L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

Fi żmien l-Avvent, aħna ltqajna ma’ diversi persuni fl-Iskrittura li jgħinuna nifhmu aktar iż-żmien ta’ tħejjija għall-Mulej, u xi tfisser ukoll il-miġja tal-Mulej fostna. Rajna lil Ġwanni l-Battista bi prominenza, u llum il-kelma ta’ Alla tiffoka fl-Evanġelju fuq Ġużeppi. 

Ġużeppi, ir-raġel ta’ Marija, kien il-missier putattiv, jiġifieri li jieħu ħsieb Ġesù, magħżul minn Alla għal missjoni hekk importanti. 

Nixtieq li nħarsu lejn dan il-bniedem li tant għandu x’jgħidilna għall-ħajja tagħna, u se nsemmi tliet karatteristiċi tiegħu li jiswew ħafna ta’ ġid għalina llum, fost diversi oħra li wieħed jista’ jara f’dan il-qaddis hekk għażiż.

Jisma’

L-ewwel nett, Ġużeppi kien bniedem li kellu l-kapaċità li jisma’. Fl-Evanġelju qatt ma nsibuh jitkellem, jidher li kien bniedem pjuttost silenzjuż. Imma nsibuh dejjem jisma’. Kull episodju fl-Evanġelju jurina lil Ġużeppi jisma’. 

Fl-Evanġelju tal-lum, jisma’ lill-anġlu u l-messaġġ li bagħatlu Alla permezz tiegħu. U lill-anġlu jisimgħu f’mumenti oħra, meta kellu jaħrab lejn l-Eġittu flimkien ma’ Marija u Ġesù, għax il-ħajja ta’ Ġesù kienet fil-periklu, u aktar tard meta kien wasal iż-żmien li jirritorna lura. F’waqt ieħor, naraw lil Ġużeppi jisma’ lil Xmun fit-tempju, meta Marija u hu ppreżentaw lil Ġesù. Meta snin wara Ġesù ntilef fit-tempju, jisma’ lil Marija tgħid lil Ġesù li kienu qegħdin ifittxuh b’qalbhom maqsuma u jisma’ lil Ġesù jweġibha: “Ma tafux li jiena għandi nkun f’dak li hu ta’ Missieri?” (Lq 2:49)

Għax dejjem kien jisma’, seta’ jagħraf aktar b’mod ċar dak li Alla ried minnu. Fl-Evanġelju llum, għall-ewwel hu kellu pjan differenti, imma meta sema’ l-anġlu tal-Mulej, għaraf li dak li kien qed jgħidlu kien tassew dak li jrid Alla u għalhekk kien lest li jibdel il-pjan tiegħu biex jimxi skont dak li jgħidlu l-Mulej.

F’dan, Ġużeppi jagħtina messaġġ importanti għal ħajjitna. Kultant m’aħniex kapaċi nisimgħu. Ġieli nitkellmu aktar milli nisimgħu, imma kemm-il darba hemm bżonn nieqfu nitkellmu biex nisimgħu. Anke fit-talb tagħna. It-talb ifisser id-djalogu ma’ Alla fejn l-ewwel noqogħdu fil-kwiet nisimgħuh, qabel ma ngħidu aħna. Meta jkollna l-attenzjoni fis-smigħ, nindunaw kemm tagħmlilna ġid – kemm ma’ Alla, kif ukoll ma’ xulxin. Huwa permezz tas-smigħ li aħna nagħrfu tassew dak li Alla jrid minna u dak li aħna għandna nagħmlu.

