Il-grupp ta’ Maltin li qed jattendu għaċ-ċelebrazzjonijiet tal-Jum Dinji taż-Żgħażagħ huwa ffurmat minn madwar mitt persuna, bejn żgħażagħ li telgħu minn Malta, u dawk li jinsabu l-Brażil għall-volontarjat. Id-delegazzjoni Maltija qed tiġi koordinata mill-Kummissjoni Djoċesana Żgħażagħ (KDŻ) u qed titmexxa mill-Isqof Charles J. Scicluna.
Wara li llejla jattendu għall-velja ta’ talb, matul il-lejl li ġej iż-żgħażagħ Maltin ser jikkampjaw fuq il-bajja ta’ Capocabana biex jilħqu post għall-Quddiesa li ser jiċċelebra għada l-Papa Franġisku. Din il-Quddiesa ser ġġib fi tmiem iċ-ċelebrazzjonijiet ufficjali tal-Jum Dinji taż-Żgħażagħ, u għaliha mistennija jattendu madwar żewġ miljun ruħ.