L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Min jaf kemm-il darba smajnieh ir-rakkont ta’ meta Marija ta’ Nazaret kienet xebba żagħżugħa ta’ madwar 16-il sena miġbura fit-talb ikollha żjara speċjali. Il-Vanġelju jgħidilna li l-anġlu Gabriel – l-isem tiegħu jfisser Alla huwa qawwi, jew il-qawwa ta’ Alla – iżur lil Marija mibgħut minn Alla, jagħtiha tislima speċjali: “Inti mimliija bil-grazzja, il-Mulej miegħek.” (Lq 1:28). U hi titħawwad xi ftit imma dan għadu l-bidu. Se jgħidilha li l-qawwa tal-Ispirtu s-Santu fil-ġuf tagħha se jitnissel tifel, l-Iben ta’ Alla magħmul bniedem (Lq 1:31).

Minn dak il-mument malli tgħid iva “Hawn hi l-qaddejja tal-Mulej, ikun minni skont kelmtek” (Lq 1:38) il-ġuf ta’ Marija jsir id-dar ta’ Alla, isir post qaddis. Il-ġuf ta’ kull omm huwa post qaddis għax huwa l-post tal-ħajja, huwa l-post fejn ilkoll kemm aħna bdejna neżistu, kbirna għal 9 xhur sakemm wasal il-mument li nitwieldu. 

Jiena tolqotni ħafna t-talba li l-Knisja titlob bħal-lum, fl-20 ta’ Diċembru kull sena, għaliex il-Knisja titlob hekk, mimlija bil-fidi li tgħid: “Il-Verġni bla tebgħa, imħabbra mill-anġlu laqgħet fil-ġuf tagħha l-Verb etern tiegħek u, mimlija bid-dawl tal-Ispirtu s-Santu, saret għamara ta’ Alla” (kolletta). Issa l-Madonna saret għamara ta’ Alla, id-dar ta’ Alla għaliex il-baby li beda jikber fil-ġuf tagħha, kien l-Iben t’Alla. Imma kull mara li fil-ġuf tagħha jibda jikber baby hija għamara tax-xbieha ta’ Alla għax ilkoll kemm aħna maħluqa xbieha ta’ Alla. Kemm hu misteru kbir.

Illum naduraw lil Ġesu, l-lben t’Alla magħmul bniedem fil-ġuf tal-mamà tiegħu li hija l-għamara ta’ Alla imma wkoll inqimu fil-ġuf ta’ kull mara x-xbieha ta’ Alla li qed tikber biex tkun tista’ titwieled. 

Aħna nitolbu li l-ġuf ikun dejjem post sabiħ ta’ għożża. Veru li fil-ħajja jinqalgħu tant kumplikazzjonijiet u allura nitolbu ħafna għat-tobba biex isalvaw lill-omm u lit-tarbija li tkun se titwieled. Jgħidulna li dawn huma każijiet rari u nagħmlu tajjeb li nieħdu ħsieb biex nipproteġu lil kulħadd. Imma nitolbu ħafna llum fid-dawl anke tal-Evanġelju li għadna kemm smajna li l-ġuf jibqa’ post ta’ ħajja, post sabiħ fejn tikber ix-xbieha ta’ Alla. Il-bniedem, jekk hux boy jew girl jew inkella twins għax kultant Alla jgħid: ‘ara jien irrid iżjed ta, ħa jkun hemm twins ukoll jekk mhux triplets’. Kemm nagħmlu festa meta fil-ġuf minflok tarbija waħda jkun hemm ħafna, veru mbagħad irridu nixtru ħafna ħrieqi.

Imma nifirħu aħna, imdorrijin nifirħu bħalma qed nifirħu bit-twelid ta’ Ġesu. Jalla dan il-misteru kbir ta’ ħajja jibqa’ jġib ħafna ferħ.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Iż 7:10-14
Salm: 23 (24):1-2.3-4ab.5-6
L-Evanġelju: Lq 1:26-38

Aktar ritratti