Jieħu azzjoni

Karatteristika oħra li toħroġ b’mod sabiħ ħafna fl-Evanġelju hija li Ġużeppi kien bniedem ta’ impenn, li jieħu azzjoni fejn hemm bżonn jagħmel xi ħaġa. Ma kienx bniedem li jisma’ biss u jibqa’ ma jagħmilx jew jibqa’ għaddej; kien bniedem li, fejn meħtieġ, jieħu azzjoni. Fil-fatt fl-Evanġelju, kulfejn naraw lil Ġużeppi, wara li narawh jisma’, dejjem jagħmel xi ħaġa. Hemm enfasi fuq il-verbi li jfissru azzjoni. Fl-Evanġelju llum jgħidlek li “meta qam, għamel kif ordnalu l-anġlu tal-Mulej” (Mt 1:24). Kien kapaċi jisma’, imma kien kapaċi jieħu d-deċiżjonijiet neċessarji għall-familja ta’ Nażaret.

F’dan ukoll hu ta’ eżempju għalina. Aħna hemm bżonn nisimgħu, imma hemm bżonn ukoll li nagħmlu dak li għandna nagħmlu, u nagħmluh b’responsabbiltà. Ġużeppi qatt ma kien ifarfar fuq ħaddieħor dak li kellu jagħmel hu. Aħna wkoll għandna nerfgħu r-responsabbiltà li għandna u nieħdu azzjoni fejn din hi meħtieġa.

Jipproteġi l-ħajja

It-tielet karatteristika tassew sabiħa f’Ġużeppi, li tant hi relevanti għalina llum, hi li Ġużeppi kien dak li jipproteġi l-ħajja, li jiddefendi l-ħajja; u l-ħajja mill-ewwel mument tat-tnissil tagħha.

Araw fl-Evanġelju tal-lum, meta ma setax jifhem kif Marija kien se jkollha tarbija, “ma riedx ixandarha quddiem kulħadd” (Mt 1:19). Xi tfisser din? Dak iż-żmien, kieku għamel hekk u xandarha, lil Marija kienu jħaġġruha. U kienu joqtlu lilha, u flimkien magħha joqtlu lil binha Ġesù. Ġużeppi ddeċieda li jieħu triq oħra u “jibgħatha bil-moħbi” biex ma jħaġġruhiex. Ried isalva l-ħajja tagħha u tat-tarbija li kienet fil-ġuf tagħha, Ġesù.

Dejjem hekk insibuh lil Ġużeppi: dak li jipproteġi l-ħajja. Għamel hekk meta Ġesù ġie biex jitwieled, għamel hekk ukoll meta ħa lill-familja tiegħu u ħarbu lejn l-Eġittu, għax il-ħajja tat-tarbija Ġesù kienet mhedda. Ġużeppi jipproteġi l-ħajja f’kull waqt tagħha, u jagħmel dan mill-ewwel mument tat-tnissil tagħha.

F’dan ukoll Ġużeppi hu ta’ eżempju kbir għalina. Hemm bżonn li aħna jkollna dejjem din l-għażla li nipproteġu l-ħajja f’kull waqt tagħha, mill-ewwel mument tagħha, mit-tnissil, meta x-xjenza tgħidilna li hemm diġà bniedem. Mhumiex ftit ċelloli li tista’ tiddisponi minnhom, imma hija ħajja ta’ bniedem li għandek tħarisha.  Li hemm ħajja umana mit-tnissil mhijiex hekk għax jgħidha l-Papa jew l-Isqof jew xi qassis jew xi soru jew għax tgħidha l-Knisja. Hi x-xjenza li turina li hemm diġà ħajja umana mat-tnissil. Li tgħidilna l-Knisja hu biex inħarsu u ngħożżu l-ħajja umana mill-bidu nett tagħha sat-tmiem naturali tagħha, u f’kull waqt tagħha.

Dan il-Milied, aħna u nikkontemplaw lil Ġesù mwieled fl-għar u mdawwar b’għożża minn Ommu Marija u minn Ġużeppi, nagħmlu tajjeb li nħallu lill-Mulej ikellimna permezz ta’ din il-familja ta’ Nażaret u minn Ġużeppi nitgħallmu nkunu nies kapaċi nisimgħu b’attenzjoni; li lesti nieħdu azzjoni fejn hi meħtieġa; u li nipproteġu u niddefendu l-ħajja umana dejjem.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju