll li mill‑kliem ngħaddu għall‑fatti sabiex nagħtu lin‑nisa għażliet reali, għażliet li jgħinuhom jifirħu bil‑maternità tagħhom u jiċċelebraw id‑don ta’ ħajja ġdida.”

Fl‑aħħar erba’ snin, il‑Life Network Foundation għenet regolarment iktar minn 200 familja. Riċentament twieldet ukoll il‑100 tarbija li l‑omm jew il‑ġenituri tagħha ngħataw għajnuna minn Life Line, servizz ieħor offrut minn Life Network Foundation.

“Il‑ftuħ ta’ dan iċ‑ċentru jimmarka pass ieħor importanti fil‑missjoni tagħna biex nappoġġjaw ommijiet tqal, trabi u tfal żgħar fil‑komunità tagħna,” qalet Dr Miriam Sciberras, Kap Eżekuttiv tal‑Life Network Foundation.

Dan iċ‑ċentru, li qabel kien ħanut tal‑fjuri u li issa nbidel kompletament, infetaħ bil‑għajnuna tal‑isponsors u l‑voluntiera, biex ikun jista’ jipprovdi ħwejjeġ tat‑trabi, affarijiet għal matul it‑tqala, lożor, ġugarelli u affarijiet oħra meħtieġa mill‑ġenituri. 

Iċ‑ċentru se jgħin biex jinġabru l‑affarijiet li jingħataw b’donazzjoni mill‑pubbliku, u mbagħad issir is‑separazzjoni, l‑organizzazzjoni u d‑distribuzzjoni tagħhom. Ikel tat‑trabi, affarijiet għal waqt il‑ħlas fl‑isptar, affarijiet għat‑trabi u t‑tqala, u ħwejjeġ tat‑tfal jitqassmu lir‑residenti f’Dar Tgħanniqa u lil dawk li jagħmlu użu mis‑servizz komunitarju. Donazzjonijiet fi flus jiġu aċċettati biex jinxtraw affarijiet oħra meħtieġa sabiex jitmexxa dan is‑servizz. 

Iċ‑ċentru Id f’Id jinsab f’495, Triq il‑Kbira San Ġużepp, Santa Venera. Għal aktar tagħrif ċempel 77115433 jew żur www.lifenetwork.eu u www.lifelinemalta.eu.

Aktar ritratti