Nirreferu għall-istqarrija mxandra fl-Istampa mill-Għaqda Każini tal-Banda fejn intqal li l-Għaqda ssospendiet il-Ftehim li sar mal-Kurja f’Diċembru 2011.

Il-Kurja tixtieq tfakkar żewġ prinċipji ġenerali. L-ewwel, li ftehim jintlaħaq u jkun iffirmat biex jiġi rispettat miż-żewġ naħat. It-tieni, li l-Ftehim sar bejn iż-żewġ naħat u allura jista’ jinbidel biss bi ftehim ieħor bejn iż-żewġ naħat. Għalhekk, sakemm jintlaħaq xi forma ta’ ftehim ġdid, il-Ftehim eżisteni jibqa’ jgħodd.

Dwar dak li qalet l-Għaqda, li l-permessi marbutin mal-każini tal-banda għandhom ikunu regolati mill-Awtoritajiet Ċivili biss, imkien fil-Ftehim ma hemm xi ħaġa kontra dan.

Minkejja dan, il-Kurja xorta aċċettat li tiddiskuti mal-Għaqda Każini tal-Banda biex tara x’diffikultajiet qed tara f’dan il-Ftehim u qabel il-ħruġ ta’ din l-istqarrija kienet ffissata laqgħa miftehma bejn iż-żewġ naħat. Infakkru li dawn l-isforzi kollha qed isiru biex fit-toroq tagħna nkunu nistgħu ngawdu l-aspett ċivili u kulturali tal-Festi Reliġjużi tagħna f’atmosfera sabiħa u ċivili.